"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT: il-prevenzjoni tal-frodi tal-VAT

Il-Kunsill qed jaħdem fuq proposta għal direttiva tal-Kunsill li għandha l-għan li tippermetti l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ġeneralizzat tar-reverse charge tal-VAT għal tranżazzjonijiet domestiċi bejn in-negozji li jinvolvu servizzi jew oġġetti b'fattura li taqbeż €10 000. L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tkun tista' ssir skont ċerti kundizzjonijiet.

Il-mekkaniżmu tar-reverse charge jgħaddi r-responsabbiltà għar-rappurtar ta' tranżazzjoni tal-VAT mingħand il-bejjiegħ għal għand ix-xerrej ta’ oġġett jew servizz.

L-applikazzjoni ta' mekkaniżmu bħal dan tkun tinvolvi deroga mill-prinċipji ġenerali ewlenin tas-sistema tal-VAT attwali tal-UE u għalhekk tirrikjedi li tiġi emendata d-direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud. Skont il-proposta, id-deroga tingħata għal perjodu ta' żmien limitat u tkun volontarja għall-istati membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-direttiva proposta.

L-għan huwa li xi stati membri li huma affettwati b'mod partikolari mill-frodi tal-VAT u li ma għandhomx miżuri suffiċjenti biex jiġġielduha jiġu megħjuna, li jista' jkun il-każ fl-iskemi tal-frodi tal-VAT bħall-iskemi "karusell" jew dik b'"negozjant nieqes".

Id-direttiva proposta tkun toffri soluzzjoni għal żmien limitat, skont liema l-provvisti jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta' destinazzjoni.

Għalfejn saret il-proposta?

Il-proposta saret wara talba mill-istati membri tal-UE li huma affettwati b'mod partikolari minn telf fid-dħul minħabba l-frodi tal-VAT, speċjalment minħabba l-frodi karusell.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, id-diskrepanza tal-VAT (id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-proprja VAT li tinġabar mill-awtoritajiet tat-taxxa) fl-UE laħqet kważi €160 biljun, li €50 biljun minnhom huma attribwibbli għall-frodi transkonfinali (fl-2013).

Il-possibbiltà li jiġi applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge teżisti fis-sistema attwali ukoll; madankollu, l-applikazzjoni tiegħu mhix ġeneralizzata u hija limitata għal ċerta lista ta' setturi. L-applikazzjoni tiegħu hija wkoll limitata fiż-żmien. Dan ġie introdott permezz tad-Direttiva 2013/43/UE.

X'inhi l-frodi "karusell" jew b'"negozjant nieqes"?

Fl-UE, il-frodi karusell tipikament tinvolvi tranżazzjonijiet transkonfinali bejn in-negozji.

Skont is-sistema tal-VAT attwali tal-UE, il-provvisti transkonfinali min-negozju għal negozju (B2B) fl-UE huma eżentati mill-VAT, filwaqt li l-bejjiegħ tal-oġġetti jew tas-servizzi fis-suq ta' destinazzjoni għandu l-obbligu li jħallas il-VAT lill-baġit tal-gvern (il-bejjiegħ jiġbor il-VAT).

Essenzjalment, il-moviment transkonfinali tal-oġġetti fl-UE huwa maqsum f'żewġ tranżazzjonijiet:

  • il-provvista tal-oġġetti fl-UE hija eżentata mill-VAT
  • l-akkwist ta' oġġetti fl-UE huwa soġġett għall-VAT fil-pajjiż ta' destinazzjoni, fejn min jiġbor il-VAT huwa l-bejjiegħ

Kif taħdem l-iskema ta' frodi b'negozjant nieqes jew karusell?

L-iskema tinvolvi diversi kumpaniji li jbiegħu oġġetti jew servizzi lil xulxin f'suq domestiku, importati bla VAT minn fornitur (l-hekk imsejħa kumpanija intermedjarja) f'pajjiż ieħor tal-UE.

Waħda mill-kumpaniji fil-katina, normalment dik li tkun impurtat l-oġġetti, ma tħallasx il-VAT lill-baġit tal-istat minkejja li titlob lix-xerrej sussegwenti jħallas il-VAT, u b'hekk tkun qed twettaq frodi. Din il-kumpanija normalment tisparixxi malajr ħafna mingħajr ma tħalli ebda traċċa wara t-transazzjoni (għalhekk hemm "negozjant nieqes"). Dan jagħmel il-ġbir tat-taxxa impossibbli fl-istat fejn jiġu kkunsmati l-oġġetti jew is-servizzi. Ix-xerrejja l-oħra fil-katina, sadanittant, iġibu lura l-VAT mill-baġit tal-istat wara li jerġgħu jbiegħu l-oġġetti. Fil-verità, l-oġġetti jew is-servizzi jista' jkun li anqas biss jiċċaqalqu, jew li jkunu jeżistu biss fuq karta.

Il-"karusell" jerġa' jibda jdur mill-ġdid meta x-xerrej finali fil-katina fis-suq domestiku jerġa' jbiegħ l-oġġetti lill-ewwel fornitur, jiġifieri lill-kumpanija li tkun ġabet l-oġġetti fil-pajjiż, biex b'hekk il-proċess kollu jkun jista' jerġa' jibda. Din l-aħħar transazzjoni, li tkun waħda transkonfinali, għal darba oħra tkun eżentata mill-VAT.

L-iskema tista' tiffunzjona wkoll fis-suq domestiku biss.

Il-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa miżura biex ir-responsabbiltà tal-ħlas finali tal-VAT lill-baġit tal-gvern timxi mill-bejjiegħ għal għand il-konsumatur. B'dan il-mod, huwa għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju tal-frodi tal-VAT.

Elementi ewlenin tal-proposta

Proċedura leġislattiva

L-adozzjoni tal-abbozz ta' direttiva titlob proċedura leġislattiva speċjali: vot unanimu mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill mhuwiex legalment obbligat li jikkunsidra l-opinjoni tal-Parlament, iżda skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, m'għandux jieħu deċiżjoni mingħajr ma jkun irċeviha.

Kundizzjonijiet biex jiġi applikat il-mekkaniżmu

Skont il-proposta, il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa stat membru biex ikun jista' japplika l-mekkaniżmu ġeneralizzat tar-reverse charge għandhom ikunu dawn li ġejjin:

  • id-diskrepanza tal-VAT tal-istat membru għandha tkun ħames punti perċentwali aktar mid-diskrepanza tal-VAT medja Ewropea
  • il-livell tal-frodi karusell fl-istat membru għandu jammonta għal aktar minn 25 % tad-diskrepanza tal-VAT tiegħu
  • l-istat membru għandu jagħti prova li l-miżuri konvenzjonali mhumiex biżżejjed biex jiġġieled dan it-tip ta' frodi

Il-proposta tistipula wkoll li l-Kummissjoni Ewropea jkollha tliet xhur biex tawtorizza jew tiċħad talba ta' stat membru biex japplika l-mekkaniżmu, skont jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti.

Stati membri ġirien

Skont il-proposta, stat membru li jkollu fruntiera komuni mal-istat li jkun qed japplika l-mekkaniżmu ġeneralizzat tar-reverse charge għandu jkun awtorizzat ukoll li japplika dan il-mekkaniżmu, b'ċerti kundizzjonijiet.

Tħassir tal-mekkaniżmu

L-abbozz ta' direttiva jipproponi li jekk ikun hemm impatt negattiv konsiderevoli fuq il-kummerċ fis-suq intern tal-UE wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu, huwa jkollu jitħassar, mingħajr effett retroattiv, wara perjodu ta' sitt xhur.

Limitu ta' żmien

Il-proposta tissuġġerixxi li l-mekkaniżmu għandu jkun fis-seħħ sat-30 ta' Settembru 2022. Wara jiġi vvalutat mill-Kummissjoni.

  • 1 ta' Jannar

    Fil-Kunsill

  • 2018

    2 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jilħaq qbil dwar il-mekkaniżmu tar-reverse charge

    Fit-2 ta' Ottubru, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-proposta li ser tippermetti derogi temporanji mir-regoli normali tal-VAT sabiex il-frodi tal-VAT tkun prevenuta aħjar. Id-direttiva ser tippermetti lill-istati membri li huma l-aktar milquta mill-frodi tal-VAT biex temporanjament japplikaw inverżjoni ġeneralizzata tar-responsabbiltà tal-VAT.

    L-Istati membri ser ikunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM):

    • għal provvisti domestiċi ta' oġġetti u servizzi 'l fuq minn limitu ta' €17 500 għal kull tranżazzjoni biss
    • sat-30 ta' Ġunju 2022 biss
    • u taħt kundizzjonijiet tekniċi stretti ħafna

    B'mod partikolari, fi stat membru li jixtieq japplika din il-miżura, 25 % tad-differenza fil-VAT trid tkun minħabba frodi karusell. Fost rekwiżiti oħra, dan l-istat membru ser ikollu jistabbilixxi obbligi xierqa u effikaċi ta' rappurtar elettroniku dwar il-persuni taxxabbli kollha, speċjalment dawk li għalihom ikun japplika l-mekkaniżmu.

