"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat

Fid-9 ta' April 2014, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Il-pjattaforma ser tlaqqa' flimkien lill-Kummissjoni, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE responsabbli mill-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol u l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali.

Dawn ser jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Il-pjattaforma ser tippromwovi wkoll taħriġ għal persunal minn diversi pajjiżi u ser tidentifika prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet.

Xogħol mhux iddikjarat f'ċifri

  • €200 - ammont medju li kull ċittadin Ewropew jonfoq fis-sena fuq prodotti u servizzi mhux iddikjarati
  • €300 - id-dħul medju annwali mix-xogħol mhux iddikjarat
  • 11% taċ-ċittadini Ewropej (1 minn kull 9) jgħidu li xtraw prodotti jew servizzi li jinvolvu xogħol mhux iddikjarat is-sena li għaddiet
  • 15% sa 20% tal-PDG Ewropew huwa stima tal-ekonomija moħbija

Sors: Stħarriġ tal-Ewrobarometru, 'Undeclared work in the European Union' ('Xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea')

Għaliex hi meħtieġa?

Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa definit bħala kwalunkwe attività legali mħallsa li "mhix iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi."

L-effetti negattivi tax-xogħol mhux iddikjarat jinħassu mill-ħaddiema, in-negozji u l-gvernijiet.

Għall-ħaddiema, ix-xogħol mhux iddikjarat jirriżulta fi:

  • drittijiet tal-pensjoni aktar baxxi
  • inqas aċċess għall-kura tas-saħħa
  • kondizzjonijiet ħżiena tax-xogħol
  • ksur potenzjali tad-drittijiet tal-impjieg

Għan-negozji joħloq kompetizzjoni inġusta peress li l-kumpanniji li ma jiddikjarawx il-ħaddiema tagħhom jiksbu vantaġġ inġust.

Għall-gvernijiet, ifisser telf ta' dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali.

Ir-responsabbiltà għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat hija u ser tibqa' tal-istati membri. Il-pjattaforma proposta tgħinhom jiskambjaw informazzjoni, speċjalment f'sitwazzjonijiet transfruntieri fejn huwa diffiċli li x-xogħol mhux iddikjarat jiġi identifikat u penalizzat.

Il-pjattaforma ser timla vojt, peress li qabel ma kien hemm ebda kooperazzjoni fil-livell tal-UE bejn l-awtoritajiet nazzjonali li jiġġieldu kontra x-xogħol transfruntier mhux iddikjarat.

Kamp ta' applikazzjoni tal-azzjoni

Il-pjattaforma ser tkopri kull forma ta' xogħol mhux iddikjarat, inkluż impjieg indipendenti fittizju, li jintuża biex jaħbi l-impjieg ta' ħaddiem biex jiġu ffrankati t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali

Sħubija tal-Pjattaforma

Id-deċiżjoni toħloq pjattaforma li tinvolvi lill-istati membri kollha. Il-pjattaforma hija forum għall-prattikanti u mhux korp li jfassal il-politika.

Kull pajjiż ser jaħtar rappreżentant għoli biex iżomm kuntatt mal-awtoritajiet kollha responsabbli għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u 4 rappreżentanti tas-sħab soċjali organizzati fuq il-livell tal-UE (2 minn negozji u 2 minn trade unions) ser ikunu wkoll membri tal-pjattaforma.

Sħab soċjali minn setturi b’inċidenza għolja ta’ xogħol mhux iddikjarat, rappreżentanti tal-Eurofound, l-aġenzija Ewropea għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (EU-OSHA), l-ILO u l-pajjiżi taż-ŻEE ukoll ser ikunu involuti fil-ħidma tal-pjattaforma.

Azzjonijiet

Il-ħidma tal-pjattaforma ser tkopri aspetti differenti tax-xogħol mhux iddikjarat, li huma relatati mal-liġi tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà, is-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni.

Il-pjattaforma ser:

  • tippermetti li esperti minn madwar l-UE jikkondividu informazzjoni u l-aħjar prattiki
  • teżamina għodod nazzjonali u tal-UE għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat
  • tesplora modi ġodda biex jiġi indirizzat ix-xogħol transfruntier mhux iddikjarat billi ttejjeb il-qsim ta' data bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tidentifika prinċipji komuni għall-ispezzjonijiet
  • tippromwovi sessjonijiet ta' taħriġ konġunti u skambji ta' persunal

Fil‑Kunsill

Il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' April 2014. Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju wara sensiela ta’ laqgħat ta' trilogu fil-11 ta’ Novembru 2015. Fl-20 ta’ Novembru 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approva t-test ta' kompromess innegozjat mal-Parlament Ewropew.

Fit-2 ta’ Frar 2016, il-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi pjattaforma li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat fl-ewwel qari. Il-Kunsill adottaha formalment fl-24 ta’ Frar 2016.

Dħul fis-seħħ

Id-deċiżjoni ġiet ffirmata mill-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Marzu 2016. Il-pjattaforma tnediet uffiċjalment f'Mejju 2016.