Skip to content

Is-Semestru Ewropew fl-2014

Novembru 2014

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2015 mill-Kummissjoni Ewropea 

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2015, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-politika ekonomika u soċjali tal-UE fl-2015 tkun iffukata fuq tliet prijoritajiet ewlenin:

  • investiment
  • riformi strutturali
  • responsabbiltà fiskali

L-investiment  fl-UE hu meħtieġ biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-protezzjoni soċjali, tiġi ffinanzjata l-edukazzjoni kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija ssir aktar ekoloġika u aktar effiċjenti, tiġi mmodernizzata l-infrastruttura tat-trasport u ssir it-tnedija ta' broadband aktar aċċessibbli u veloċi. Bħala kontribuzzjoni biex jiġi xprunat l-investiment, fis-26 ta' Novembru l-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' investiment ta' €315-il biljun għall-2015-17. Il-pjan, kif ukoll il-proposta għal deċiżjoni li jiġi stabbilit fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi, ser jiġi diskuss mill-Kunsill qabel jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew. 

Riformi strutturali. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-approfondiment tas-suq uniku, l-iffukar fuq it-tneħħija tal-ostakoli regolatorji u dawk mhux regolatorji li fadal fis-setturi bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u s-suq uniku għall-prodotti u s-servizzi. 

Responsabbiltà fiskali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda t-twettiq ta' politiki fiskali responsabbli u favorevoli għat-tkabbir, skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u b'kont meħud tas-sitwazzjoni f'kull stat membru.

Proposta għal rapport konġunt dwar l-impjieg mill-Kummissjoni Ewropea 

Ir-rapport jakkumpanja l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir. Huwa jirrevedi s-sitwazzjoni dwar l-impjieg fl-UE u r-riformi li wettqu l-istati membri fl-2014 sabiex jinħolqu l-impjiegi u jitjiebu s-sistemi ta' ħarsien soċjali. 

Fih ukoll tabella ta' indikaturi li jikkalkulaw id-diverġenzi soċjoekonomiċi madwar l-UE. 

Ir-rapport ikkonkluda li l-qgħad fl-UE qiegħed jonqos ftit ftit iżda għadu għoli, b'24.6 miljun ruħ (10.1%) mingħajr xogħol. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli, iżda bil-mod il-mod qed juri sinjali ta' titjib.  

Ir-rapport ser jiġi approvat mill-Kunsill u mbagħad ippreżentat lill-Kunsill Ewropew.

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2015 mill-Kummissjoni Ewropea 

Ir-rapport juri li l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-konsegwenzi soċjali kbar tagħhom fl-UE jibqgħu ta' tħassib serju. L-irkupru ekonomiku b'ritmu baxx u l-inflazzjoni baxxa ħafna huma identifikati bħala ostakoli għal tnaqqis aktar sostanzjali tal-iżbilanċi u tar-riskji makroekonomiċi relatati. 

Il-Kummissjoni ser twettaq  aktar eżamijiet approfonditi f'16-il stat membru: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Kroazja. l-Italja, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

Ġunju 2014

Il-Kunsill Ewropew japprova rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

Il-Kunsill Ewropew approva r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u b'hekk ikkonkluda s-Semestru Ewropew 2014. L-istati membri tal-UE huma mistennija jsegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet imfassla għalihom meta jabbozzaw il-baġits tagħhom u jfasslu r-riformi strutturali kif ukoll fil-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, abbażi tal-prinċipji ta' appartenenza nazzjonali u djalogu soċjali. Fil-fehma tal-Kunsill Ewropew, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet hija essenzjali biex jitħaffef it-tkabbir ekonomiku. 

Ir-riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir u jtejbu s-sostenibbiltà fiskali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. Il-mexxejja enfasizzaw għadd ta' passi li jwasslu għal aktar tkabbir u impjiegi. Dawn jinkludu:

  • tnaqqis tal-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol (id-differenza bejn l-ispiża tas-salarju għal min iħaddem u s-salarju nett li jirċievi ħaddiem)
  • riforma tas-swieq tal-oġġetti u s-servizzi
  • riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
  • titjib tal-ambjent għan-negozju u l-innovazzjoni
  • aċċess aktar faċli għall-finanzi
  • titjib tal-funzjonament tal-industriji ta' netwerk (bħall-enerġija u t-telekomunikazzjoni)
  • riforma tal-edukazzjoni

Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ser jissorveljaw l-implimentazzjoni u jieħdu azzjoni kif meħtieġ.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2014

Ċipru u l-Greċja huma soġġetti għal programmi ta' aġġustament makroekonomiku u, biex tiġi evitata duplikazzjoni, m'hemmx rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2014-2015

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni għall-2014 jiffokaw fuq azzjonijiet li jsaħħu t-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jżommu finanzi pubbliċi sodi f'ekonomija ta' wara kriżi. Huma jeżaminaw il-progress miksub matul l-2013 u fihom gwida dwar l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali fl-2014-2015.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2014 huma indirizzati lil 26 pajjiż individwalment (il-pajjiżi kollha tal-UE, minbarra l-Greċja u Ċipru, li qed jimplimentaw programmi ta' aġġustament ekonomiku) u liż-żona tal-euro inġenerali. 

Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tkabbir ekonomiku qed jirkupra gradwalment fl-UE, iżda li dan it-tkabbir jibqa' irregolari u fraġli. Għalhekk hija tħeġġeġ lill-istati membri biex ikomplu jimplimentaw ir-riformi. 

Titjib mill-2013 'l hawn:

  • it-tkabbir ekonomiku qed jirkupra
  • il-finanzi pubbliċi fl-UE kollha qed jitjiebu
  • ir-riformi implimentati fil-pajjiżi l-aktar milqutin qed jagħtu riżultati
  • id-defiċit baġitarju qed jonqos f'għadd ta' pajjiżi, li qed iwassal għal sitwazzjoni makroekonomika aktar bilanċjata fl-UE kollha
  • ir-rata tal-impjiegi mistennija tiżdied is-sena li ġejja 

Il-Kummissjoni identifikat l-isfidi prinċipali kif ġejjin għall-2014:

  • indirizzar tal-livell għoli ta' qgħad
  • trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq il-konsum u taxxi ambjentali
  • tisħiħ tal-investiment privat
  • żieda fil-kompetittività tal-ekonomija permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali
  • jitkompla t-tnaqqis tad-dejn pubbliku

Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Kunsill tal-UE jneħħi l-proċedura ta' defiċit eċċessiv (skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir) fis-6 pajjiżi li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew adottati mill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fl-20 ta' Lulju 2014. 

Marzu 2014

Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

Il-Kunsill Ewropew fl-20 u l-21 ta' Marzu adotta konklużjonijiet li fihom gwida politika strateġika għall-istati membri dwar is-Semestru Ewropew. Il-mexxejja kkonkludew li l-programmi nazzjonali ta' riforma u l-programmi ta' stabbiltà u ta' konverġenza tal-istati membri għall-2014 għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2013, kif ukoll fl-analiżi reċenti tal-Kummissjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u fiskali, inkluż l-analiżijiet tagħha fil-fond.

Il-Kummissjoni tikkonkludi analiżi fil-fond ta' 17-il stat membru għal żbilanċi makroekonomiċi

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond fil-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija.

Hija identifikat żbilanċi f'dawk il-pajjiżi kollha, u kkonkludiet li l-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja akkumulaw żbilanċi eċċessivi. Spanja rnexxielha tagħmel aġġustament sinifikanti matul is-sena li għaddiet, li ppermetta li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-iżbilanċi tagħha ma għadhomx eċċessivi, għalkemm għad hemm riskji sostanzjali.

Riżultati transnazzjonali prinċipali

L-analiżi turi li l-iżbilanċi makroekonomiċi, li akkumulaw matul ħafna snin, qed jonqsu gradwalment. L-irkupru ekonomiku qed jissaħħaħ, għalkemm l-isfidi jibqgħu.

Fost l-isfidi u l-vulnerabbiltajiet li huma komuni għal għadd ta' stati membri, il-Kummissjoni tenfasizza l-impatt tad-diżingranaġġ fuq it-tkabbir għal terminu medju; is-sostenibbiltà tad-dejn privat u pubbliku u tal-obbligazzjonijiet esterni f'kuntest ta' inflazzjoni baxxa ħafna; il-ħtieġa li jiġi żgurat fluss adegwat ta' kreditu għal attivitajiet vijabbli fl-ekonomiji vulnerabbli f'sistema finanzjarja frammentata; u l-livell għoli ħafna ta' qgħad f'għadd ta' pajjiżi.

