Skip to content

Kronoloġija - Bijodiversità

  • 2025

    28 ta' Frar

    Eżitu pożittiv tan-negozjati tal-COP16 dwar il-bijodiversità

    Fi Frar 2025, fl-Italja saret laqgħa ta' segwitu għas-16-il konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bijodiversità (COP16) li saret fil-Kolombja fl-2024. Riżultati tal-laqgħa:

    • l-adozzjoni ta' strateġija għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi
    • it-tisħiħ tal-qafas ta' monitoraġġ għall-għanijiet globali tal-bijodiversità
    • ftehim dwar l-indikaturi biex jitkejjel il-progress fil-kisba tal-għanijiet
  • 2024

    14 ta' Ottubru

    Konvenzjoni tan-NU dwar il-bijodiversità: l-UE tafferma mill-ġdid il-wegħda globali li tipproteġi terz tal-pjaneta sal-2030

    Il-Kunsill approva konklużjonijiet bil-ħsieb tal-konferenza tal-partijiet dwar il-konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika (COP16) u l-laqgħat dwar il-protokoll ta' Cartagena u l-protokoll ta' Nagoya, li ser isiru f'Cali, il-Kolombja, mill-21 ta' Ottubru sal-1 ta' Novembru 2024.

    Il-konklużjonijiet iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta' negozjar tal-UE waqt il-laqgħat.

  • 2024

    17 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal-liġi dwar ir-restawr tan-natura

    Il-Kunsill adotta formalment ir-regolament dwar ir-restawr tan-natura, li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu. Din il-liġi għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri li jirrestawraw mill-inqas 20% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

    Ir-regolament għandu l-għan li jimmitiga t-tibdil fil-klima u l-effetti tad-diżastri naturali. Dan ser jgħin lill-UE tissodisfa l-impenji ambjentali internazzjonali tagħha, u tirrestawra n-natura Ewropea.

    L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.
    F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

    F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

  • 2023

    9 ta' Novembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar regoli ġodda għar-restawr u l-preservazzjoni tal-ħabitats degradati fl-UE

    Ir-rappreżentanti tal-presidenza tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju fuq ir-regolament dwar ir-restawr tan-natura. Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri li jirrestawraw mill-inqas 20% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

    Ir-regolament huwa parti integrali mill-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030 u ser jgħin lill-UE tilħaq l-impenji internazzjonali tagħha, b'mod partikolari l-qafas globali tal-bijodiversità ta' Kunming-Montreal tan-NU maqbul fil-konferenza tan-NU tal-2022 dwar il-bijodiversità (COP15).

  • 2023

    20 ta' Ġunju

    Il-Kunsill jilħaq qbil rigward il-liġi dwar ir-restawr tan-natura

    Il-Kunsill laħaq qbil (approċċ ġenerali) rigward il-proposta għal liġi dwar ir-restawr tan-natura. Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri għall-irkupru li jkopru mill-inqas 20 % taż-żoni tal-art u 20 % taż-żoni tal-ibħra tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050. Tistabbilixxi miri u obbligi speċifiċi legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura f'kull waħda mill-ekosistemi elenkati - mill-art agrikola u l-foresti sal-ekosistemi tal-baħar, tal-ilma ħelu u dawk urbani.

    L-approċċ ġenerali ser iservi bħala mandat għan-negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.

    L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.
    F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

    F'liema stat tinsab in-natura fl-UE? (Infografika)

  • 2022

    20 ta' Diċembru

    Ir-restawr tan-natura: il-ministri jiddiskutu l-miri għall-2030

    Fil-laqgħa tagħhom tal-Kunsill ta' Diċembru 2022, il-ministri għall-ambjent tal-UE kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta għal regolament dwar ir-restawr tan-natura.

    Il-proposta għandha l-għan li tgħin fl-irkupru tal-ħabitats Ewropej, li 80% minnhom jinsabu f'kundizzjoni ħażina. Il-proposta tagħti miri u obbligi speċifiċi legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura f'kull waħda mill-ekosistemi elenkati - mill-ekosistemi tal-foresti u l-art agrikola sa dawk tal-baħar, tal-ilma ħelu u urbani. Il-miżuri proposti jkopru mill-inqas 20% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030 u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

    L-istati membri jkollhom jistabbilixxu miżuri ta' restawr effettivi u bbażati fuq iż-żona sabiex jilħqu l-miri speċifiċi għall-ekosistema u jippjanaw minn qabel billi jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta' restawr, f'kooperazzjoni mill-qrib max-xjenzati, il-partijiet ikkonċernati interessati u l-pubbliku. Il-proposta tiddefinixxi wkoll l-indikaturi tal-bijodiversità biex jitkejjel il-progress.

    Il-ministri ħadu nota tar-rapport ta' progress imħejji mill-presidenza u kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni, li ffoka fuq il-kwistjonijiet ta' ambizzjoni u l-prinċipju ta' nondeterjorament.

