"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Eżami tal-kompetittività

L-"eżami tal-kompetittività" huwa eżami tas-saħħa ta' aspetti u setturi importanti tal-ekonomija tal-UE. Jippermetti li l-ministri għall-kompetittività mill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu prijoritajiet u jirreaġixxu għal kwistjonijiet u żviluppi urġenti fl-ekonomija reali.

Il-proċess huwa wkoll reazzjoni għat-talba li saret mill-Kunsill Ewropew fi Frar 2016 biex il-Kunsill Kompetittività jevalwa b'mod regolari d-diversi elementi ta' politika u kwistjonijiet ekonomiċi.

Għalfejn għandna bżonnu?

Dan il-proċess ta' eżami jippermetti li l-ministri jissorveljaw l-"integrazzjoni tal-kompetittività" li tiżgura li jittieħed kont aħjar tal-impatt fuq il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea meta jitfasslu u jiġu implimentati regoli tal-UE u jiġu żviluppati inizjattivi ta' politika ġodda. Il-proċess jgħin biex jinħolqu impjiegi u tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Kif jaħdem

L-eżami tal-kompetittività huwa bbażat fuq preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-aħħar ċifri u tendenzi b'rabta ma' kwistjonijiet mikroekonomiċi. Imbagħad il-ministri fil-Kunsill Kompetittività jiddiskutu, jirreaġixxu u jagħtu kontribut dwar l-implikazzjonijiet possibbli għall-kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej.

F'Settembru 2014, il-Kunsill Kompetittività eżamina b'mod aktar strutturat u sistematiku l-proposti rilevanti kollha li għandhom impatt sostanzjali fuq il-kompetittività.

Il-metodu ta' ħidma tħabbar fil-laqgħa ministerjali informali dwar il-kompetittività f'Lulju 2015 fil-Lussemburgu. Il-proċess tnieda f'Ottubru 2015.

  • 2019

    26 ta' Settembru

    Il-Ministri jiddiskutu d-dimensjoni esterna tal-kompetittività tal-UE

    Fil-kuntest ta’ dibattitu dwar l-istrateġija fit-tul tal-UE dwar it-tkabbir sostenibbli, il-ministri tal-UE skambjaw fehmiet dwar id-dimensjoni esterna tal-kompetittività tal-Unjoni Ewropea
    .

    Id-delegazzjonijiet laqgħu l-approċċ integrat għal tkabbir sostenibbli, kif stabbilit f’rapport mill-presidenza Finlandiża tal-Kunsill.

  • 2019

    28 ta' Mejju

    Il-ministri ddiskutew il-kompetizzjoni tas-suq

    Il-ministri skambjaw fehmiet dwar l-impatt tal-kompetizzjoni tas-suq fuq il-kompetittività tas-suq uniku.

    Filwaqt li qablu b’mod ġenerali li l-kompetizzjoni għadha strument essenzjali għas-suq intern tal-UE, għadd ta’ delegazzjonijiet leħħnu l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-definizzjoni ta’ “suq rilevanti” - b’mod partikolari fir-rigward ta’ pjattaformi online li jagħmlu negozju fuq skala globali.

  • 2019

    18 ta' Frar

    Impatt fuq il-katini ta' valur

    Id-diskussjonijiet fil-Kunsill iffukaw fuq l-impatt tal-katini ta' valur settorjali Ewropej fuq il-kompetittività u t-tkabbir.

    Il-ministri enfasizzaw ir-rwol dejjem akbar tas-servizzi tas-suq fil-katini ta' valur globali.

  • 2018

    29 ta' Novembru

    Governanza tas-suq uniku

    Il-Kunsill iddiskuta l-futur tal-governanza tas-suq uniku.

    Matul id-dibattitu, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha adottata reċentement dwar dan is-suġġett.

  • 2018

    27 ta' Settembru

    Konverġenza reġjonali

    Il-Kunsill ivvaluta l-importanza tal-konverġenza reġjonali għaż-żieda ġenerali fil-produttività, it-tkabbir u l-kompetittività.

    Il-ministri ddiskutew aspetti bħat-tqassim tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni fir-reġjuni kollha tal-UE.

    F'dan il-kuntest, huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta' aktar konċentrazzjoni fuq l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni permezz tal-investiment fl-infrastruttura u t-titjib tal-ħiliet taċ-ċittadini.

  • 2018

    28 u 29 ta' Mejju

    Is-suq intern u l-bażi industrijali

    Il-ministri kkonċentraw fuq l-impatt konkret tas-suq intern fuq il-bażi industrijali tal-UE, f'termini ta' kompetittività u produttività.

