Ażerbajġan
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Ażerbajġan huma msejsa fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan, fis-seħħ mill-1999. L-UE hija l-investitur ewlieni fl-Ażerbajġan u l-akbar fost is-sħab kummerċjali tiegħu.
Sħubija tal-Lvant
L-UE tikkoopera mal-Ażerbajġan fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u d-dimensjoni reġjonali tal-Lvant tagħha, is-Sħubija tal-Lvant.
Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan huma msejsa fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan, fis-seħħ mill-1999.
Fl-14 ta' Novembru 2016, il-Kunsill adotta mandat biex jinnegozja ftehim qafas aġġornat mal-Ażerbajġan. In-negozjati nbdew fis-7 ta' Frar 2017.
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan hija ggwidata wkoll mill-prijoritajiet tas-sħubija konġunta li ilhom fis-seħħ mill-2018. Dawk il-prijoritajiet jirriflettu l-valuri u l-prinċipji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u jinkludu:
- it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-governanza tajba
- l-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq
- il-konnettività, l-effiċjenza fl-enerġija, l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima
- il-mobbiltà u l-kuntatti bejn in-nies
- Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan (ġurnal uffiċjali tal-UE)
- Sħubija tal-Lvant
- L-UE ser tniedi negozjati dwar ftehim ġdid mal-Ażerbajġan (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Novembru 2016)
Kunsill ta' Kooperazzjoni
Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni huwa l-ogħla istituzzjoni formali stabbilita skont il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan, u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim.
It-18-il Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan iltaqa' fi Brussell fid-19 ta' Lulju 2022. L-għan tal-laqgħa kien li jsir rieżami tal-istat ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan u li jiġu diskussi kwistjonijiet ta' interess reċiproku bil-ħsieb ta' kooperazzjoni fil-futur.
Faċilitazzjoni tal-viżi
Il-ftehim bejn l-UE u l-Ażerbajġan għall-faċilitazzjoni tal-viżi daħal fis-seħħ fl-2014, li jagħmilha aktar faċli u orħos għaċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, u b'mod partikolari dawk li jivvjaġġaw spiss, li jiksbu viżi għal soġġorn qasir li jħalluhom jivvjaġġaw fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE.
Proċess ta' normalizzazzjoni bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan
Appoġġ għall-paċi
L-UE tappoġġa bis-sħiħ in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, abbażi tar-rikonoxximent reċiproku tas-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri ta' xulxin, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Alma-Ata tal-1991.
L-UE ilha snin taħdem maż-żewġ partijiet u mas-sħab internazzjonali biex toħloq il-kundizzjonijiet li jwasslu għal paċi dejjiema, bl-involviment personali ta' presidenti konsekuttivi tal-Kunsill Ewropew u bl-isforzi persistenti tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.
F'Awwissu 2025, l-UE laqgħet bi pjaċir l-inizjalar tat-trattat ta' paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u l-firma ta' dikjarazzjoni politika. Dan il-ftehim bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan jimmarka pass sinifikanti biex jintemmu għexieren ta' snin ta' kunflitt.
L-UE tinsab lesta tinvesti fil-konnettività reġjonali u fi ftuħ sħiħ, biex l-ewwel qabel kollox jibbenefikaw il-popolazzjonijiet maqsumin minn legati ta' kunflitt, u biex ir-reġjun jitqarreb lejn paċi, stabbiltà u prosperità sostenibbli.
- Dikjarazzjoni konġunta mill-President Costa tal-Kunsill Ewropew u l-President von der Leyen tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-inizjalar tat-Trattat ta' Paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u dwar id-dikjarazzjoni bejn il-President Aliyev u l-Prim Ministru Pashinyan f'Washington DC (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Awwissu 2025)
- Armenja/Ażerbajġan: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-inizjalar tat-Trattat ta' Paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan (stqarrija għall-istampa, 8 ta' Awwissu 2025)
- Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna)
Missjoni ċivili
Fit-23 ta' Jannar 2023, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi missjoni ċivili fl-Armenja (EUMA) fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).
