Skip to content

Proċedura komuni tal-ażil

Ir-regolament dwar il-proċedura komuni tal-ażil tal-UE jistipula regoli biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu b'mod ġust u effiċjenti.

Simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ażil

Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri tal-ażil tal-UE, ir-regolament emendat ser jissostitwixxi d-direttiva dwar il-proċedura tal-ażil. Fost affarijiet oħra, ir-regoli riveduti:

  • jintroduċu proċeduri obbligatorji fuq il-fruntiera biex issir valutazzjoni malajr fil-fruntieri esterni tal-UE jekk l-applikazzjonijiet ikunux bla bażi jew inammissibbli
  • jistabbilixxu standards għad-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li jfittxu l-ażil
  • jipprevjenu l-abbuż tas-sistema billi jiddeskrivu proċeduri ċari

Proċedura fuq il-fruntiera

Ir-regolament dwar il-proċedura tal-ażil jintroduċi proċeduri obbligatorji fuq il-fruntiera għal ċerti kategoriji ta' applikanti, bl-għan li ssir valutazzjoni malajr fil-fruntieri esterni tal-UE jekk l-applikazzjonijiet ikunux bla bażi jew inammissibbli.

Il-persuni li jkunu soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera mhumiex awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-istat membru.

Aspetti ewlenin tal-proċedura fuq il-fruntiera:

Hija tintroduċi proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera għal persuni li joħolqu riskju għas-sigurtà, li jqarrqu bl-awtoritajiet billi jipprovdu informazzjoni falza jew iżommu informazzjoni, jew li jkunu ġejjin minn pajjiżi b'rata baxxa ta' rikonoxximent.

Hija tistabbilixxi kapaċità adegwata f'kull stat membru, f'termini ta' akkoljenza u riżorsi umani, biex jiġu eżaminati, kwalunkwe mument, għadd speċifiku ta' applikazzjonijiet bħala parti mill-proċedura fuq il-fruntiera. Fil-livell tal-UE din il-kapaċità adegwata ġiet stabbilita għal 30 000.

Il-kapaċità adegwata ta' kull stat membru ser tiġi stabbilita abbażi ta' formula li tqis:

  • l-għadd ta' qsim irregolari tal-fruntieri
  • wasliet ta' tfittxija u salvataġġ
  • rifjuti ta' dħul fuq perjodu ta' tliet snin

Aspetti ewlenin oħra tal-proċedura fuq il-fruntiera huma:

L-introduzzjoni ta' sistema ta' prijoritizzazzjoni biex tingħata prijorità lil min għandu jkun soġġett għall-proċedura fuq il-fruntiera, jiġifieri applikanti li għandhom prospetti ogħla li jiġu rritornati, li jippreżentaw riskju għas-sigurtà jew li mhumiex minorenni jew membri tal-familja. Meta l-proċedura fuq il-fruntiera tiġi applikata għal din l-aħħar kategorija, għandha tingħata prijorità lill-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom.

Hija tipprevedi wkoll eċċezzjonijiet għall-proċedura fuq il-fruntiera, pereżempju għal minorenni li ma joħolqux riskju għas-sigurtà jew fejn l-appoġġ meħtieġ ma jistax jiġi pprovdut lil applikanti bi bżonnijiet speċjali ta' akkoljenza jew dawk proċedurali.

U fl-aħħar nett tobbliga lill-istati membri jistabbilixxu mekkaniżmu għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-proċedura fuq il-fruntiera.

Drittijiet u obbligi ta' dawk li jfittxu l-ażil

L-APR riformata mhux biss tissimplifika l-arranġamenti proċedurali iżda tistabbilixxi wkoll standards għad-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti għall-ażil, bħal:

  • il-garanziji proċedurali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-applikanti, billi, fost affarijiet oħra, jipprovdulhom informazzjoni adegwata u f'waqtha, li tippermettilhom jesprimu ruħhom f'intervista personali u li jkollhom aċċess għall-interpretazzjoni
  • id-dritt għal konsulenza legali mingħajr ħlas għall-applikanti kollha matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll għal assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas matul il-proċedura ta' appell
  • aktar attenzjoni għal individwi vulnerabbli bi bżonnijiet proċedurali speċjali, bħal minorenni mhux akkumpanjati
Ikona ta' dokumenti u lenti.

garanziji proċedurali

Ikona ta' martell tal-imħallef.

konsulenza legali mingħajr ħlas

Żewġ persuni, waħda qed tgħannaq lill-oħra bħala appoġġ, ikona.

aktar attenzjoni għal individwi vulnerabbli

Kunċetti ta' pajjiż terz bla periklu

Ir-regolament dwar il-proċedura tal-ażil jistipula wkoll regoli armonizzati għall-istabbiliment ta' pajjiżi bla periklu, jiġifieri pajjiżi li ġeneralment ma jiġġenerawx ħtiġijiet ta' protezzjoni, jew fejn dawk li jfittxu l-ażil ma jkunux fil-periklu. Jekk pajjiż terz jiżgurax protezzjoni effettiva jiddependi fuq kriterji bħal:

  • id-dritt li persuna titħalla tibqa' fit-territorju tal-pajjiż terz
  • l-aċċess għal mezzi ta' sussistenza suffiċjenti biex jinżamm standard ta' għajxien adegwat fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż terz
  • l-aċċess għall-kura tas-saħħa u t-trattament essenzjali tal-mard skont il-kundizzjonijiet ġeneralment previsti fil-pajjiż terz
  • l-edukazzjoni taħt il-kundizzjonijiet ġeneralment previsti fil-pajjiż terz
  • li l-protezzjoni effettiva tibqa' disponibbli sakemm tkun tista' tinstab soluzzjoni dejjiema

Ħidma fuq il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

Fl-20 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar din il-leġiżlazzjoni importanti li tiddeskrivi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, kif ukoll dwar ħafna fajls oħra fil-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Fit-8 ta' Frar 2024, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE approvaw il-ftehim milħuq f'Diċembru kif ukoll tliet liġijiet li diġà kien hemm qbil dwarhom bejn il-Kunsill u l-Parlament fl-2022.

Ġie approvat ukoll regolament dwar ir-ritorn fuq il-fruntiera li jippermetti li l-patt japplika għal dawk il-pajjiżi Ewropej b'regoli differenti ta' Schengen.

Il-Kunsill adotta l-patt tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-14 ta' Mejju 2024.

L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Frar 2025