L-istati membri huma mistennija jieħdu kont tar-riżultati tal-analiżi fil-fond u tat-tbassir fiskali meta jħejju l-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u l-programmi ta' stabbiltà u ta' konverġenza tagħhom.

L-istati membri li fihom ġew identifikati żbilanċi eċċessivi huma mistennija jippreżentaw rispons politiku komprensiv u dettaljat. Il-programmi jiġu vvalutati f'Ġunju 2014 biex jiġi determinat jekk jipprovdux rispons adegwat għall-isfidi identifikati.

Frar 2014

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2014

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill ġeneralment jikkondividi l-analiżi mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi politiċi fl-UE. Huwa jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 dwar l-oqsma prinċipali għal koordinazzjoni ta' politiki u riformi ekonomiċi.

L-istħarriġ annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir għall-2014 jieħu kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Ewropa u jistabbilixxi prijoritajiet politiċi ġenerali għall-UE u l-istati membri tagħha. L-istħarriġ jimmarka l-punt ta' tluq tas-Semestru Ewropew tal-2014.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jidentifika l-ħames prijoritajiet politiċi ġenerali li ġejjin għall-2014:

  • titkompla l-ħidma għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tgħin it-tkabbir u tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi
  • jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija
  • jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-impjiegi u l-kompetittività
  • jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi
  • tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2014

Il-Kunsill jilqa' l-progress li sar mill-istati membri fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi kemm interni kif ukoll esterni, b'mod partikolari fir-rigward tad-defiċit fil-kontijiet kurrenti, il-kompetittività, id-defiċit fiskali u s-settur finanzjarju, li kkontribwixxa għall-ibbilanċjar mill-ġdid kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro.

Madankollu, meħtieġ aktar progress biex jiġu indirizzati żbilanċi li jqajmu tħassib dwar is-sostenibbiltà, inkluż il-pożizzjoni ta' dejn eċċessiv pubbliku u privat, kif ukoll il-livelli għolja ta' dejn estern.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2014 jappella għal analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni makroekonomika fil-pajjiżi li ġejjin: il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja,  l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija.

Novembru 2013

L-istħarriġ annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tkabbir għall-2014

Fl-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir (SAT) għall-2014, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li fl-2014 l-UE tiffoka fuq il-5 oqsma prijoritarji li ġejjin:

  • titkompla l-ħidma għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tgħin it-tkabbir
  • jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija
  • jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għall-ġejjieni
  • jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi
  • tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika

Dawn il-prijoritajiet għal terminu medju huma l-istess bħas-sena li għaddiet, iżda l-istħarriġ jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi mmodifikata skont iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali li qed jinbidlu. L-istħarriġ jirrakkomanda wkoll azzjonijiet konkreti għal kull wieħed mill-oqsma prijoritarji.

L-ogħla prijorità hi meqjusa li hi l-iżvilupp tat-tkabbir u l-kompetittività, filwaqt li l-isfida ewlenija hija li jinbena rkupru dejjiemi.

L-istħarriġ fih ukoll analiżi tal-progress miksub mill-UE fl-2013 fir-rigward tal-5 prijoritajiet.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet ħarsa ġenerali lejn il-progress li nkiseb mill-istati membri individwali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ('dokument ta' ħidma tal-persunal').

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2014

Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2014 (AMR) jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi makroekonomiċi fl-UE u jidentifika dawk il-pajjiżi tal-UE fejn jista' jkun hemm riskju ta' żbilanċ makroekonomiku. F'każ bħal dan il-Kummissjoni ser twettaq 'analiżi fil-fond' biex tidentifika jekk jeżistix żbilanċ u biex tanalizza l-kawżi potenzjali tiegħu. Ir-riżultati, jekk ikun meħtieġ, ser jikkontribwixxu għal rakkomandazzjonijiet għar-rimedju ta' żbilanċi bħal dawn.

Fl-2014 l-analiżi fil-fond ser titwettaq fil-pajjiżi li ġejjin: il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija.

Il-pajjiżi li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja uffiċjali mhumiex soġġetti għal dan l-eżerċizzju. Għall-proċedura tal-2014, dawn il-pajjiżi huma Ċipru, il-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija.