Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, 04-05/12/2017, 4 u 5 ta' Diċembru 2017

Riżultati Ewlenin

Telekomunikazzjoni

Il-laqgħa tal-lum kienet pass ieħor lejn suq uniku diġitali, li huwa vitali għall-kompetittività u l-prosperità tal-Ewropa. Ilħaqna qbil dwar mandat għall-aġġornament tar-regoli tal-BEREC, u kellna diskussjonijiet ferm kostruttivi dwar kif inkomplu bil-ħidma fuq żewġ kwistjonijiet importanti: il-Privatezza elettronika u l-fluss liberu ta' data mhux personali. Id-dibattitu wera appoġġ qawwi mill-istati membri għall-proposta dwar il-fluss liberu ta' data u l-isforzi tal-presidenza biex din is-sena jkun hemm qbil fil-Kunsill. Urve Palo, President tal-Kunsill u Ministru għall-Intraprenditorija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) dwar l-aġġornament tar-regoli għall-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Dan il-qbil ser iservi ta' mandat għan-negozjati mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill qabel li r-regoli l-ġodda għandhom jiġu allinjati mal-mandat tiegħu dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjoni Elettronika, peress li ż-żewġ proposti huma marbutin ma' xulxin mill-qrib. In-negozjati dwar iż-żewġ dossiers ser isiru b’mod parallel.

Il-ministri ddiskutew żewġ kwistjonijiet oħra li huma parti mis-suq uniku diġitali. Huma evalwaw il-progress dwar proposta għall-aġġornament tar-regoli dwar il-privatezza fil-komunikazzjoni elettronika (Privatezza elettronika). L-abbozz ta’ regolament huwa maħsub biex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja privata, il-komunikazzjonijiet u d-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Il-Kunsill innota li xi elementi jeħtieġu aktar diskussjoni qabel ma jista’ jsir qbil fuq approċċ ġenerali.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-abbozz ta' regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali. Ir-regolament jelimina r-rekwiżiti mhux ġustifikati għal-lokalizzazzjoni ta' data u jistabbilixxi qafas ċar biex id-data mhux personali tiċċaqlaq minn fruntiera għal oħra fl-UE. Il-ministri taw l-appoġġ qawwi tagħhom għall-proposta kif ukoll għall-isforzi biex jintlaħaq qbil malajr dwarha.

Il-Ministru Palo ffirma pjan direzzjonali dwar il-5G, li jistabbilixxi skadenzi speċifiċi għall-armonizzazzjoni tal-ispettru neċessarju għat-tnedija tal-5G kif maqbul bejn l-istati membri u li jikkonferma l-objettiv li l-Ewropa tkun pożizzjonata bħala suq ewlieni għall-5G fix-xena dinjija.

Trasport

Il-Kunsill ivvaluta l-progress fuq sett ċentrali ta’ proposti dwar it-trasport bit-triq. Dawn huma parti minn pakkett ta’ mobbiltà ppreżentat mill-Kummissjoni f’Mejju ta’ din is-sena. Dawn ikopru l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport, l-aċċess għas-suq, inkluż il-kabotaġġ, u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera. Ir-regoli proposti dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-operaturi tat-trasport bit-triq jinkludu dispożizzjonijiet ġodda dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq, kif ukoll regoli dwar il-ħin ta’ sewqan u ta’ mistrieħ għas-sewwieqa. “Għamilna progress konsiderevoli fuq diversi aspetti ta’ dawn il-proposti, iżda hemm bżonn sforz akbar, speċjalment dwar is-sewwieqa stazzjonati u r-regoli dwar il-kabotaġġ. Nittama li l-ħidma tagħna s’issa, kif ukoll id-dibattitu tal-lum, se jwasslu għal progress sostanzjali dwar dawn il-proposti, u b’mod partikolari jagħmluha possibbli biex isir progress fuq kwistjonijiet pendenti,” qal Kadri Simson, President tal-Kunsill u Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Infrastruttura.

Il-Ministri kellhom dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar proposti rigward ħlas għall-użu tat-toroq, proposti, li huma parti mill-istess pakkett dwar it-trasport bit-triq. Dawn jinkludu il-proposta tad-direttiva tal-Eurovignette, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u “l-utent iħallas”, u direttiva riveduta dwar is-Servizzi Ewropej ta’ Pedaġġ Elettroniku (EETS), li tiffaċilita l-użu ta’ pedaġġi elettroniċi madwar l-UE. Il-fehmiet tal-Ministri ser jikkontribwixxu għal aktar ħidma fuq dawn il-proposti.

Il-Kunsill eżamina l-progress tar-regolament propost dwar is-salvagwardja tal-kompetizzjoni fit-trasport bl-ajru. L-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-linji tal-ajru tal-UE u t-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi filwaqt li jinżammu kundizzjonijiet li jwasslu għal livell għoli ta’ konnettività.

Il-Kunsill adotta wkoll tliet settijiet ta’ konklużjonijiet: dwar il-progress tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għat-trasport; dwar id-diġitalizzazzjoni tat-trasport u dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Galileo, EGNOS u l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea. “Dawn it-tliet settijiet ta’ konklużjonijiet jirriflettu l-importanza li l-Presidenza Estonjana tagħti lill-konnettività u l-innovazzjoni. Dawn huma kollha dwar il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew biex ikun aktar faċli għaċ-ċittadini tagħna biex jiċċaqalqu u jagħmlu ħajjitna aktar sikuri u aktar komdi,” qal il-Ministru Simson.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025