  • 2022

    7-19 ta' Diċembru

    Qafas globali ġdid tal-bijodiversità adottat fis-summit tan-NU COP15

    Il-mexxejja dinjin qablu dwar miri u għanijiet ambizzjużi ġodda biex jipproteġu u jirrestawraw in-natura sal-2030 u wara. Fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diversità bijoloġika (COP15) ġie adottat il-qafas globali tal-bijodiversità ta' Kunming-Montreal storiku li jinkludi għanijiet u miri ċari u li jistgħu jitkejlu, kif ukoll arranġamenti ta' monitoraġġ, rappurtar, u rieżami biex jiġi segwit il-progress fihom.

    Uħud mill-għanijiet huma:

    • ir-restawr ta' 30% tal-ekosistemi degradati fid-dinja (fuq l-art u fil-baħar) sal-2030
    • il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' 30% taż-żoni (tal-art, tal-ilmijiet interni, u kostali u tal-baħar) sal-2030
    • it-twaqqif tal-estinzjoni ta' speċijiet magħrufa, u sal-2050 it-tnaqqis għal għaxar darbiet inqas tar-riskju u r-rata ta' estinzjoni tal-ispeċijiet kollha
    • it-tnaqqis tar-riskju mill-pestiċidi b'mill-inqas 50% sal-2030

    Il-mexxejja qablu wkoll fuq żieda sinifikanti tal-finanzjament għall-azzjoni għall-bijodiversità sa tal-inqas USD 200 biljun kull sena sal-2030.

  • 2022

    29 ta' Novembru

    L-UE u l-pajjiżi AKP jappellaw għal ftehim ambizzjuż għall-protezzjoni tal-bijodiversità

    L-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) jappoġġaw l-adozzjoni ta' qafas globali tal-bijodiversità ambizzjuż, komprensiv u trasformattiv għal wara l-2020 biex jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità fil-laqgħa tal-COP15 tal-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità li ser issir f'Montréal, mis-7 sad-19 ta' Diċembru 2022.

    L-aspettattivi għal-laqgħa storika ġew diskussi bejn il-ministri mill-Unjoni Ewropea, mill-Afrika, mill-Karibew u mill-Paċifiku li ltaqgħu fi Brussell fl-okkażjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Ministri bejn l-OSAKP u l-UE.

    Huwa kruċjali li jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità minħabba li t-tnaqqis allarmanti tal-bijodiversità qed jhedded is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa, l-ekonomiji u l-għajxien ta' biljuni ta' nies. Biex jirnexxi, il-qafas futur jeħtieġ li jinkludi miri kwantifikabbli, appoġġati minn qafas ta' monitoraġġ u rieżami b'saħħtu u minn mezzi adegwati biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tiegħu.

  • 2022

    24 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tal-UE għas-summit tan-NU dwar il-bijodiversità

    Matul il-Kunsill Ambjent ta' Ottubru 2022, il-ministri tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li ser iservu bħala l-pożizzjoni ġenerali ta' negozjar tal-UE għall-15-il Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità (COP 15).

    L-għan tal-konferenza huwa li jiġi adottat qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020, li jistabbilixxi għanijiet li jiggwidaw l-azzjonijiet globali għall-protezzjoni u r-restawr tan-natura fid-deċennju li jmiss.

    Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill appella għall-adozzjoni ta' qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 li jkun ambizzjuż, komprensiv u trasformattiv u jinkludi għanijiet fit-tul għall-2050, eżiti intermedji għall-2030 u miri orjentati lejn l-azzjoni għall-2030 li jindirizzaw b'mod effettiv u simultanju l-ixpruni diretti u indiretti tat-telf tal-bijodiversità.

  • 2022

    16 ta' Marzu

    Programm LIFE – Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-programm LIFE għall-2021-2027. L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill segwiet qbil proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'Diċembru 2020. LIFE huwa l-programm ewlieni tal-UE għan-natura, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Mill-2021, LIFE ser jiffinanzja wkoll azzjonijiet relatati mal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.

  • 2020

    17 ta' Diċembru

    Programm LIFE: il-presidenza tal-Kunsill tilħaq qbil politiku proviżorju mal-Parlament

    Il-presidenza tal-Kunsill laħqet qbil politiku proviżorju mal-Parlament dwar l-estensjoni tal-programm LIFE lil hinn mill-2020. LIFE huwa l-programm ewlieni tal-UE għan-natura, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Mill-2021, proġetti marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli ser jibbenefikaw ukoll minn finanzjament permezz ta' LIFE.

    Il-qbil jalloka pakkett finanzjarju totali ta' €5.432 biljun għal LIFE għall-perjodu 2021-2027. Din iż-żieda fil-baġit tirrifletti l-qbil li ntlaħaq taħt il-baġit fit-tul tal-UE (QFP) li tiġi applikata mira klimatika globali ta' 30% għall-ammont totali tan-nefqa mill-QFP tal-UE u mill-istrument għall-irkupru Next Generation EU. Il-koleġiżlaturi qablu wkoll li t-tul tal-programm LIFE jiġi allinjat mat-tul tal-QFP.

