"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Lenti fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali fl-UE

L-UE adottat regoli biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-pjattaformi billi tiġi indirizzata l-klassifikazzjoni ħażina, tittejjeb it-trasparenza, u tiġi protetta d-data personali.

It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija diġitali

Ix-xogħol fuq pjattaformi diġitali huwa mod relattivament ġdid ta' ħidma fejn pjattaforma online, bħal sit web jew app, tqabbel talba għal servizz minn klijent mal-provvista ta' xogħol imħallas minn individwu.

Id-direttiva l-ġdida, għandha l-għan li tgħin biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz ta' pjattaformi diġitali, filwaqt li tippreserva l-opportunitajiet u l-benefiċċji li ġġib magħha l-ekonomija tal-pjattaformi.

Fit-13 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar id-direttiva proposta. Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda fl-14 ta' Ottubru 2024.

Id-direttiva l-ġdida tindirizza każijiet ta' klassifikazzjoni ħażina tal-ħaddiema tal-pjattaformi u tiffaċilita t-triq għal ħaddiema bħal dawn biex jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala impjegati. Dan jiggarantixxi aċċess aktar faċli għad-drittijiet tagħhom bħala impjegati skont id-dritt tal-UE. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda ser jipproteġu aħjar id-data personali tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jżidu t-trasparenza dwar kif is-sistemi tal-algoritmi jintużaw biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol.

X'inhu r-rwol tal-ħaddiema tal-pjattaformi?

Nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jwettqu xogħol għall-klijenti bi ħlas. Il-pjattaformi diġitali jlaqqgħuhom ma' xulxin u jorganizzaw ix-xogħol li jsir.

Klijent jaċċessa pjattaforma tax-xogħol diġitali u jikseb tqabbil algoritmiku mill-pjattaforma ma' persuna li taħdem permezz tal-pjattaforma diġitali.
Il-klijenti jitqabblu b'mod algoritmiku minn pjattaforma tax-xogħol diġitali ma' persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaforma diġitali.

Kemm hemm minnhom u x'inhu l-profil tagħhom?

Hemm 28.3 miljun ħaddiem tal-pjattaformi diġitali fl-UE, li jikkostitwixxu forza tax-xogħol sostanzjali simili għall-għadd ta' persuni impjegati fil-manifattura (29 miljun ħaddiem). Din iċ-ċifra mistennija tiżdied malajr.

It-tkabbir mistenni tal-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali (2022–2025)

Verżjoni testwali

It-tkabbir mistenni tal-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali (2022–2025)

2022 - 28.3 miljun

2025 – 43 miljun

(tkabbir ta' + 52%)

Il-ħaddiema tal-pjattaformi x'aktarx ikunu rġiel u żgħażagħ, il-biċċa l-kbira huma kwalifikati żżejjed għax-xogħol li jagħmlu (il-maġġoranza għandhom kwalifika postsekondarja) u x-xogħol fuq il-pjattaformi ġeneralment ikuni s-sors sekondarju ta' introjtu tagħhom, minbarra x-xogħol regolari tagħhom.

Livell ta' ħiliet meħtieġ biex jingħataw is-servizzi

Verżjoni testwali

Livell ta' ħiliet meħtieġ biex jingħataw is-servizzi

  • 70% baxx
  • 20% baxx-medju u medju
  • 6% gholi
  • 4% kollha

X'tip ta' xogħol jagħmlu u għal min?

Fl-Ewropa, is-sewqan tat-taxis huwa l-aktar xogħol popolari mwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi.

Il-qligħ tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi skont it-tip ta' servizz li jingħata:

Verżjoni testwali

Il-qligħ tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi skont it-tip ta' servizz li jingħata:

-taxi 39%

-konsenja: konsenja tal-ikel, servizzi ta' ġarr, konsenja tax-xirja 24%

-servizzi tad-dar: tindif, snajja' 19%

-servizzi professjonali: kontabbiltà 7%

-freelance: disinn grafiku, editjar tar-ritratti 6%

-xogħol domestiku: indukrar tat-tfal, kura tas-saħħa 3%

-mikrokompiti: klassifikazzjoni ta' oġġetti, tikkettar 2%

Tipi ta' klijenti

Il-biċċa l-kbira tas-servizzi huma pprovduti lil klijenti individwali, u aktar minn 80% tal-klijenti jaqgħu f'din il-kategorija.

Dawn huma impjegati jew ħaddiema freelance?

Fl-UE, madwar 5 miljun ħaddiem tal-pjattaformi huma kklassifikati b'mod skorrett.

L-istatus korrett fl-impjieg għall-ħaddiema tal-pjattaformi huwa kruċjali biex jiġi żgurat li dawn igawdu d-drittijiet tax-xogħol li huma intitolati għalihom. Il-ħaddiema li jiġu kklassifikati b'mod skorrett bħala ħaddiema għal rashom mhumiex intitolati għall-istess drittijiet u protezzjonijiet bħal persuni impjegati.

Madwar 55% mill-ħaddiema tal-pjattaformi jaqilgħu inqas mill-paga minima netta fis-siegħa fil-pajjiż fejn jaħdmu, fejn teżisti paga minima.

Waqt li 41% tal-ħin li jiddedikaw għal xogħol tal-pjattaformi huwa mingħajr ħlas (eż xogħol ta' riċerka, il-ħin li fih jistennew biex jiġu assenjati xogħol, jevalwaw ir-riklami, eċċ.).

L-istatus fl-impjieg tat-28.3 miljun ħaddiem tal-pjattaformi

Verżjoni testwali

L-istatus fl-impjieg tat-28.3 miljun ħaddiem tal-pjattaformi:

  • 93% (=26.3 miljun) jaħdmu għal rashom (annotazzjoni: Fost dawn, madwar 19% (=5 miljuni) aktarx li huma klassifikati b'mod skorrett)
  • 7% (=2 miljun) impjegati

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Mejju 2025