Spjegazzjoni dwar l-istrument baġitarju taż-żona tal-euro
X'inhu l-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività?
Il-BICC huwa għodda baġitarja ddedikata għaż-żona tal-euro (ŻE). Dan ser jiffinanzja pakketti ta' riformi strutturali u investimenti pubbliċi sabiex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji taż-żona tal-euro u r-reżiljenza tal-munita unika kontra xokkijiet ekonomiċi.
Għalkemm huwa msejjes fuq il-baġit tal-UE, il-BICC huwa differenti minn strumenti eżistenti tal-UE f'ħafna aspetti. Is-summit tal-Euro u l-Grupp tal-Euro (GE) ser jipprovdu gwida strateġika għall-BICC kull sena, filwaqt li l-ġestjoni tal-istrument ser tkun f'idejn il-Kummissjoni.
L-argumenti favur għodda ffukata fuq iż-żona tal-euro saru aktar akuti wara l-kriżi, li ġiet amplifikata bl-akkumulazzjoni ta' diverġenzi fost il-membri taż-ŻE. Iż-żona tal-euro ma kellhiex biżżejjed għodod biex trawwem il-kompetittività u l-konverġenza fost il-membri tagħha u biex issaħħaħ il-koordinazzjoni ekonomika. Ikkalibrat sew, dan l-istrument jista' jsir mutur għal tkabbir inklużiv u sostenibbli.
L-istati membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju II ser ikunu jistgħu jipparteċipaw, fuq bażi volontarja.
Meta ser jibda?
Mistenni li dan isir operattiv flimkien mal-baġit tal-UE għall-2021-2027 (magħruf ukoll bħala l-Qafas Finanzjarju Pluriennali), li għandu jidħol fis-seħħ fl-2021.
Kemm ser ikun hemm flus disponibbli?
Il-BICC ser juża l-baġit tal-UE. Għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar l-ammont ta' fondi disponibbli għall-BICC. Il-mexxejja ser jagħmlu dan fil-kuntest tan-negozjati dwar il-baġit tal-UE.
Biex jiġi stabbilit id-daqs tal-BICC fin-negozjati dwar il-baġit tal-UE għall-2021-27, il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill - li qed tmexxi dawn in-negozjati u li ġiet mitluba mill-mexxejja biex tippreżenta l-hekk imsejħa “Kaxxa ta' Negozjar” - għandha l-intenzjoni li tqis is-sehem taż-żona tal-euro ta' linja baġitarja speċifika inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni għall-pakkett baġitarju tal-UE għall-2021-27. Din il-linja baġitarja tikkorrispondi għall-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, li inizjalment ġiet imfassla biex tappoġġa inizjattivi ta' riforma fil-pajjiżi kollha tal-UE. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni assenjat €25 biljun, li minnhom madwar €17-il biljun ser ikunu allokati għad-19-il pajjiż taż-żona tal-euro. Dawn l-ammonti huma purament indikattivi f'dan l-istadju.
Min ser imexxi l-istrument? X'inhu r-rwol tal-Grupp tal-Euro?
Il-pajjiżi taż-żona tal-euro ser jipprovdu gwida strateġika għall-istrument, filwaqt li l-Kummissjoni ser tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha u tipprovdi appoġġ lill-istati membri.
Il-gvernijiet taż-żona tal-euro ser jistabbilixxu l-prijoritajiet għal investimenti u riformi fiż-żona tal-euro kollha, u dawk il-prijoritajiet ser jiffurmaw il-bażi għall-valutazzjoni ta' proġetti mressqa minn kull pajjiż.
Kif inhu marbut mas-Semestru Ewropew?
Il-proċess għall-għażla ta' proġetti għal riformi u investimenti appoġġati mill-BICC ser jibni fuq l-iskeda ta' żmien tas-Semestru Ewropew.
Il-membri taż-żona tal-euro ser jiddiskutu l-prijoritajiet għar-riforma u l-investiment bħala l-ewwel pass fil-proċess. Dan ser jiġi segwit minn rakkomandazzjonijiet imsaħħa taż-żona tal-euro, li huma parti ewlenija mis-Semestru.
L-istati membri mbagħad ser jissottomettu proposti, li għandhom - bħala regola - jikkonsistu f'pakketti ta' riformi u investimenti, marbuta mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma. Fil-valutazzjoni tagħha tal-proġetti, il-Kummissjoni ser tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi eżistenti.
