"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 18 ta' Frar 2014

Mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni: il-Kunsill jirrevedi l-istat attwali tan-negozjati

Fit-18 ta' Frar, il-ministri għall-finanzi tal-UE ddiskutew l-aġġustamenti possibbli għall-approċċ ġenerali tal-Kunsill li ntlaħaq f'Diċembru 2013 dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni.

Id-diskussjoni saret bil-għan li tingħata aktar flessibbiltà lill-presidenza fin-negozjati tat-"trilogu" li jmiss mal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (MUR) - wieħed mill-elementi ewlenin tal-unjoni bankarja futura tal-Ewropa.

Filwaqt li ma ddevjawx mill-elementi ewlenin tal-approċċ ġenerali, il-ministri rrikonoxxew il-ħtieġa li tingħata xi flessibbiltà lill-presidenza biex tesplora diversi ideat sabiex jiġu identifikati l-għażliet possibbli li jistgħu jwasslu għal qbil.

Il-presidenza ġabret fil-qosor l-ambitu ta' dawn l-ideat kif ġej:

  • l-istabbiliment tar-rwol tas-sessjoni plenarja tal-bord uniku ta' riżoluzzjoni (BUR);
  • rieżami tal-limiti massimi għall-involviment tal-plenarja, u tal-arranġamenti dwar il-vot, speċjalment waqt il-fażi transizzjonali inizjali tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni (FUR), sabiex tinħoloq soluzzjoni bbilanċjata għall-użu tal-FUR; l-istabbiliment possibbilment aħjar tar-rwol tal-Kunsill sabiex jiġu limitati d-diskrezzjoni tiegħu u r-raġunijiet li dwarhom jista' jqajjem oġġezzjonijiet għad-deċiżjonijiet tal-BUR, kif ukoll simplifikazzjoni, u jekk possibbli tqassir tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
  • sorveljanza rregolata aktar mill-qrib mill-BUR fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni;
  • rwol ċentrali għall-Bank Ċentrali Ewropew biex jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni bankarja hijiex ser tfalli jew aktarx tfalli, filwaqt li l-BUR għandu fl-aħħar mill-aħħar iżomm il-possibbiltà li jinfluwenza b'mod effettiv dik id-deċiżjoni wkoll;
  • qbil li rikapitalizzazzjoni interna u mhux salvataġġ finanzjarju huwa l-prinċipju ta' gwida ewlieni għar-riżoluzzjoni tal-banek.

Il-Kunsill jibqa' impenjat sabiex jintlaħaq qbil aċċettat mill-partijiet kollha fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill Ewropew, biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jivvota dwaru qabel tintemm il-leġislatura attwali tiegħu f'April.

Il-presidenza nnotat li l-eżitu tan-negozjati tat-trilogu jkun ir-riżultat ta' ftehim komprensiv li jkopri d-diskussjonijiet dwar ir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (MUR) kif ukoll dwar il-ftehim intergovernattiv.

Ftehim intergovernattiv dwar il-fond uniku ta' riżoluzzjoni

Skont l-approċċ ġenerali ta' Diċembru, l-arranġamenti dwar il-funzjonament tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu rregolati minn ftehim intergovernattiv pjuttost milli mir-regolament dwar il-MUR. Il-ministri eżaminaw il-kwistjonijiet ewlenin pendenti dwar il-ftehim intergovernattiv f'laqgħa speċjali fis-17 ta' Frar 2014.

Punti ewlenin oħrajn fuq l-aġenda

Skemi ta' garanzija tad-depożiti

Il-ministri kkonfermaw qbil mal-Parlament Ewropew dwar riformulazzjoni tar-regoli dwar l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti. Filwaqt li jżomm livell ta' kopertura ta' €100 000 għal kull depożitu, l-abbozz ta' direttiva jarmonizza l-qafas għall-iskemi ta' garanzija tad-depożiti madwar l-UE u jtejjeb il-protezzjoni tad-depożitanti, filwaqt li jissimplifika b'mod partikolari l-arranġamenti tal-kopertura u l-ħlasijiet. 

Żona unika ta' pagamenti bl-euro (SEPA): posponiment tal-iskadenza

Il-Kunsill ippospona għall-1 ta' Awwissu 2014 id-data tat-tmiem tal-migrazzjoni għal trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bbażati fuq standards tas-SEPA (iż-żona unika ta' pagamenti bl-euro). Dan ser jippermetti estensjoni eċċezzjonali u temporanja tal-użu tal-istandards eżistenti, flimkien mal-iskemi tas-SEPA, sabiex ir-rata tal-migrazzjoni tkun tista' tiżdied għal-livell meħtieġ.

Linji gwida għall-baġit tal-UE għall-2015

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu l-prijoritajiet għan-negozjati dwar il-baġit ġenerali tal-UE għall-2015. Il-Kunsill adotta wkoll rakkomandazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza li għandha tingħata għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2012. 

Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2014

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tal-Kummissjoni, u b'hekk qabel li l-prijoritajiet ġenerali deskritti għall-2014 huma l-istess bħal dawk identifikati s-sena l-oħra. Huwa nnota li minkejja t-titjib reċenti, l-irkupru jibqa' fraġli filwaqt li l-effetti tal-kriżi, il-qgħad għoli u l-frammentazzjoni persistenti fl-industrija finanzjarja aktarx ikomplu jkunu ta' piż fuq it-tkabbir ekonomiku.

Rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għall-2014

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija tal-Kummissjoni għall-2014. Il-ministri laqgħu l-progress li sar mill-istati membri fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi esterni kif ukoll dawk interni. Madankollu, hu meħtieġ aktar progress biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi li joħolqu tħassib dwar is-sostenibbiltà, u l-Kummissjoni hija mistennija tippubblika rieżamijiet fil-fond tas-sitwazzjoni f'16-il stat membru. 

Mekkaniżmu superviżorju uniku

Il-Kunsill ħa nota tal-preżentazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew tal-ewwel rapport trimestrali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu superviżorju uniku għall-banek.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025