"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-ministri għat-trasport, 4 ta' Ġunju 2020
Riżultati ewlenin
Fit-tielet vidjokonferenza informali tagħhom, il-ministri tal-UE għat-trasport iddiskutew irkupru sostenibbli u diġitali tas-settur tat-trasport wara t-tifqigħa tal-COVID-19.
Il-laqgħa kienet ippreseduta minn Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja. Il-Kummissjoni kienet irrappreżentata mill-Kummissarju Adina Vălean.
Fid-diskussjoni, il-ministri ġew mistiedna jirriflettu dwar
l-inizjattivi u l-investiment l-aktar urġenti għal irkupru sostenibbli u diġitali u li jistgħu jagħmlu s-settur aktar reżiljenti, u
l-aħjar għodda biex dawn l-objettivi jintlaħqu fi żmien qasir sa medju u fit-tul.
Issa li qegħdin naħdmu għall-irkupru, għandna l-opportunità li s-settur tat-trasport tagħna nagħmluh aktar ekoloġiku aktar malajr, li ser jagħti spinta lill-industrija tagħna. Barra minn hekk, il-pakkett finanzjarju ta' rkupru ppreżentat mill-Kummissjoni huwa akbar minn qatt qabel, u huwa importanti li s-settur tat-trasport jiġi kkunsidrat b'mod ġenerali fid-diskussjonijiet dwar il-baġit il-ġdid. Is-settur tagħna huwa vitali għall-ekonomija Ewropea u l-kummerċ globali, iżda wkoll għall-ambizzjoni globali dwar il-klima fil-livell tal-UE.
Oleg Butković, Ministru għall-Baħar, it-Trasport u l-Infrastruttura tal-Kroazja
Fid-diskussjoni, il-ministri affermaw mill-ġdid l-importanza ta' approċċ ikkoordinat kemm biex jiġu introdotti miżuri biex titwaqqaf l-imxija tal-virus u tiġi applikata l-istrateġija tal-ħruġ, kif ukoll biex jiġi żgurat l-irkupru.
Huma laqgħu l-pakkett dwar it-turiżmu u t-trasport ippreżentat mill-Kummissjoni f'Mejju, li jinkludi linji gwida utli għas-settur tat-trasport. Il-ministri saħqu fuq il-ħtieġa għal protokolli tas-saħħa armonizzati biex jiġu żgurati servizzi transkonfinali.
Il-ministri kkonfermaw il-ħtieġa ta' kuntatti globali bil-ħsieb li jiġu solvuti kwistjonijiet dwar il-bdil tal-ekwipaġġ sabiex kemm il-baħħara tal-UE kif ukoll dawk ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur lejn darhom jew jibdew vjaġġi ġodda kemm f'portijiet tal-UE kif ukoll f'dawk mhux tal-UE.
L-istati membri qablu li t-trasport, bħala settur li ntlaqat estremament ħażin mill-pandemija, ser jeħtieġ appoġġ finanzjarju. Għadd kbir ta' ministri qiesu li l-investiment pubbliku fl-irkupru tas-settur tat-trasport għandu jiġi b'impenn mill-industrija għal mobbiltà aktar nadifa u aktar sostenibbli.
Rigward il-kunċett ta' sostenibbiltà, l-istati membri qablu li dan ma għandux ikun limitat għall-ekoloġizzazzjoni tas-settur iżda għandu jinkludi wkoll aspetti soċjali u ekonomiċi tal-industrija tat-trasport.
Għadd ta' ministri indikaw li xi proposti leġislattivi attwali, bħar-reviżjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji u l-Eurovignette, ser jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tat-trasport. It-tlestija tal-ħidma fuq il-proposta tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji (2021) tagħmel il-benefiċċji li jintużaw il-ferroviji aktar viżibbli għall-passiġġieri u għan-negozji.
Il-ministri ta' 23 stat membru ħarġu dikjarazzjoni li tappella għal pjattaforma biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-istati membri u ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, bil-għan li jittejbu s-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-passiġġieri. Il-pjattaforma għandha taħdem mill-qrib mas-settur ferrovjarju u l-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri.
Diversi ministri semmew li ż-żieda fl-użu ta' karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli hija essenzjali għal avjazzjoni aktar sostenibbli.
Il-ministri enfasizzaw l-importanza li l-UE timplimenta CORSIA għall-fażi pilota, li għandha tibda s-sena d-dieħla.
Il-ministri qiesu li l-kriżi tat spinta lill bidla lejn aktar servizzi u proċessi amministrattivi diġitali, li ser inaqqsu d-dipendenza fuq burokrazija fiżika żejda.
Il-ministri laqgħu l-adozzjoni li ser issir tal-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trasport fuq l-ilma b'livell newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, l-ebda aċċident, awtomatizzat u kompetittiv. Ilbieraħ tniedet proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet mill-Kunsill.
Fl-aħħar nett, il-ministri appellaw għal strateġija ta' rkupru għat-trasport li tkun koordinata u bbilanċjata u li ser tgħaqqad il-protezzjoni imperattiva tas-saħħa pubblika ma' rkupru operazzjonali u ekonomiku. Din l-istrateġija jeħtieġ li ssir konkreta fil-ġimgħat li ġejjin.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.