"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba li ngħaqad mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE personalment. Huwa informa lill-ministri tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post, u enfasizza kif l-Ukrajna hija attwalment impenjata fuq żewġ fronti: il-front militari - hekk kif Putin jipprova joħloq momentum ġdid fil-gwerra tiegħu qabel ix-xitwa u jippromwovi l-kandidatura presidenzjali tiegħu - u l-perkors tal-adeżjoni tagħha mal-UE.
Ir-Rappreżentant Għoli kkonferma li kien diġà nieda d-djalogu u l-konsultazzjonijiet tal-esperti mal-Ukrajna dwar l-impenji futuri fil-qasam tas-sigurtà, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li l-UE mhux biss tipprovdi appoġġ militari operazzjonali lill-Ukrajna, iżda wkoll li taħdem fuq finanzjament prevedibbli fit-tul.
Maġġoranza kbira ta' ministri kienu ċari ħafna: dan mhuwiex il-mument li ndgħajfu l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna, għall-kuntrarju dan huwa l-mument biex l-appoġġ jiżdied u jitħaffef. Biex dan isir, jeħtieġ li nibqgħu magħqudin. Jeħtieġ li nsaħħu l-industrija tad-difiża tagħna, biex ngħinu lill-Ukrajna tagħti spinta lill-industrija tad-difiża tagħha stess. Jeħtieġ li naqblu dwar it-tmien pakkett tal-EPF u żieda ġdida tal-EPF ta' €5 biljuni.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-Kunsill Ewropew mistenni jagħti gwida dwar l-impenji ta' sigurtà fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru.
Ir-Rappreżentant Għoli informa lill-Kunsill dwar il-ħidma mwettqa flimkien mal-Kummissjoni Ewropea fuq l-introjti mill-assi immobilizzati Russi. Il-proposti ser jiġu ppreżentati lill-Kunsill fil-jiem li ġejjin.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni f'Iżrael u fir-reġjun, fl-isfond tat-tkomplija tal-ostilitajiet u l-estensjoni tagħhom għan-Nofsinhar ta' Gaża.
Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni katastrofika tal-popolazzjoni ċivili f'Gaża u ż-żamma inaċċettabbli ta' ostaġġi mit-terroristi.
F'dan il-kuntest ir-Rappreżentant Għoli enfasizza li t-tbatija umana f'Gaża tikkostitwixxi sfida bla preċedent għall-komunità internazzjonali. Il-vittmi ċivili huma bejn 60% u 70% tal-imwiet globali u 85% tal-popolazzjoni - madwar 1.9 miljun persuna - hija spostata internament.
Ninsabu allarmati bil-vjolenza fix-Xatt tal-Punent minn kolonizzaturi estremisti. Ninsabu mħassba wkoll dwar il-fatt li l-gvern Iżraeljan approva l-kostruzzjoni ta' 1 700 unità ta' akkomodazzjoni oħra f'Ġerusalemm tal-Lvant biex jiġu estiżi l-insedjamenti - li aħna nqisu illegali skont id-dritt internazzjonali. Nikkundannaw din id-deċiżjoni.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
F'dan l-isfond, l-UE affermat mill-ġdid li l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Awtorità Palestinjana għandu jkompli. Ir-Rappreżentant Għoli rrapporta li l-ministri għamluha ċara ħafna lill-Kummissjoni li l-finanzjament annwali tal-UE lill-Awtorità Palestinjana jenħtieġ li jiġi rilaxxat malajr, wara r-rieżami tal-assistenza tal-UE, li ma sab l-ebda evidenza ta' ksur tar-regoli tal-UE, u lanqas tal-finanzjament tat-terroriżmu jew l-istimolu tal-mibegħda u l-antisemitiżmu.
Ir-Rappreżentant Għoli ppropona lill-Kunsill Affarijiet Barranin sett ta' elementi biex jiggwidaw l-azzjoni tal-UE:
l-ebda spostament furzat tal-popolazzjoni ċivili ta' Gaża, u lanqas okkupazzjoni tal-istrixxa mill-Iżrael
azzjoni kontinwa kontra l-Ħamas, inkluż permezz ta' miżuri restrittivi
ħidma lejn l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi kontra kolonizzaturi estremisti fix-Xatt tal-Punent, fuq il-passi tal-Istati Uniti
l-użu effettiv tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE fuq il-post - EUPOL COPs u EUBAM Rafah
Ir-Rappreżentant Għoli ser jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani biex jippreżenta lill-Kunsill proposti dwar kif għandu jitkompla l-proċess politiku, tiġi żgurata l-governanza f'Gaża u ssir ħidma fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar is-Saħel fejn is-sitwazzjoni qed tiddeterjora f'termini ta' sigurtà u governanza. Il-ġunti militari qed isaħħu l-poter tagħhom filwaqt li jillimitaw il-libertajiet u jżarmaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, u joqorbu lejn ir-Russja.
Il-Kunsill ħa nota tar-riżultati tas-Summit tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) li sar fl-10 ta' Diċembru u kkonferma l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-isforzi ta' medjazzjoni tagħha.
Il-ministri qablu dwar għadd ta' prinċipji gwida li abbażi tagħhom ser tiġi definita mill-ġdid l-azzjoni tal-UE fir-reġjun u ser jiġu adattati l-istrumenti tal-UE.
Barra minn hekk il-Kunsill nieda uffiċjalment inizjattiva ġdida tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) b'appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (il-Kosta tal-Avorju, il-Ghana, it-Togo u l-Benin) abbażi tat-talba tagħhom u bi qbil magħhom.
Il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE kellu skambju informali ta' fehmiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja Ararat Mirzoyan u ddiskuta kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja, l-appoġġ tal-UE għall-Armenja u l-prospetti għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Bħala l-ewwel pass ta' din il-kooperazzjoni msaħħa l-UE ser issaħħaħ il-missjoni ċivili tagħha tal-PSDK fl-Armenja, filwaqt li żżid il-preżenza tagħha fuq il-post minn 138 għal 209 membru tal-persunal, u b’hekk turi l-impenn tal-UE għall-istabbiltà tal-fruntiera bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.