    "Din id-direttiva ser tipprovdi soluzzjoni għal stati membri li jħabbtu wiċċhom ma' frodi karusell endemika. Hija miżura eċċezzjonali, limitata fiż-żmien, li tista' tkun mezz effiċjenti kontra l-frodi tal-VAT." Hartwig Löger, il-ministru għall-finanzi tal-Awstrija, li għandha l-presidenza tal-Kunsill fit-tieni nofs tal-2018

    Dan il-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat jista' jintuża biss minn stat membru ladarba jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà u t-talba tiegħu tkun awtorizzata mill-Kunsill. L-applikazzjoni ta' din il-miżura hi soġġetta wkoll għal salvagwardji stretti tal-UE.

    Il-mekkaniżmu tar-reverse charge diġà jista' jkun applikat fuq bażi temporanja, iżda mhux b'mod ġeneralizzat. Skont ir-regoli attwali, huwa limitat għal lista ta' setturi deċiża minn qabel. Jista' jintuża biss minn stat membru li jkun għamel talba speċifika u jekk ikun awtorizzat mill-Kunsill.

    Id-direttiva ser toffri soluzzjonifuq terminu qasir għall-istati l-aktar milquta biex jillimitaw il-frodi, sakemm jintemmu n-negozjati li għaddejjin dwar sistema tal-VAT ġdida u definittiva fejn il-provvisti jkunu intaxxati fil-pajjiż ta' destinazzjoni. Reċentement, il-Kummissjoni ressqet proposti mmirati lejn is-sostituzzjoni tal-arranġamenti "tranżizzjonali" attwali tal-VAT b'sistema definittiva.

    Id-direttiva mistennija tiġi adottata mingħajr aktar diskussjoni ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-opinjoni tiegħu.

  • 2018

    13 ta' Lulju

    Il-Kunsill jiddiskuti l-proposta dwar mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT

    Fil-laqgħa tiegħu fit-13 ta' Lulju 2018, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta dwar mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT. Madankollu, il-ministri ma setgħux jaslu għal ftehim u ddeċidew li jerġgħu jiddiskutuha fil-laqgħa tagħhom f'Ottubru.

  • 2018

    25 ta' Mejju

    Il-Kunsill iddiskuta l-proposta dwar il-mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT

    Fil-25 ta' Mejju 2018, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta dwar mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT. Madankollu, il-ministri ma setgħux jaslu għal ftehim.

  • 2017

    16 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jiddiskuti proposta ta' kompromess dwar mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat tal-VAT

    Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Ġunju, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-proposta ta' kompromess imħejjija mill-presidenza tal-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar l-abbozz ta' direttiva. Minkejja li sar progress konsiderevoli fit-taħditiet, id-diskussjoni ntemmet mingħajr ftehim, li jeħtieġ l-unanimità fil-Kunsill.

    Dan huwa mistenni fit-tieni nofs tal-2017.

  • 2017

    21 ta' Marzu

    Il-Kunsill jiddiskuti l-proposta dwar mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT

    Fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-ministri għall-finanzi tal-UE ddiskutew il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirrigwarda l-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat tal-VAT.

    L-għan tad-diskussjoni kien li tinkiseb gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva proposta, il-kriterji għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, ir-revoka tiegħu u ż-żmien kemm idum japplika.

    Il-fehmiet espressi ser iservu bħala bażi għall-ħidma ulterjuri fil-Kunsill.

  • 2017

    27 ta' Jannar

    Il-Kunsill jisma' l-preżentazzjoni tal-proposta

    Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lill-Kunsill proposta dwar l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat tal-VAT. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet.

    Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa - Tassazzjoni Indiretta beda jaħdem fuq il-proposta.

  • 2016

    21 ta' Diċembru

    Il-Kummissjoni toħroġ il-proposta rigward l-applikazzjoni ġenerali tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tal-VAT

    Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-proposta għal applikazzjoni temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat tal-VAT, wara talba mill-istati membri.

  • 2016

    17 ta' Ġunju

    Il-ministri għall-finanzi jiddiskutu l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat

    Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ddiskuta l-possibbiltà li ċerti stati membri jitħallew japplikaw mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat bħala mezz ta' prevenzjoni ta' frodi tal-VAT.

    Il-Kummissjoni ppreżentat analiżi tal-applikazzjoni possibbli ta' mekkaniżmu bħal dan fl-Awstrija u fir-Repubblika Ċeka.