"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Vidjokonferenza tal-ministri għall-impjiegi u l-politika soċjali, 13 ta' Ottubru 2020

Riżultati ewlenin

Impjiegi u affarijiet soċjali

Il-ministri tal-UE għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali kellhom dibattitu dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-appoġġ għall-ħaddiema fir-ristrutturar. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif jiġi żgurat li l-investimenti fil-ħiliet u l-użu tal-fondi tal-UE jwasslu għal strateġiji ta' ristrutturar li jirnexxu. Huma ddiskutew ukoll liema miżuri fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali jistgħu jgħinu biex titjieb il-protezzjoni tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' ristrutturar.

Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Ġermanja
Is-saħħa ekonomika u s-sigurtà soċjali huma żewġ naħat tal-istess munita. Il-presidenza Ġermaniża wriet li anke żminijiet turbolenti jistgħu jkunu żminijiet produttivi. Bis-saħħa tal-isforzi intensivi konġunti tagħna mal-Kummissarju Schmit u l-kontropartijiet tiegħi tal-UE, għamilna progress fir-rigward tal-Ewropa Soċjali. Sħabi l-ministri tal-UE u jien qbilna dwar pjan direzzjonali biex titjieb il-protezzjoni għall-ħaddiema staġonali fl-UE, u affermajna li jeħtieġ li jkollna - u rridu nistabbilixxu - qafas għall-protezzjoni tal-introjtu minimu. Ninsab partikolarment kuntent li stajna naqblu b'mod unanimu dwar it-tiġdid tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mingħajr dewmien. Dan jibgħat sinjal qawwi liż-żgħażagħ: minflok il-qgħad, ser ikun hemm taħriġ, internships, u għajnuna biex tinbeda karriera, kullimkien fl-UE. Mhux ser inħallu lil ħadd lura. L-Ewropa tibqa' kontinent ta' opportunitajiet.
Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Ġermanja
Hubertus Heil, Ministru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Ġermanja

Il-ministri qablu b'mod ġenerali li l-istrateġiji ta' ristrutturar ma jkunux ta' suċċess u ma jiksbux gwadanji fil-produttività ħlief jekk ikunu akkumpanjati minn politiki b'saħħithom ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-kompetenzi. Ġie enfasizzat li dan kien essenzjali għall-ġestjoni ta' tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali, iżda wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi. Il-maġġoranza tal-ministri spjegaw li l-gvernijiet tagħhom kienu qed jaħdmu qatigħ biex jantiċipaw il-ħtiġijiet tas-suq fuq medda qasira u twila ta' żmien, iżda enfasizzaw li l-ħiliet lingwistiċi u diġitali kienu fost l-aktar ħiliet importanti għall-futur. Id-dibattitu wera li ħafna stati membri kienu qed jinvestu wkoll fit-taħriġ mill-ġdid tan-nies għas-setturi li fihom ser jinħolqu impjiegi ġodda. Diversi ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ma jitħallewx lura, u laqgħu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Matul id-dibattitu, il-parteċipanti enfasizzaw ukoll ir-rwol importanti tal-fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġi indirizzat l-effett negattiv tal-impatt soċjali tar-ristrutturar.

Fil-kuntest ta' ristrutturazzjonijiet kbar madwar l-UE, il-ministri qablu li kien importanti ħafna li jiġi żgurat l-involviment tal-ħaddiema fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, b'mod partikolari f'każijiet bħal riorganizzazzjonijiet, għeluq, fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, tnaqqis fid-daqs, esternalizzazzjoni, u rilokazzjonijiet ta' kumpaniji. Il-ministri insistew ukoll li l-pandemija m'għandhiex isservi bħala skuża biex jitnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u enfasizzaw li kien kruċjali għall-irkupru ekonomiku u r-ristrutturazzjonijiet li jirnexxu li jiġi żgurat djalogu soċjali inklużiv fil-livelli kollha.

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu dwar il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. Huma qasmu l-fehmiet tagħhom dwar modi kif tiġi promossa aktar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi miġġielda s-segregazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol.

Dott. Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja
Il-kriżi tal-coronavirus uriet: bis-saħħa tan-nisa li l-affarijiet jibqgħu mexjin. Madwar l-Ewropa kollha, aktar minn 75 fil-mija tal-ħaddiema kritiċi huma nisa. Iżda f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, in-nisa huma sottorappreżentati. U n-nisa jassumu sehem akbar ta' xogħol ta' kura bla ħlas - spiss għad-detriment tal-karriera u l-pensjoni tagħhom stess. Illum, iddiskutejt mal-kollegi tiegħi tal-UE kif tista' tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol mhijiex lussu. Anzi bil-maqlub: ser tagħmel l-UE aktar robusta soċjalment u ekonomikament. Speċjalment fi żminijiet ta' kriżi.
Dott. Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja
Dott. Franziska Giffey, Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Familja, l-Anzjani, in-Nisa u ż-Żgħażagħ tal-Ġermanja

Il-ministri qablu li l-pandemija attwali enfasizzat l-iżbilanċ bejn il-ġeneri f'ħafna setturi. Huma saħqu li l-kriżi wriet il-ħtieġa urġenti, iżda wkoll opportunitajiet siewja, biex tiġi promossa inġenerali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol u fil-professjonijiet soċjali b'mod partikolari. Id-dibattitu ffoka fuq sforzi biex jinkiseb ambjent tax-xogħol inklużiv, pagi ugwali, sehem akbar ta' nisa anke fit-teħid tad-deċiżjonijiet, remunerazzjoni aħjar għal impjiegi li normalment jitwettqu min-nisa u l-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneri. Xi ministri enfasizzaw l-importanza li jiġu inklużi suġġetti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni bikrija u li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta' ġeneru fost gruppi ewlenin, bħaż-żgħażagħ. Diversi parteċipanti fid-dibattitu esprimew appoġġ għall-istrateġija reċenti tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-direttiva mħabbra tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi u appellaw lill-presidenza u lill-istati membri biex finalment jimxu 'l quddiem bid-direttiva tal-UE dwar "In-Nisa fuq il-Bordijiet".

Affarijiet oħra

Il-presidenza pprovdiet informazzjoni dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li sar f'Ġunju 2020 u infurmat lill-ministri dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li jmiss li ser isir fl-14 ta' Ottubru 2020.

F'seduta pubblika, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-qbil li ntlaħaq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar proposta għal deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE dwar kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) 11090/20 ADD1.

F'seduta pubblika, il-Kummissjoni ppreżentat lill-ministri proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol 11188/20.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025