Il-proposti tal-Istati Membri ser jinkludu mhux biss l-ispejjeż stmati tal-investimenti u, fejn xieraq, tar-riformi strutturali, u ġustifikazzjonijiet għal dawn l-ispejjeż stmati, iżda wkoll l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, li tindika l-istadji importanti u l-miri rilevanti.
Xi rwol ser ikollhom il-parlamenti nazzjonali fil-BICC?
L-istrument baġitarju ser ikun parti mill-baġit tal-UE, li jfisser li l-Parlament Ewropew kif ukoll il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ser ikollhom parti importanti.
Il-Kummissjoni ser tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. L-użu tal-fondi ser ikun soġġett għall-iskrutinju tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-kwittanza tal-Parlament Ewropew.
Fl-istess ħin, il-parlamenti nazzjonali ser ikollhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom fil-proposti tal-pajjiżi għal proġetti eliġibbli.
X'inhu r-raġunament wara l-idea ta' baġit għaż-żona tal-euro?
In-nuqqas ta' pilastru fiskali - li jista' jintuża biex jakkumpanja politika monetarja unika - fl-istabbiliment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ilu żmien twil suġġett ta' diskussjoni fost dawk li jfasslu l-politika u l-ekonomisti.
Fl-istruttura attwali, il-politika fiskali mhijiex kompetenza kondiviża, iżda hija deċiża mill-awtoritajiet nazzjonali, li madankollu jridu jirrispettaw ir-regoli fiskali miftiehma b'mod komuni.
Il-BICC jistabbilixxi għodda baġitarja ġdida ddedikata għaż-żona tal-euro. Permezz tal-promozzjoni tal-konverġenza u tal-kompetittività, dan l-istrument għandu l-għan li jgħin biex l-ekonomiji taż-żona tal-euro jiġu allinjati. Dan għandu jżid l-effikaċja tal-politika monetarja u, b'hekk, itaffi t-tħassib dwar il-ħtieġa għal trasferimenti fiskali permanenti.
Il-pajjiżi kif ser jiffinanzjaw dan l-istrument?
L-istrument ser juża l-baġit tal-UE. Dan huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-istati membri, li huma fil-biċċa l-kbira ekwivalenti għad-daqs tal-ekonomiji rispettivi tagħhom.
Ser tiġi inkluża klawżola fir-regolament li tippermetti lill-membri parteċipanti jiffinanzjaw l-istrument b'kontribuzzjonijiet nazzjonali lil hinn mill-hekk imsejħa riżorsi ta' fondi proprji tal-baġit tal-UE. Dan ikun jeħtieġ il-konklużjoni ta' ftehim intergovernattiv.
Il-ħidma teknika qed tkompli fuq din il-kwistjoni u ser tittieħed deċiżjoni finali fil-kuntest tan-negozjati tal-baġit tal-UE.
Il-flus tal-BICC ser jinħarġu permezz ta' għotjiet jew self, jew it-tnejn li huma?
L-appoġġ ser jieħu l-forma ta' għotjiet - fi kliem ieħor, kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti. L-istima tal-ispejjeż, fi ħdan il-pakkett għal kull stat membru abbażi tal-iskema ta' allokazzjoni, ser tiddetermina l-ammont tal-appoġġ li stat membru ser jirċievi għal proġett partikolari.
X'inhi d-differenza bejn il-BICC u fondi strutturali oħra?
Il-BICC jispikka fost strumenti baġitarji oħra tal-UE, b'mod partikolari l-fondi strutturali, għall-governanza ddedikata tiegħu u l-flessibbiltà li għandu fl-allokazzjoni u l-infiq tal-fondi.
L-istrument huwa maħsub biex jindirizza l-isfidi li qed jevolvu tal-membri taż-żona tal-euro. Għal dan il-għan, il-membri taż-żona tal-euro ser jiddeċiedu flimkien, fuq bażi annwali, dwar kif għandhom jintużaw il-flus, filwaqt li jagħtu lok lilhom infushom għal tmexxija ekonomika effettiva.
Biex jissaħħaħ dan il-proċess, l-istrument ser jippermetti ċertu livell ta' flessibilità għall-allokazzjoni tal-fondi bejn il-pajjiżi, f'konformità mal-prijoritajiet tagħhom.
Dan kollu jikkuntrasta mal-baġit pluriennali tal-UE, li jalloka minn qabel parti kbira mit-total tiegħu.
Il-pajjiżi ser ikollhom jikkofinanzjaw?
L-istati membri jridu jkunu involuti direttament b'mod finanzjarju. Fi żminijiet normali, il-gvernijiet nazzjonali ser ikopru 25 % tal-ispiża tal-proġetti eliġibbli. Fil-każ ta' ċirkostanzi ekonomiċi severi kif definit fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, din ir-rata ta' kofinanzjament ser titnaqqas bin-nofs.
Hemm funzjoni ta' stabbilizzazzjoni fil-BICC?
Il-BICC huwa mmirat lejn il-konverġenza u l-kompetittività. Fi żminijiet ta' kriżi, ir-riżorsi huma skarsi u l-investiment spiss ibagħti l-konsegwenzi ta' dan. Biex jiġu protetti l-livelli ta' investiment, ir-rati ta' kofinanzjament nazzjonali ser jitnaqqsu fil-każ ta' ċirkostanzi ekonomiċi severi. Dan ser jgħin biex tiġi appoġġata l-ekonomija.
Id-diskussjonijiet dwar strument ta' stabbilizzazzjoni, bħal sistema komuni ta' riassigurazzjoni tal-qgħad jew fond prekawzjonarju (rainy day fund), ilhom għaddejjin fil-livell tekniku. Iżda għad m'hemmx kunsens dwaru.
Kif ser jitqassmu l-flus tal-BICC?
Il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro ser jibbenefikaw mill-BICC.
Tal-anqas 80% tal-fondi ser jinqasmu bejn kull pajjiż skont żewġ kriterji: PDG invertit per capita u l-popolazzjoni. L-ebda pajjiż mhu ser jirċievi anqas minn 70 % tas-sehem tiegħu, li jfisser li l-pajjiżi kollha ser jieħdu lura tal-anqas sebgħa minn kull għaxar euro tal-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-fond.
Il-bqija tal-fondi - sa 20 % tal-BICC - ser jintużaw b'mod flessibbli, biex ikun hemm reazzjoni għall-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi billi jiġu appoġġati pakketti ta' riformi u investimenti partikolarment ambizzjużi.
Hemm kondizzjonalità marbuta ma' dawn il-fondi tal-BICC?
Ma hemm l-ebda kondizzjonalità ta' politika speċifika għall-BICC. Il-kondizzjonijiet ta' politika li jillimitaw l-aċċess għall-fondi tal-baġit tal-UE ser japplikaw ukoll għall-BICC.
Dan ifisser li l-aċċess għall-finanzjament ser jiddependi fuq il-kondizzjonalità makroekonomika applikabbli stabbilita fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u fuq il-konformità mar-regoli orizzontali li japplikaw għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE (eż. ir-Regolament Finanzjarju).
Barra minn hekk, jeħtieġ li l-istati membri jwettqu l-impenji relatati mal-implimentazzjoni tal-pakketti proposti ta' riformi strutturali u investimenti.
Min iddeċieda li jistabbilixxi l-BICC? U meta?
Wara li l-euro għelbet il-kriżi finanzjarja, ħareġ kunsens dwar il-ħtieġa li jittieħdu aktar passi biex il-munita ssir aktar reżiljenti u biex l-ekonomiji jiġu protetti aktar kontra l-iskossi ekonomiċi.
F'dan l-isfond, f'Diċembru 2017 il-mexxejja talbu lill-ministri biex jiżviluppaw il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u jistabbilixxu garanzija ta' kontinġenza għar-riżoluzzjoni tal-banek u biex titlesta l-unjoni bankarja.
Taħt il-presidenza ta' Mário Centeno, fl-ewwel semestru tal-2018, il-Grupp tal-Euro (f'format inklużiv) kellu diskussjoni esploratorja dwar baġit taż-żona tal-euro, abbażi ta' kontribuzzjonijiet minn Franza u l-Ġermanja.
Minħabba dan, Mário Centeno kiteb lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk b'lista komprensiva tal-punti miftuħa kollha li tfaċċaw fid-diskussjonijiet u li jistgħu jifformaw parti mil-lista ta' riformi fiż-żona tal-euro. F'Ġunju 2018, il-mexxejja tal-UE talbu lill-Grupp tal-Euro biex jaħdem fuq il-punti kollha.
Sa Diċembru, il-President tal-Grupp tal-Euro kien kiteb lill-President Tusk biex jinfurmah dwar ir-rieda tal-ministri biex jaħdmu fuq it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iskeda ta' żmien ta' strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività.
Bħala risposta għal dan, il-mexxejja talbu lill-Grupp tal-Euro biex jiddefinixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-BICC, li ġew ippreżentati u kkonfermati mill-ġdid mill-mexxejja tal-UE f'Ġunju 2019.