Skip to content

Spjegazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u l-Mercosur

Żewġ ftehimiet jinkwadraw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur fi sħubija modernizzata u komprensiva, li tkopri d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni kummerċjali. L-UE introduċiet ukoll regoli speċifiċi biex tipproteġi s-settur tal-biedja tagħha.

Sħubija li ilha teżisti

L-UE u l-Mercosur, blokk kummerċjali tal-Amerka t'Isfel magħmul mill-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj, huma alleati mill-qrib u sħab tal-istess fehma b'impenn komuni għall-multilateraliżmu u l-kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Għalkemm il-Bolivja saret membru sħiħ tal-Mercosur f'Lulju 2024, il-pajjiż mhuwiex parti mill-ftehimiet, billi n-negozjati kienu fil-biċċa l-kbira konklużi qabel l-adeżjoni tiegħu.

Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur tmur lura għall-1999, meta daħal fis-seħħ il-ftehim qafas dwar il-kooperazzjoni interreġjonali. Minn dak iż-żmien 'l hawn, in-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur dwar ftehim ta' assoċjazzjoni għaddew minn diversi fażijiet.

Fis-6 ta' Diċembru 2024, l-UE laħqet qbil politiku mal-Mercosur dwar ftehim ta' sħubija komprensiva, li jikkonsisti f'żewġ pilastri: wieħed dwar il-kooperazzjoni politika u l-ieħor dwar il-kummerċ u l-investiment.

Fit-3 ta' Settembru 2025, il-Kummissjoni pproponiet deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' żewġ strumenti paralleli iżda legalment distinti:

  • il-ftehim ta' sħubija UE-Mercosur, li jiġbor flimkien id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ
  • il-ftehim kummerċjali interim, li jkopri l-impenji kummerċjali u ta' investiment li għandhom japplikaw qabel jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' sħubija UE-Mercosur

Fid-9 ta' Jannar 2026, il-Kunsill approva l-iffirmar taż-żewġ ftehimiet. Dan kien segwit miċ-ċerimonja tal-iffirmar li saret fil-Paragwaj fis-17 ta' Jannar.

Ladarba jidħlu fis-seħħ, il-ftehimiet ser jinkwadraw ir-relazzjonijiet fi sħubija modernizzata u komprensiva, irawmu regoli kummerċjali u ta' investiment aktar stabbli u prevedibbli u joħolqu l-akbar żona ta' kummerċ ħieles fid-dinja, li tkopri suq ta' aktar minn 700 miljun persuna.

Imbagħad, il-Parlament Ewropew ser jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu sabiex il-Kunsill ikun jista' jikkonkludi l-ftehimiet.

Ftehim ta' sħubija bejn l-UE u l-Mercosur

Il-ftehim ta' sħubija jiġbor id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-impenn settorjali f'qafas wieħed. Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-investiment, li ser jibdew japplikaw bis-sħiħ ladarba l-ftehim jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ.

Il-ftehim ta' sħubija ser jgħin biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f'oqsma bħal:

  • l-iżvilupp sostenibbli
  • l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima
  • it-trasformazzjoni diġitali
  • id-drittijiet tal-bniedem
  • il-mobbiltà
  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • l-immaniġġar ta' kriżijiet

Ser jgħin ukoll biex titrawwem koordinazzjoni aktar mill-qrib f'fora multilaterali u fejn jidħlu sfidi globali, fosthom it-tibdil fil-klima, iż-żamma tal-paċi u l-migrazzjoni, u ser jagħmilha aktar faċli biex jinqasmu l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet li jvarjaw mill-governanza sal-innovazzjoni teknoloġika.

Ftehim kummerċjali interim

Il-ftehim kummerċjali interim jirrifletti l-pilastru tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment u ser jaġixxi bħala ftehim awtonomu sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' sħubija sħiħ. L-għan tal-ftehim huwa li mill-aktar fis iwassal għall-benefiċċji ekonomiċi tal-impenji kummerċjali nnegozjati.