  • 2020

    23 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030

    F'Ottubru 2020, il-Kunsill Ambjent adotta konklużjonijiet dwar il-bijodiversità, li japprovaw l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030. L-istati membri rrikonoxxew il-ħtieġa li jżidu l-isforzi billi jindirizzaw l-fatturi diretti u indiretti tal-bijodiversità u tat-telf tan-natura. Huma tennew is-sejħa għall-integrazzjoni sħiħa tal-objettivi għall-bijodiversità f'setturi oħra bħall-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija kif ukoll għal implimentazzjoni koerenti tal-miżuri tal-UE f'dawn l-oqsma.

    Il-bijodiversità hija l-assigurazzjoni tagħna fuq il-ħajja: din tipprovdi arja nadifa u ilma nadif, ikel, materjal għall-bini u ħwejjeġ. Toħloq l-impjiegi u tipprovdi l-għajxien. Bil-qerda tan-natura hemm ukoll ir-riskju ta' tifqigħat ta' mard u pandemiji. Svenja Schulze, Ministru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari tal-Ġermanja
  • 2020

    21 ta' Settembru

    Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità: il-Kunsill jibgħat sinjal kollettiv biex tiżdied l-ambizzjoni globali għall-bijodiversità

    Il-Kunsill awtorizza lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen biex tapprova, f'isem l-UE, il-"Wegħda tal-Mexxejja għan-Natura" fil-kuntest tas-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità.

    Il-wegħda hija dikjarazzjoni volontarja li tenfasizza li t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema jeħtieġu azzjoni globali urġenti u immedjata u ttenni l-impenn li l-bijodiversità, il-klima u l-ambjent kollu kemm hu jitqiegħdu fil-qalba kemm tal-istrateġiji ta' rkupru mill-COVID-19 kif ukoll tal-kisba tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali.

  • 2020

    8 ta' Ġunju

    Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE jilqgħu l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-bijodiversità

    Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Mejju 2020, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Id-diskussjoni kkonċentrat fuq l-aspetti marbutin mal-agrikoltura u r-rabtiet mar-riforma li għaddejja tal-Politika Agrikola Komuni (PAK).

  • 2019

    19 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-bijodiversità

    Il-ministri għall-ambjent tal-UE adottaw konklużjonijiet li jaffermaw mill-ġdid li l-UE u l-istati membri tagħha jridu jmexxu u jżidu l-isforzi biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u jirrestawraw l-ekosistemi. Il-konklużjonijiet ipprovdew gwida politika għall-ħidma għal qafas tal-bijodiversità globali għal wara l-2020

    Il-Kunsill appella wkoll lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mingħajr dewmien strateġija ambizzjuża, realistika u koerenti tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 bħala element ċentrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

  • 2018

    9 ta' Ottubru

    Bijodiversità: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet

    Il-ministri għall-ambjent adottaw konklużjonijiet li jesprimu tħassib serju li l-bażi tar-riżorsi naturali u s-servizzi tal-ekosistema li fuqhom tiddependi l-umanità jinsabu f'riskju kbir. Il-ministri jappellaw għal pjan strateġiku ambizzjuż għall-ħarsien tal-bijodiversità wara l-2020.

    Il-konklużjonijiet jistipulaw qafas politiku ġenerali tal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-UE waqt l-Erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-Eġittu f’Novembru 2018.

  • 2016

    17 ta' Ottubru

    Konklużjonijiet qabel il-laqgħa tal-partijiet

    Qabel il-laqgħa tal-partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità u l-protokolli tagħha li saret f'Cancun, il-Messiku, mill-4 sas-17 ta' Diċembru 2016, il-ministri tal-UE qablu dwar konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-bijodiversità. Huma saħqu fuq il-ħtieġa ta' azzjoni fuq livell internazzjonali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tinbidel ir-rotta li qed twassal għal livelli perikolużi għall-bijodiversità.

  • 2015

    16 ta' Diċembru

    Konklużjonijiet dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità. Il-ministri indikaw l-oqsma fejn kienet meħtieġa aktar ħidma sabiex jintlaħqu l-miri.

  • 2010

    15 ta' Marzu

    L-UE tistabbilixxi mira ewlenija dwar il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità sal-2020

    Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu mira għall-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, u r-restawr tagħhom sa fejn hu fattibbli sal-2020, u l-viżjoni tiegħu għal protezzjoni aħjar tal-bijodiversità fl-UE sal-2050. Il-ministri ddeskrivew il-pożizzjoni tal-UE rigward il-protezzjoni tal-bijodiversità fuq livell globali u appellaw għal integrazzjoni msaħħa tal-objettivi tal-bijodiversità fil-politiki u l-istrateġiji trasversali tal-UE.

  • 2009

    22 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar il-bijodiversità internazzjonali lil hinn mill-2010

    Il-ministri tal-UE enfasizzaw l-importanza li l-momentum politiku jingħata spinta ġdida bil-ħsieb li jissaħħu l-isforzi għall-ħarsien tal-bijodiversità u li jiġi adottat pjan strateġiku rivedut u ambizzjuż għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Marzu 2025