    Huma saħqu dwar ir-rilevanza tal-katini ta' valur għal produttività aħjar fit-tul u biex tingħata spinta lill-kompetittività.

    Il-ministri appellaw ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tidentifika inizjattivi u investimenti għall-katini ta' valur tal-ġejjieni.

  • 2018

    12 ta' Marzu

    Restrizzjonijiet fis-swieq tas-servizzi

    Il-Kunsill eżamina l-ispejjeż li jirriżultaw minn restrizzjonijiet bla bżonn fis-swieq tas-servizzi.

    Dawn ir-restrizzjonijiet inaqqsu l-produttività tas-setturi tal-manifattura li jużaw dawk is-servizzi.

    It-tneħħija ta' dawn ir-restrizzjonijiet żejda tista' tipproduċi gwadanji sostanzjali għall-ekonomija reali, b'mod partikolari fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

  • 2017

    30 ta' Novembru

    Objettivi ta' politika industrijali

    Il-ministri ħadu nota tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-komunikazzjoni tagħha dwar "Ninvestu f'industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli: Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE".

    Dan seħħ wara talba minn għadd kbir ta' stati membri li talbu objettivi fit-tul għall-politika industrijali li tirrifletti strateġija ambizzjuża.

    Il-Kummissjoni ressqet ukoll analiżi tas-sitwazzjoni u l-perspettivi attwali tas-settur industrijali Ewropew kif imqabbla ma' ekonomiji b'saħħithom oħrajn fid-dinja. L-analiżi kienet tinkludi parametri dwar tendenzi bħal l-impjiegi fil-manifattura, l-innovazzjoni u l-livell ta' ħiliet diġitali.

  • 2017

    6 ta' Ġunju

    Katini ta' valur u servizzi

    Il-Kummissjoni ppreżentat analiżi tas-suq uniku minn perspettiva ta' katina tal-valur. Hija indikat li s-servizzi qed isiru aktar rilevanti u li l-importanza tal-effetti kollaterali minn piżijiet regolatorji fis-servizzi ma tistax tiġi sottovalutata.

    Bosta ministri enfasizzaw ir-rabtiet bejn is-servizzi u l-manifattura. Uħud ikkummentaw li hemm bżonn li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs Ewropej fil-katini tal-valur globali.

    Fl-aħħar nett, ħafna laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissorvelja s-suq uniku mill-perspettiva tal-evoluzzjoni u t-trasformazzjoni tal-katini ta' valur.

  • 2017

    20 ta' Frar

    Investimenti f'assi intanġibbli

    Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-investimenti intanġibbli fin-negozji tal-UE. Dawn jinkludu pereżempju:

    • il-ħiliet
    • il-kompetenza esperta fil-qasam maniġerjali
    • ir-reputazzjoni tal-kumpanija
    • is-software tal-kompjuter
    • id-disinni
    • il-proprjetà intellettwali

    Il-ministri rrikonoxxew il-kontribut tal-investimenti intanġibbli għall-ekonomija tal-UE u qiesu l-inċentivi possibbli u d-direzzjoni ta' politika li jistgħu jittieħdu biex jikber dan is-settur. Huma kienu tal-fehma li l-ostakli għall-investiment għandhom jitneħħew u li għandu jiġi implimentat għadd ta' azzjonijiet ta' politika b'appoġġ għall-investiment fl-assi intanġibbli. Dan għandu jinkludi:

    • protezzjoni adegwata tal-proprjetà intellettwali
    • aċċess faċli għall-finanzi għad-ditti, speċjalment għall-SMEs, biex jinvestu fl-assi intanġibbli
    • miżuri favur il-kapital ta' riskju
    • inċentivi fiskali
    • aktar sforzi għall-promozzjoni tal-investimenti fil-kapital uman
    • prijoritizzazzjoni tal-edukazzjoni u l-ħiliet
    • appoġġ għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp
  • 2016

    12 ta' Lulju

    L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-produttività

    Il-ministri ddiskutew l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-produttività - waqt li ffokaw fuq s-settur tas-servizzi.

    Offrew gwida fuq kif tista' tiżdied il-produttività fl-UE u jingħeleb id-distakk fil-konfront ta' reġjuni aktar avvanzati fid-dinja.