Il-ftehim kummerċjali interim iwitti t-triq għal tnaqqis fit-tariffi, jiftaħ l-aċċess għal swieq ġodda u jiffaċilita termini ta' kummerċ aħjar f'setturi ewlenin bħas-settur agrikolu, dak awtomobilistiku, farmaċewtiku u tas-sustanzi kimiċi.

Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar:

  • il-faċilitazzjoni tal-investiment
  • it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ transfruntier fis-servizzi, speċjalment is-servizzi diġitali u finanzjarji
  • l-akkwist pubbliku, li ser jippermetti lill-kumpaniji tal-UE jaċċessaw proċessi ta' akkwist pubbliku fil-pajjiżi tal-Mercosur

Jeħtieġ biss li jiġi rratifikat mill-UE, u mhux minn stati membri individwali. Ser jiskadi meta jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' sħubija UE-Mercosur, li jeħtieġ ratifika mill-istati membri kollha.

Fit-23 ta' Marzu 2026, l-UE infurmat lill-pajjiżi tal-Mercosur dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-iTA, f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill meħuda fid-9 ta' Jannar 2026.

L-iTA qed jiġi applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Mejju 2026, u tneħħew t-tariffi fuq ċerti prodotti mill-ewwel jum, b'hekk jinħolqu regoli prevedibbli għall-kummerċ u l-investiment.

Collage astratt tal-bnadar tal-pajjiżi tal-Mercosur u tal-UE, li juri l-kummerċ.
Kummerċ UE-Mercosur: fatti u ċifri

Kummerċ UE-Mercosur: fatti u ċifri

Salvagwardji għall-prodotti agrikoli

Biex tipproteġi lis-settur tal-biedja tal-UE u lil ċerti prodotti agrikoli sensittivi li jistgħu jkunu esposti għall-kompetizzjoni mill-importazzjoni, l-UE introduċiet regolament iddedikat ta' salvagwardji tal-Mercosur, li jittrasponi fid-dritt tal-UE d-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja għall-prodotti agrikoli inklużi fil-ftehim ta' sħubija UE-Mercosur u fil-ftehim kummerċjali interim.

B'mod speċifiku, ir-regolament jistipula kif l-UE tista' tissospendi temporanjament il-preferenzi tariffarji fuq l-importazzjoni agrikola mill-Mercosur jekk din l-importazzjoni tagħmel il-ħsara lill-produtturi tal-UE. Dan ikompli jibni fuq l-għodod ta' salvagwardja eżistenti tal-UE, iżda jintroduċi proċeduri aktar rapidi u skattaturi aktar sempliċi biex jinbdew investigazzjonijiet biex jiġu protetti l-bdiewa tal-UE.

Sakemm jiġi adottat qafas legali permanenti, il-Kummissjoni tista' tapplika miżuri ta' salvagwardja bilaterali għall-prodotti agrikoli skont il-ftehim kummerċjali interim, fosthom l-impożizzjoni ta' tariffi biex ipattu għal żidiet fl-importazzjoni u/jew tnaqqis fil-prezzijiet li jfixklu s-swieq lokali tal-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, ser japplikaw rekwiżiti ta' monitoraġġ imsaħħa għall-prodotti soġġetti għal kwoti tariffarji, bħaċ-ċanga, il-pollam, il-majjal, iz-zokkor, l-etanol, ir-ross, l-għasel, il-qamħirrum u l-qamħirrum ħelu.

L-istati membri wkoll jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tniedi investigazzjonijiet ta' salvagwardja. Jekk il-Kummissjoni tagħmel dan, jeħtieġ li tinforma lill-Kunsill b'mod sħiħ u f'waqtu dwar kwalunkwe azzjoni li jkun biħsiebha tieħu.

Fil-5 ta' Marzu 2026, il-Kunsill adotta formalment ir-regolament li jimplimenta l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali għall-prodotti agrikoli. Ir-regolament ser japplika għall-ftehim kummerċjali interim mid-dħul fis-seħħ tiegħu u ser ikompli japplika ladarba jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' sħubija UE-Mercosur.

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Mejju 2026