Skip to content

L-imblukkar ġeografiku: nilliberalizzaw il-kummerċ elettroniku fl-UE

L-imblukkar ġeografiku huwa prattika diskriminatorja li tipprevjeni lill-klijenti online milli jaċċedu għal sit web ibbażat fi stat membru ieħor u jixtru prodotti jew servizzi minnu. Sabiex jitneħħa dan l-ostaklu, il-Kunsill qed tistabbilixxi regolament dwar l-imblukkar ġeografiku.

Fis-27 ta' Frar 2018, il-Kunsill adotta r-regolament biex jiġi projbit l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat fis-suq intern.

"It-tmiem tal-imblukkar ġeografiku jfisser għażla akbar, prezzijiet aħjar għall-konsumaturi u aktar opportunitajiet għan-negozji", qalet Lilyana Pavlova, Ministru għall-Presidenza Bulgara tal-Kunsill tal-UE.

Ir-regolament ser ineħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq:

  • in-nazzjonalità tal-klijenti
  • il-post ta' residenza
  • il-post ta' stabbiliment

Il-projbizzjoni tal-imblukkar ġeografiku hija element importanti tal-istrateġija għal suq uniku diġitali.

Ladarba jkollu effett, ir-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku ser jissupplimenta kisbiet importanti oħra bħat-tmiem tat-tariffi tar-roaming għal mowbajls u l-introduzzjoni tal-portabbiltà transkonfinali għal abbonamenti online.

The ban on geo-blocking is an important element of the digital single market
Geo-blocking in the EU (Infografika)

Geo-blocking in the EU (Infografika)

Għalfejn għandna bżonnu?

Bħalissa huma biss 15% tal-Ewropej li jixtru prodotti minn ħwienet online bbażati f'pajjiż ieħor tal-UE. Waħda mir-raġunijiet hija preċiżament il-prattika tal-"imblukkar ġeografiku".

Ir-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku ser ineħħi dawn ir-restrizzjonijiet u jilliberalizza l-kummerċ elettroniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi kif ukoll tal-kumpaniji.

Ser jipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi u l-kumpaniji fir-rigward tal-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kondizzjonijiet ta' ħlas meta jixtru prodotti jew servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE.

It-tmiem tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat ser ikabbar ħafna l-għażla disponibbli għaċ-ċittadini meta jixtru online u ser jagħti spinta kbira lill-kummerċ elettroniku. Il-konsumaturi ser ikunu jistgħu jfittxu l-aħjar offerti fi ħdan is-suq intern. Kadri Simson, Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Infrastruttura tal-Estonja

Fid‑dettall

Aċċess ugwali għal oġġetti u servizzi

Skont ir-regoli l-ġodda, in-negozjanti mhux ser ikunu jistgħu jiddiskriminaw bejn il-klijenti fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali - inkluż il-prezzijiet - fi tliet każijiet:

  • għal oġġetti li jiġu kkonsenjati fi stat membru li n-negozjant joffri konsenja lejh jew inkella jinġabru f'post maqbul mal-klijent
  • għal servizzi pprovduti elettronikament bħal cloud, ħżin tad-data u web-hosting
  • għal servizzi bħall-akkomodazzjoni f’lukanda u l-kiri ta’ karozzi li l-klijent jirċievi fil-pajjiż fejn jopera n-negozjant

Transazzjonijiet ta' pagament

Diskriminazzjoni mhux ġustifikata tal-klijenti fir-rigward tal-metodi ta' pagament ser tkun ipprojbita.

Għalhekk in-negozjanti mhux ser jitħallew japplikaw kondizzjonijiet differenti ta' pagament għall-klijenti għal raġunijiet ta' nazzjonalità, post tar-residenza jew post tal-istabbiliment.

Aċċess għas-siti web tal-kummerċ elettroniku

In-negozjanti mhux ser ikunu jistgħu jimblukkaw jew jillimitaw l-aċċess tal-klijenti għall-interfaċċa online tagħhom għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew post tar-residenza.

Ser ikollha tingħata spjegazzjoni ċara jekk negozjant jimblokka jew jillimita l-aċċess jew jirriderieġi lill-klijenti għal verżjoni differenti tal-interfaċċa online.

Bejgħ passiv

Bħala regola ġenerali, ir-regolament il-ġdid ser jipprevali f'każijiet ta' konflitt mal-liġi tal-kompetizzjoni. Madankollu, id-dritt tal-fornituri li jimponu restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv mhux ser jiġi affettwat.

Il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE tagħmel distinzjoni bejn bejgħ passiv (meta l-bejgħ isir bi tweġiba għal ordnijiet mhux mitluba) u bejgħ attiv (fejn il-bejjiegħa bl-imnut jimmiraw għal konsumaturi b'mod attiv).

B'mod ġenerali, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv jitqiesu bħala ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni filwaqt li restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv huma prattika komuni li ġejja mil-libertà kummerċjali.

Eċċezzjonijiet

Servizzi marbuta ma’ kontenut jew xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur f’forma intanġibbli, bħas-servizzi ta’ streaming tal-mużika u l kotba elettroniċi - ser jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Iżda dan ser ikun soġġett għal rieżami mill-Kummissjoni Ewropea.

Servizzi oħra bħal servizzi finanzjarji, awdjoviżivi, tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali wkoll ser ikunu esklużi.

Għall-kuntrarju tad-diskriminazzjoni fil-prezzijiet, id-differenzjar fil-prezzijiet mhux ser jiġi pprojbit. Għaldaqstant in-negozjanti ser ikunu liberi li joffru kondizzjonijiet ġenerali differenti, inkluż il-prezzijiet, u li jimmiraw għal ċerti gruppi ta' klijenti f'territorji speċifiċi.

Barra minn hekk, in-negozjanti mhux ser ikunu obbligati jikkonsenjaw oġġetti lil klijenti barra mill-istat membru li joffru konsenja lejh.

L-objettiv: suq tassew uniku

Sfond

F'Mejju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta dwar l-imblukkar ġeografiku. Din ġiet ippreżentata flimkien ma' proposti leġislattivi supplimentari dwar servizzi ta' konsenja transkonfinali ta' pakketti u rieżami tar-regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi. L-objettiv ta' dawn l-inizjattivi kien li nersqu lejn l-integrazzjoni ta' suq tassew uniku.

Fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill Ewropew talab l-implimentazzjoni tal-istrateġija għal suq uniku diġitali "fl-elementi kollha tagħha". Il-mexxejja tal-UE semmew li din għandha tippermetti lill-Unjoni Ewropea taffaċċja l-isfidi u tuża l-opportunitajiet li jirriżultaw mir-"raba' revoluzzjoni industrijali".

Dħul fis-seħħ

Il-Kunsill adotta r-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku fi Frar 2018 wara l-qbil finali ta' Novembru 2017. Ir-regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Ser ikun applikabbli disa' xhur wara l-pubblikazzjoni.

Klawżola ta' rieżami

Sentejn wara li jidħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni ser tagħmel l-ewwel evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-suq intern.

L-evalwazzjoni ser tinkludi l-applikazzjoni possibbli tar-regoli l-ġodda għal ċerti servizzi pprovduti elettronikament li joffru kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur bħal mużika, kotba elettroniċi, software u logħob online li jistgħu jitniżżlu.