L-għan tal-missjoni huwa li tikkontribwixxi għal:
- l-istabbiltà fiż-żoni tal-fruntiera tal-Armenja u l-Ażerbajġan
- it-tisħiħ tal-fiduċja fuq il-post
L-EUMA tnediet wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2022 li jiġi stazzjonat tim ta' esperti fil-monitoraġġ fl-Armenja, tul il-fruntiera internazzjonali tagħha mal-Ażerbajġan, bl-għan li jissorveljaw u janalizzaw is-sitwazzjoni fir-reġjun, u jirrappurtaw dwarha.
Il-mandat tal-missjoni huwa attiv sa Frar 2027.
Appoġġ tal-UE għall-Ażerbajġan
Investimenti
L-UE hija l-akbar investitur barrani tal-Ażerbajġan, kemm fis-settur taż-żejt kif ukoll f'dak mhux taż-żejt.
L-UE tappoġġa lill-Ażerbajġan b'investimenti biex tgħin id-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiż u taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Pereżempju l-investimenti tal-UE jiffinanzjaw:
- il-port ta' Baku bħala ċentru sostenibbli għall-moviment tal-merkanzija u s-servizzi
- id-diġitalizzazzjoni tal-kurituri tat-trasport fl-Ażerbajġan
- il-kompetittività ta' 25 000 start-up u SMEs
- l-iżvilupp rurali u t-tkabbir ekonomiku
- infrastruttura sostenibbli u soluzzjonijiet għal bliet aktar intelliġenti u aktar ekoloġiċi
L-UE hija wkoll l-akbar donatur tal-Ażerbajġan fejn jidħlu operazzjonijiet ta' tneħħija tal-mini fl-Ażerbajġan, u tagħti appoġġ vitali biex jitnaqqsu r-riskji u jiġu evitati l-imwiet.
Riformi u soċjetà
L-UE tappoġġa l-iżvilupp u riformi soċjoekonomiċi fl-Ażerbajġan permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni (NDICI).
Ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja hija waħda mill-prijoritajiet tal-assistenza tal-UE lill-Ażerbajġan. L-UE tappoġġa speċifikament soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim, tgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tagħti għajnuna legali liċ-ċittadini u n-negozji kif ukoll aċċess aħjar għall-ġustizzja.
L-Ażerbajġan huwa wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-istrument ta' ġemellaġġ, li joffri taħriġ bejn il-pari u skambji ma' amministrazzjonijiet pubbliċi mill-istati membri tal-UE.
L-UE hija minn ta' quddiem fl-appoġġ li tagħti lis-soċjetà ċivili fl-Ażerbajġan, filwaqt li tippromwovi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, tal-espressjoni u tal-għaqda.
Kummerċ
Fl-2024 l-UE kienet is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ażerbajġan, u rrappreżentat madwar 41.2% tal-kummerċ totali tal-pajjiż f’oġġetti, u l-akbar suq għall-esportazzjoni tal-Ażerbajġan, b'sehem ta' 63.3% fl-esportazzjoni tiegħu u sehem ta' 13.2% fl-importazzjoni tiegħu.
L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Ażerbajġan huma ddominati minn makkinarju u tagħmir tat-trasport. Esportazzjonijiet oħra tal-UE lejn l-Ażerbajġan prinċipalment jinkludu sustanzi kimiċi u prodotti relatati, kif ukoll prodotti u oġġetti mmanifatturati.
Sħab fil-qasam tal-enerġija
L-Ażerbajġan huwa sieħeb strateġiku għall-UE fil-qasam tal-enerġija, u bħalissa jforni madwar 5% tad-domanda tal-UE għall-gass. Il-kuritur tal-gass tan-nofsinhar huwa inizjattiva strateġika biex il-gass mill-Baħar Kaspju jintbagħat lis-swieq Ewropej u huwa għodda ewlenija biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija fl-Ewropa.
Fl-2019, l-Ażerbajġan ingħaqad mas-sħubija għall-effiċjenza enerġetika u l-ambjent fl-Ewropa tal-Lvant (E5P). Permezz tal-inizjattiva EU4Energy ngħata aktar appoġġ tal-UE fis-settur tal-enerġija, fost oħrajn b'rabta mal-effiċjenza fl-enerġija.
F'Marzu 2024, l-UE ffaċilitat ukoll memorandum ta' qbil dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mir-riħ bejn l-aġenzija Ażerbajġana għall-enerġija rinnovabbli u l-assoċjazzjoni Ewropea tal-industrija WindEurope.
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Awwissu 2025