"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Riforma tan-netwerk Ewropew tal-impjiegi EURES

EURES fil-qosor

Mniedi fl-1993, EURES huwa netwerk għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-Ewropa. Huwa jservi għall-iskambju ta' opportunitajiet ta' xogħol u applikazzjonijiet għal xogħol u ta' informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.

EURES jikkonsisti minn sit web u netwerk ta' madwar 900 konsulent dwar l-impjiegi fil-pajjiżi parteċipanti kollha: 28 stat tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

Dan jikkontribwixxi madwar 150 000 kollokament kull sena.

L-għan tar-riforma huwa li jiġu pprovduti servizzi aħjar ta' tiftix tax-xogħol u reklutaġġ fl-Ewropa kollha. Għandha l-għan li tagħti spinta tant meħtieġa lill-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE.

Il-proposta għal riforma ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fis-17 ta' Jannar 2014.

Wara qbil mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approva r-regoli l-ġodda fit-2 ta’ Diċembru 2015.

Ir-regoli l-ġodda ser jimmodernizzaw il-portal tal-EURES, li ser isir għodda ta’ mobilità aġġornata aċċessibbli għal kulħadd, li tagħmel użu mill-aħħar teknoloġiji tal-IT. Dawn ser iwasslu għal żieda fl-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala u ta' CVs ta' dawk li qed ifittxu xogħol permezz tal-EURES.

Ser jintroduċu wkoll tqabbil awtomatizzat bejn il-ħiliet ta' min qed ifittex xogħol u l-opportunitajiet tax-xogħol.

Għaliex għandna bżonnha?

Qabel mhux kull pajjiż tal-UE kien qed jagħmel il-postijiet tax-xogħol battala li jkunu ppubblikati fil-livell nazzjonali kollha disponibbli lill-portal tal-internet tal-EURES u ma kien hemm l-ebda skambju awtomatizzat tas-CVs ta' dawk li qed ifittxu xogħol fil-livell Ewropew.

Dan kien ifisser li dawk li kienu qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi kellhom aċċess għal għadd limitat ta' postijiet tax-xogħol battala u CVs.

Spiss, la l-ħaddiema u lanqas l-impjegaturi ma kienu konxji tal-EURES u s-servizzi li joffri. Is-servizzi tal-impjiegi fl-istati membri, li spiss huma l-ewwel punt ta' kuntatt, ma kinux meħtieġa jinfurmaw lill-klijenti dwar x'jista' jagħmel il-EURES għalihom u kif jista' jagħmlu.

Barra minn hekk, l-istati membri ma kinux jiskambjaw biżżejjed informazzjoni dwar nuqqasijiet u eċċessi ta' ħaddiema, u dan xekkel il-kooperazzjoni mmirata fin-netwerk tal-EURES. Għaldaqstant, dan ma kkontribwiex wisq biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa, li minħabba fihom xi pajjiżi sofrew minn qgħad għoli filwaqt li oħrajn iffaċċaw nuqqas ta' ħaddiema.

Ir-regoli l-ġodda ser jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet billi jagħmlu mill-EURES għodda tassew Ewropea ta' kollokament, tqabbil u reklutaġġ. In-netwerk modernizzat tal-EURES ser jagħmel l-informazzjoni dwar impjiegi fl-Ewropa kollha aktar faċilment aċċessibbli u ser joffri sostenn aħjar kemm lil dawk li qed ifittxu xogħol kif ukoll lill-impjegaturi.

Regoli ġodda

Benefiċċji għal dawk li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi

Il-firxa ta' servizzi offruti lil dawk li qed ifittxu xogħol u lill-impjegaturi ser tiġi estiża biex tinkludi:

  • aktar pariripersonalizzati dwar il-karriera u r-reklutaġġ
  • għajnuna fit-tiftix tax-xogħol u l-assunzjoni tal-persunal
  • informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, ħlasijiet ta' taxxa u regoli rilevanti oħrajn
  • informazzjoni dwar assistenza wara r-reklutaġġ bħal korsijiet fil-lingwa

Dan ser jikkumplementa s-servizzi li diġà qed jiġu offruti, li jkopru informazzjoni dwar offerti tax-xogħol jew pariri dwar it-tfassil ta' CVs, applikazzjonijiet u avviżi ta' postijiet tax-xogħol battala.

Skont ir-regoli l-ġodda, persuna li qed tfittex impjieg barra minn pajjiżha ser tibbenefika mill-istess livell ta' sostenn bħal persuna li qed tfittex impjieg f'pajjiżha. Kwalunkwe persuna li tikkuntattja servizz tal-impjiegi fi stat membru ser tirċievi informazzjoni bażika dwar in-netwerk tal-EURES u s-servizzi ta' konsulenza u pariri li joffri.

Rekwiżiti ġodda għall-pajjiżi tal-UE

L-istati membri ser ikunu meħtieġa jagħmlu disponibbli għall-portal tal-EURES:

  • l-offerti kollha ta' xogħol disponibbli mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u dawk offruti minn organizzazzjonijiet oħrajn involuti, inklużi apprendistati u traineeships
  • is-CVs ta' dawk li qed ifittxu xogħol li huma disponibbli fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u organizzazzjonijiet oħrajn involuti dment li l-individwi kkonċernati jaqblu li d-data personali tagħhom tiġi trasferita

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-protezzjoni tal-minorenni, l-istati membri jistgħu jeskludu t-traineeships jew l-apprendistati li jkunu ffokati prinċipalment fuq l-edukazzjoni.

Sħubija tal-pjattaforma

Il-firxa ta’ membri u sħab tal-EURES ser titwessa’.

L-organizzazzjonijiet privati tal-impjiegi jistgħu jingħaqdu man-netwerk u l-postijiet ta' xogħol battala tagħhom jiġu ppubblikati fuq il-portal web flimkien ma’ dawk pubbliċi. L-organizzazzjonijiet bi skop ta’ qligħ għandhom jipprovdu s-servizzi kollha, eż. il-postijiet ta' xogħol battala, CVs fuq il-portal, kif ukoll servizzi ta’ appoġġ lill-persuni li qed ifittxu xogħol u lill-impjegaturi, dment li ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali li huma ma jistgħux jipprovdu dawn it-tliet servizzi.

L-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jistgħu jagħżlu bejn it-tliet għażliet.

Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi wkoll ser joffru s-servizzi kollha u barra minn hekk ser jiżguraw li l-utenti kollha li mhumiex mħarrġa fl-IT ikun jista’ jkollhom ukoll aċċess offline għal informazzjoni.

Involuti wkoll fin-netwerk hemm: it-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u atturi rilevanti oħra fis-suq tal-impjiegi. Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali huma involuti fil-livell tal-UE, iżda wkoll fil-livell nazzjonali u transfruntier.