    B'mod partikolari, semmew:

    • il-ħtieġa li l-investimenti jiġu mmirati lejn oqsma promettenti bħall-ICT, ir-riċerka u l-innovazzjoni
    • id-diġitalizzazzjoni rapida tas-settur tas-servizzi
    • il-promozzjoni tal-infrastrutturi diġitali u l-interkonnessjoni tan-netwerks
    • it-tisħiħ tas-suq uniku
    • leġislazzjoni li tiffavorixxi aktar l-innovazzjoni
    • il-promozzjoni ta' taħriġ u ħiliet f'teknoloġiji ġodda
    • inizjattivi b'appoġġ għall-SMEs u n-negozji ġodda.

    Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-progress li sar fit-tħejjijiet għall-istabbiliment ta' tabella ta' valutazzjoni tal-kompetittività. Din l-għodda ser tippermetti li l-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE jissorveljaw aħjar l-iżviluppi fil-qasam tal-kompetittività u jtejbu l-kwalità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. It-tabella ta' valutazzjoni ser tinkludi indikaturi tal-kompetittività ġenerali kif ukoll tal-oqsma tematiċi li huma l-aktar rilevanti għall-eżami tal-kompetittività.

  • 2016

    29 ta' Frar

    Appoġġ għall-SMEs biex jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi

    Taħt l-“eżami tal-kompetittività”, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar kif l-aħjar jingħata appoġġ lill-SMEs u n-negozji ġodda biex joħolqu l-impjiegi u jiżviluppaw.

    Id-dibattitu sar abbażi ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni li wriet data komparattiva dwar in-negozji ġodda u aspetti marbutin mal-iżvilupp tan-negozji ġodda.

    Xi delegazzjonijiet faħħru l-fatt li, wara snin ta' tnaqqis, l-SMEs Ewropej qed jespandu u reġgħu bdew jimpjegaw, kif jidher fir-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-2014/2015 għall-SMEs Ewropej.

    Il-parti l-kbira tad-delegazzjonijiet indikaw għadd ta' oqsma ewlenin fejn il-politika tal-UE tista' tgħin lill-impriżi jiżviluppaw, fosthom:

    • il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi
    • it-trawwim ta' attivitajiet transkonfinali billi jiġu żviluppat aktar is-suq intern
    • l-applikazzjoni ta' prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar sabiex jitfassal ambjent regolatorju validu għall-futur.

    Madankollu, il-ministri għarfu li kien hemm grad qawwi ta' eteroġeneità fil-ħolqien ta' impjieg mill-SMEs fost l-istati membri u setturi ta' attività ekonomika.

    Ir-rapport tan-netwerk tar-rappreżentanti tal-SMEs tas-sena li għaddiet ikkonferma wkoll li l-SMEs li jidhru li qed jixprunaw l-irkupru fil-ħolqien ta' impjieg mill-SMEs kienu primarjament dawk li jipprovdu servizz. Skont ir-rapport, li ġie ppreżentat lill-Kunsill fit-30 ta' Novembru, f'termini ġenerali l-SMEs ħerġin mill-kriżi ekonomika bil-mod iżda b'mod stabbli.

    Fl-2014, il-valur miżjud tagħhom żdied b'3.3 % (meta mqabbel ma' 1.6 % fl-2013). Barra minn dan, l-għadd ta' SMEs żdied għal total ta' 22.3 miljun, li huwa 3.6 % aktar milli fl-2008.

    Għall-ewwel darba f'sitt snin, l-impjiegi fl-SMEs żdiedu (b'1.2 %).

    It-tendenza pożittiva fil-prestazzjoni tal-SMEs tirrifletti t-titjib fil-kondizzjonijiet makroekonomiċi u ta' negozju. Madankollu, il-ħruġ mill-kriżi jsir b'rati differenti.

    Il-maġġoranza vasta tal-istati membri raw lill-SMEs tagħhom jespandu n-negozju tagħhom fl-2014. Iżda f'dawk il-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, il-qawmien tal-SMEs għadu ma bediex.

  • 2016

    18 ta' Frar

    Il-mexxejja tal-UE jappellaw għal monitoraġġ mill-qrib tal-kompetittività

    Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE adottaw dikjarazzjoni dwar il-kompetittività, li tenfasizza l-importanza tal-kompetittività fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, u l-ħtieġa li l-potenzjal tas-suq intern jiġi sfruttat b'mod sħiħ. Id-dikjarazzjoni tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-pajjiżi tal-UE biex jistinkaw favur regolamentazzjoni aħjar u biex jirrevokaw liġijiet Ewropej mhux neċessarji sabiex tingħata spinta lill-kompetittività.

    Id-dikjarazzjoni tisħaq fuq il-ħtieġa tal-Ewropa li żżid il-kompetittività internazzjonali tagħha fis-servizzi u l-prodotti u f'oqsma ewlenin bħall-enerġija u s-suq uniku diġitali.

