Il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali fl-UE taħt il-lenti
Ix-xogħol fuq pjattaformi diġitali huwa mod relattivament ġdid ta' ħidma fejn pjattaforma online, bħal sit web jew app, tqabbel talba għal servizz minn klijent mal-provvista ta' xogħol imħallas minn individwu.
Id-direttiva l-ġdida, għandha l-għan li tgħin biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz ta' pjattaformi diġitali, filwaqt li tippreserva l-opportunitajiet u l-benefiċċji li ġġib magħha l-ekonomija tal-pjattaformi.
Fit-13 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar id-direttiva proposta.
Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw każijiet ta' klassifikazzjoni ħażina tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jiffaċilitaw it-triq għal ħaddiema bħal dawn biex jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala impjegati, li jiggarantixxi aċċess aktar faċli għad-drittijiet tagħhom bħala impjegati skont id-dritt tal-UE. Il-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li ser jipproteġu aħjar id-data personali tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jżidu t-trasparenza dwar kif is-sistemi tal-algoritmi jintużaw biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-post tax-xogħol.
F'Ottubru 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn 28 miljun persuna li jaħdmu fuq pjattaformi tax-xogħol diġitali madwar l-UE.
Ħames mistoqsijiet ewlenin dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi fl-UE
1. X'inhu r-rwol tagħhom fl-ekonomija tal-pjattaformi?
Nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jwettqu xogħol għall-klijenti bi ħlas. Il-pjattaformi diġitali jlaqqgħuhom ma' xulxin u jorganizzaw ix-xogħol li jsir.
Klijent - tqabbil algoritmiku permezz ta' pjattaforma tax-xogħol diġitali - persuna li taħdem permezz ta' pjattaforma diġitali
2. Kemm hawn minnhom?
Il-ħaddiema tal-pjattaformi jikkostitwixxu forza tax-xogħol sostanzjali fl-UE (28.3 miljun fl-2022), simili għall-għadd ta' persuni impjegati fil-manifattura (29 miljun).
Din iċ-ċifra hija mistennija li tikber malajr u tilħaq 43 miljun fl-2025, żieda ta' 52% fi tliet snin.
3. X'inhu l-profil tipiku tagħhom?
- aktarx huma rġiel u żgħażagħ
- il-biċċa l-kbira jkollhom kwalifika postsekondarja
- ix-xogħol fuq il-pjattaformi ġeneralment ikun sors ta' dħul sekondarju, minbarra x-xogħol regolari tagħhom
4. X'tip ta' xogħol jagħmlu u għal min?
Il-qligħ tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi skont it-tip ta' servizz li jingħata:
- taksi: 39%
- konsenja (konsenja tal-ikel, servizzi ta' ġarr, konsenja tax-xirja): 24%
- servizzi tad-dar (tindif, snajja'): 19%
- servizzi professjonali (kontabbiltà): 7%
- freelance (disinn grafiku, editjar tar-ritratti): 6%
- xogħol domestiku (indukrar tat-tfal, kura tas-saħħa): 3%
- mikrokompiti (klassifikazzjoni tal-oġġetti, tikkettar): 2%
Is-servizzi kollha jingħataw permezz ta' pjattaformi bbażati fuq il-post, minbarra xogħol freelance u mikrokompiti, li jitwettqu permezz ta' pjattaformi online bbażati fuq l-internet.
Il-biċċa l-kbira huma kkwalifikati żżejjed għax-xogħol li jagħmlu. 70% tas-servizzi offruti permezz tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jeħtieġu livell baxx ta' ħiliet, 20% livell medju-baxx u medju ta' ħiliet, 6% livell għoli ta' ħiliet u 4% taħlita tal-livelli kollha ta' ħiliet.
Il-biċċa l-kbira tas-servizzi (83%) jingħataw lil klijenti individwali. Il-bqija (17%) huma pprovduti lil negozji jew taħlita ta' individwi u negozji.
5. Dawn huma impjegati jew ħaddiema freelance?
L-istatus korrett fl-impjieg għall-ħaddiema tal-pjattaformi huwa kruċjali biex jiġi żgurat li dawn igawdu d-drittijiet tax-xogħol li huma intitolati għalihom.
55% jaqilgħu inqas mill-paga minima netta fis-siegħa fil-pajjiż fejn jaħdmu, fejn teżisti paga minima.
41% tal-ħin li jiddedikaw għal xogħol tal-pjattaformi huwa mingħajr ħlas (pereżempju t-tfittxija ta' kompiti, l-istennija biex jiġu assenjati xogħol, l-evalwazzjoni ta' riklami, eċċ.)
Il-ħaddiema li jiġu kklassifikati b'mod skorrett bħala ħaddiema għal rashom mhumiex intitolati għall-istess drittijiet u protezzjonijiet bħal persuni impjegati.
Mit-28.3 miljun persuna li jaħdmu permezz ta' xogħol fuq il-pjattaformi, 7% (2 miljuni) huma impjegati u 93% (26.3 miljun) jaħdmu għal rashom. Fost dawk li jaħdmu għal rashom, 19% x'aktarx li jiġu kklassifikati ħażin (madwar 5 miljuni).
Sorsi:
- Valutazzjoni tal-impatt dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi (Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, 10 ta' Diċembru 2021)
- “Study to support the impact assessment of an EU initiative to improve the working conditions in platform work” (Kummissjoni Ewropea)
- Pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-UE (studju tas-CEPS għall-Kummissjoni Ewropea)
- Eurostat (persuni impjegati f'attivitajiet ekonomiċi, 2020)
Informazzjoni ġenerali:
L-aħħar reviżjoni: 4 ta' Frar 2025