Skip to content
  • Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, 18-19/05/2015, 18 u 19 ta' Mejju 2015

Riżultati ewlenin

Il-ministri vvalutaw il-kisbiet tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”), u ddiskutew l-iżvilupp futur tagħha bi tħejjija għar-rendikont ta’ nofs it-terminu u r-Rapport Konġunt tal-2015.  

ET 2020 huwa l-qafas ċentrali fil-livell Ewropew li jgħin lill-istati membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ, u b’hekk jikkontribwixxi għall-prijoritajiet politiċi inġenerali stabbiliti taħt l-istrateġija Ewropa 2020.  

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, waqt li enfasizza l-kontribut tagħha għall-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali, id-diversità kulturali u ċ-ċittadinanza attiva.  

Il-ministri ddiskutew ukoll il-mod li bih tista' tittejjeb  il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa.  

Il-gradwati illum il-ġurnata deħlin f’dinja ta’ sfidi - ir-revoluzzjoni diġitali għandha impatt dejjem akbar fuq l-ekonomiji tagħna u rridu niżguraw li l-edukazzjoni tipprovdi l-ħiliet neċessarji minn età żgħira ħafna. Madankollu, l-edukazzjoni ma tfissirx biss is-suq tax-xogħol.” Mārīte Seile, Ministru tal-Latvja għall-Edukazzjoni u x-Xjenza

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta’ fehmiet dwar is-segwitu għad-dikjarazzjoni mill-ministri għall-Edukazzjoni fil-laqgħa informali tagħhom f’Pariġi f’Marzu 2015, waqt li enfasizzaw ir-rwol kruċjali li għandhom is-setturi tal-edukazzjoni u taż-żgħażagħ fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-valuri komuni Ewropej.    

Il-ministru Mārīte Seile ddikjarat:    

“Il-gradwati illum il-ġurnata deħlin f’dinja ta’ sfidi - ir-revoluzzjoni diġitali għandha impatt dejjem akbar fuq l-ekonomiji tagħna u rridu niżguraw li l-edukazzjoni tipprovdi l-ħiliet neċessarji minn età żgħira ħafna. Madankollu, l-edukazzjoni ma tfissirx biss is-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni għandha rwol essenzjali fil-ħolqien ta’ soċjetajiet koeżivi u sostenibbli u biex tħejji liċ-ċittadini għal dak li mhux magħruf. Din tiżgura li l-valuri kulturali u ċiviċi li nikkondividu jgħaddu lil ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-politika awdjoviżiva Ewropea futura, wara l-preżentazzjoni tal-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni "Strateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa". Id-dibattitu ffoka fuq żewġ kwistjonijiet:  

  • l-aspetti tal-politika awdjoviżiva tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali
  • il-funzjonament tad-direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali  

Il-ministri ddiskutew l-isfidi għal dawk li jfasslu l-politika u r-regolaturi ta’ suq uniku diġitali fejn iridu jiġu żgurati d-diversità u l-kwalità għolja tal-offerta diġitali, kif ukoll kondizzjonijiet ugwali għall-fornituri kollha ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva.  

Eżaminaw ukoll modi biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-libertajiet iggarantiti mid-direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva ("il-libertà tal-informazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, l-aċċess miftuħ tal-internet u d-diversità kulturali u lingwistika) sabiex jiġu żgurati l-objettivi ta’ interess pubbliku ta’ sigurtà u stabbiltà.  

Il-Kunsill adotta wkoll deċiżjoni fejn Plovdiv (il-Bulgarija) u Matera (l-Italja) inħatru bħala Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2019.  

Il-ministru Dace Melbārde ddikjarat: "Waħda mill-kwistjonijiet li llum il-ġurnata titlob attenzjoni immedjata rigward il-politika awdjoviżiva Ewropea hi dwar kif nistgħu nibbilanċjaw il-libertà tal-espressjoni mal-objettivi ta' interess pubbliku dwar sigurtà u stabbiltà, filwaqt li niżguraw li x-xena awdjoviżiva fl-Ewropa tibqa' kulturalment diversifikata u kompetittiva".  

Waqt is-sessjoni tiegħu dwar l-isport, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Il-konklużjonijiet jesploraw kif l-attivitajiet volontarji fl-isport bħala tagħlim mhux formali u informali jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u kompetenzi li jikkomplementaw l-edukazzjoni formali u jżidu l-impjegabbiltà tagħhom.  

Il-ministru Mārīte Seile enfasizzat li “L-isport tal-massa jikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u ħiliet bħall-ħsieb kritiku u li wieħed isolvi l-problemi. Dan iġib miegħu benefiċċji konsiderevoli b’investiment relattivament żgħir u mingħajr sfond speċifiku ta' taħriġ." 

 

 

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025