Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 27-28/03/2017, 27 u 28 ta' Marzu 2017

Riżultati ewlenin

Ġustizzja - 28 ta' Marzu

Il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-finanzjament tat-terroriżmu

Il-ministri ġew aġġornati dwar il-ħidma li twettqet fil-livell tal-esperti b'rabta mar-regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska kif ukoll rigward id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali. L-objettiv ġenerali huwa li jkomplu jiġu mfixkla s-sorsi tad-dħul li jintużaw minn organizzazzjonijiet terroristiċi, kif ukoll biex jitjieb l-intraċċar tat-terroristi permezz tal-movimenti finanzjarji.

"Il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-finanzjament tat-terroriżmu hi prijorità għall-UE u għall-presidenza Maltija. Dawn il-leġislazzjonijiet ser jespandu l-firxa ta' għodod li għandna disponibbli biex nipprovdu sigurtà akbar għaċ-ċittadini Ewropej".

Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici

Il-ħidma fuq id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus qed tavvanza b'mod rapidu u għalhekk il-presidenza Maltija tistenna li l-Kunsill jilħaq il-pożizzjoni tiegħu f'Ġunju 2017, qabel ma jibda n-negozjati mal-Parlament.

Suq uniku diġitali

Il-ministri nnotaw il-progress li sar b'rabta mal-ħidma teknika rigward id-direttiva dwar il-provvista ta' kontenut diġitali. Il-presidenza Maltija ffokat ħidmietha fuq is-sejbien ta' kompromessi dwar il-kunċetti u l-kwistjonijiet ewlenin, bħalma huma r-regoli dwar il-konformità u dwar ir-rimedji.

Minħabba l-attitudni pożittiva ħafna tal-istati membri, il-presidenza tinsab fiduċjuża li l-pożizzjoni tal-Kunsill tista' tiġi adottata sa Ġunju, sabiex jibdew in-negozjati mal-Parlament.

Id-direttiva dwar il-kontenut diġitali għandha l-għan li tirregola l-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u tkopri varjetà ta' prodotti u servizzi, bħal pereżempju x-xiri tal-mużika u l-filmati online jew is-servizzi li jippermettu l-kondiviżjoni ta' data (eż. Facebook, YouTube, eċċ.).

Il-Prosekutur pubbliku Ewropew - UPPE

Qabel ma bdiet il-laqgħa tal-Kunsill, il-ministri għall-Ġustizzja ltaqgħu b'mod informali biex jiddiskutu t-tnedija ta' kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE. Għadd ta' stati membri esprimew l-intenzjoni tagħhom li jiffirmaw l-ittra ta' notifika.

Ir-regolament dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu l-għan li jgħin biex jiġu miġġielda r-reati kriminali kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.

Affarijiet Interni - 27 ta' Marzu

Migrazzjoni

Nhar it-Tnejn li għadda, il-ministri kkunsidraw l-iżviluppi li saru fil-qasam tal-politika dwar il-migrazzjoni, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' Malta tat-3 ta' Frar 2017. Huma taw attenzjoni partikolari lill-mod kif il-kontributi mill-istati membri jistgħu jgħinu biex l-implimentazzjoni ssir aktar effettiva.

"M'hemmx ħin x'naħlu. Hemm ir-riskju li jseħħu aktar traġedji fil-Mediterran, u għaldaqstant jeħtieġ li naġixxu u li nagħmlu dan mingħajr dewmien. Qed isir kull sforz biex nimplimentaw l-azzjonijiet ta' prijorità fid-Dikjarazzjoni ta' Malta. Sadanittant, huwa essenzjali li l-istati membri jirrispettaw l-impenji tagħhom fir-rigward tar-rilokazzjonijiet mill-Italja u mill-Greċja u l-istazzjonar ta' esperti fl-aġenziji".

Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela

Il-ministri ħadu wkoll nota tal-informazzjoni li ngħatat mill-Presidenza dwar l-eżitu tal-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja taħt il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta li saret fit-8 u d-9 ta' Frar 2017.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew aspetti oħra tal-politika dwar il-migrazzjoni, b'enfasi fuq l-użu ta' riżorsi mill-istati membri kif ukoll dwar ir-rilokazzjoni.

Ritorn

Il-ministri ddiskutew ukoll il-politika ta' ritorn u ta' riammissjoni, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika aktar effettiva ta' ritorn u rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni 2008/115/KE ("direttiva dwar ir-ritorn"). Id-diskussjoni tal-Kunsill kienet iffokata fuq żewġ aspetti - il-parti esterna: li titjieb il-kooperazzjoni min-naħa ta' pajjiżi terzi b'rabta mar-riammissjoni, u l-parti interna: li jiġi żgurat li jkunu fis-seħħ il-proċeduri u s-sistemi t-tajba għal ritorni effettivi. Permezz tad-diskussjonijiet, il-ministri setgħu joffru gwida għal ħidma ulterjuri fil-livell tekniku b'rabta ma' dawn il-kwistjonijiet.

Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil

Il-Kunsill ħa nota tal-ħidma li għaddejja bħalissa b'rabta mar-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil u r-risistemazzjoni, abbażi ta' rapport ta' progress mill-presidenza. Il-presidenza ser tkompli bl-isforzi tagħha biex isir progress fil-ħidma marbuta ma' kemm jista' jkun proposti tal-pakkett.

Frodi relatati mad-dokumenti tal-ivvjaġġar

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet, mingħajr diskussjoni, dwar il-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rispons Ewropew għall-frodi relatati mad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-konklużjonijiet jiffokaw fuq l-importanza ta' dokumenti oriġinaturi aktar sikuri u l-ħtieġa għal rieżami totali tal-bażi tad-data FADO (dokumenti foloz u awtentiċi online) permezz ta' tibdil fil-bażi legali tagħha.

Is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar hija element fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Hija tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tal-fruntieri.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025