    Tappella wkoll għal sistema kummerċjali multilaterali abbażi ta' regoli u tisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali bilaterali ambizzjużi ma' pajjiżi u gruppi ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE.

    Fid-dikjarazzjoni, il-mexxejja tal-EU talbu lill-Kunsill Kompetittività biex "jevalwa b'mod regolari l-progress li jsir fid-diversi elementi”li għandhom impatt fuq il-kompetittività tal-UE. Dan isaħħaħ ir-rwol tal-proċess tal-eżami tal-kompetittività.

  • 2015

    30 ta' Novembru

    Il-kompetittività tal-UE fis-swieq dinjija

    Il-Kunsill eżamina r-relazzjoni bejn l-integrazzjoni tas-suq intern u l-kompetittività tal-UE fis-swieq dinjija, b'attenzjoni speċjali għall-ishma mis-suq tal-UE fis-swieq dinjija tal-esportazzjoni u l-vantaġġi kompetittivi relatati magħhom għall-UE.

    Waqt id-dibattitu, għadd ta' delegazzjonijiet kienu favur l-użu sħiħ u f'waqtu mill-firxa ta' strumenti tal-politika kummerċjali tal-UE biex jiġu żgurati kondizzjonijiet dinjija ekwivalenti ta' kompetizzjoni. F'dan ir-rigward issemmiet is-sitwazzjoni diffiċli f'xi setturi industrijali, bħall-industrija tal-azzar.

    Il-Kummissjoni ħabbret li fil-futur qarib ser tiġi organizzata konferenza ta' livell għoli tal-partijiet ikkonċernati dwar l-industriji li jużaw ħafna enerġija, inkluż is-settur tal-azzar, sabiex tanalizza s-sitwazzjoni attwali u tikkunsidra soluzzjonijiet xierqa.

    Id-dibattitu sar abbażi ta' rapport imħejji mill-presidenza Lussemburgiża. Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn il-ħidma mwettqa taħt il-presidenza Lussemburgiża u jippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar kif l-integrazzjoni tal-kompetittività tista' tittejjeb aktar fil-futur.

  • 2015

    1 ta' Ottubru

    Is-sitwazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq intern

    Il-ministri għall-kompetittività kellhom l-ewwel diskussjonijiet tagħhom skont il-proċess tal-eżami tal-kompetittività li għadu kif tnieda. Id-diskussjonijiet ikkonċentraw fuq:

    • l-aħħar tendenzi u ċifri ekonomiċi abbażi ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni li ffokat fuq kwistjonijiet mikroekonomiċi
    • l-integrazzjoni tal-kompetittività, abbażi ta' lista tal-inizjattivi ewlenin tal-UE li għandhom impatt potenzjali fuq il-kompetittività

    Bosta parteċipanti kienu tal-fehma li kien hemm bżonn li l-kumpaniji tal-UE jingħataw għajnuna biex iżidu l-livell ta' kompetittività tagħhom u jespandu billi l-kondizzjonijiet regolatorji jsiru sempliċi u prevedibbli. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiġi stimulat il-livell tal-investimenti fl-Ewropa.

    Kien hemm kunsens ġenerali li r-regoli tal-UE għandhom ikunu aktar effiċjenti u jkollhom valur miżjud reali għall-konsumaturi u l-kumpaniji.

    Għadd kbir ta' delegazzjonijiet ġibdu l-attenzjoni għal aspetti tal-politika kummerċjali b'rabta mal-kapaċità fir-rigward tal-kompetittività tal-industriji u n-negozji Ewropej.

    Fost l-isfidi ewlenin sabiex il-kompetittività tingħata spinta, issemmew dawn li ġejjin:

    • id-diġitalizzazzjoni tas-suq uniku, tal-industrija u l-SMEs
    • l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' regolamentazzjoni intelliġenti mingħajr ma jiddgħajjef il-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi u l-ħaddiema
    • appoġġ għal raggruppamenti għall-innovazzjoni

    Il-Presidenza Lussemburgiża fasslet lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta' inizjattivi attwali u li ġejjin li x'aktarx ikollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività, inkluż inizjattivi ttrattati minn konfigurazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill. Dan ta lil ministri stampa ġenerali informali tal-fajls ewlenin għall-integrazzjoni tal-kompetittività.

    Ir-riżultat tad-dibattiti ppermetta lill-presidenza tressaq rapport li ntbagħat lill-Kunsill Kompetittività tat-30 ta' Novembru.