"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 09/12/2014, 9 ta' Diċembru 2014

Il-pjan ta' investiment għall-UE jirċievi l-appoġġ tal-Kunsill

Meta ltaqħu fid-9 ta' Diċembru fi Brussell, il-ministri tal-UE għall-finanzi esprimew appoġġ ġenerali għall-pjan ta' investiment ta' €315-il biljun imħabbar reċentement mill-Kummissjoni. Huma approvaw ukoll żewġ miżuri għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u qablu dwar il-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-fond uniku ta' riżoluzzjoni.

Pjan ta' Investiment għall-Ewropa

Il-Kunsill sema' preżentazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar il-ħidma ta' task force, stabbilita fil-ħarifa biex tidentifika proġetti ta' investiment possibbli.

Il-pjan ta' investiment ta' €315-il biljun tal-Kummissjoni, li ġie żvelat f'Novembru, ser jinvolvi l-istabbiliment ta' fond Ewropew ġdid għal investiment strateġiku fi ħdan il-grupp tal-BEI fir-rebbiegħa tal-2015. Il-fond ser ikun mibni fuq garanzija ta' €16-il biljun mill-baġit tal-UE u €5 biljuni mill-BEI.

Il-fond għandu l-għan li jipprovdi kapaċità għall-indirizzar ta' riskji li tippermetti investimenti u tappoġġa finanzjament ta' riskju għall-SMEs.

Wara skambju ta' fehmiet inizjali l-ministri għall-finanzi esprimew appoġġ ġenerali għall-pjan ta' investiment. Il-Kunsill jistenna b'interess proposta leġislattiva għat-twettiq ta' dan il-pjan.

Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' fit-18 u d-19 ta' Diċembru, ser jintalab japprovah.

Il-passi li jmiss

Il-Presidenza Taljana tal-Kunsill ser tibgħat lill-president tal-Kunsill Ewropew sommarju ta' din id-diskussjoni.

Il-Kummissjoni mistennija tippreżenta proposta leġislattiva f'Jannar 2015. L-għan hu li tiġi adottata f'Ġunju 2015.

Prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-inklużjoni ta' klawżola kontra l-abbuż fid-direttiva tal-UE dwar il-kumpanniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom. Dan ser jeħtieġ lill-istati membri tal-UE li jibqgħu lura milli jagħtu l-benefiċċji tad-direttiva lil arranġamenti korporattivi li jiġu stabbiliti biex jinkiseb vantaġġ fiskali u li ma jirriflettux ir-realta ekonomika. Id-direttiva emendatorja ser tiġi adottata fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill mingħajr aktar diskussjoni.

L-istati membri ser ikollhom sal-31 ta' Diċembru 2015 biex jittrasponu din l-emenda fil-liġi nazzjonali.  

Il-Kunsill adotta wkoll direttiva li testendi l-iskambjar awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa sabiex tiġi impedita l-evażjoni tat-taxxa minn faddala privati.

Id-direttiva għandha l-għan li tirrimedja sitwazzjonijiet fejn kontribwent jipprova jaħbi kapital jew assi barra 'l pajjiż biex jevita li jħallas it-taxxa dovuta fuqhom. Hija timplimenta standard globali żviluppat mill-OECD u approvat mill-G20.

L-istati membri ser jibdew jiskambjaw informazzjoni awtomatikament skont id-direttiva riveduta mill-aħħar ta' Settembru 2017. 

Unjoni bankarja: fond uniku ta' riżoluzzjoni

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar abbozz ta' regolament għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-banek lill-fond uniku ta' riżoluzzjoni tal-UE. Il-fond qed jiġi stabbilit taħt il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, li kien inħoloq biex tiġi żgurata r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li jkunu qed ifallu. 

Il-kontribuzzjonijiet mill-banek ser ikunu annwali u jiġu kkalkulati abbażi tal-obbligazzjonijiet tal-banek, bl-esklużjoni ta' fondi proprji u depożiti koperti, u jkun aġġustat skont ir-riskju. 

Punti prinċipali oħra fuq l-aġenda 

Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF)

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni attwali ta' proposta għall-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF) fi 11-il stat membru permezz tal-proċedura ta' 'kooperazzjoni msaħħa'. Il-presidenza tat rapport dwar il-progress li sar matul il-mandat tagħha, filwaqt li ppreżentat il-fehmiet tagħha dwar il-possibbiltà li d-dossier ikompli jiġi indirizzat mill-presidenza li jmiss.  

Governanza ekonomika 

Il-Kunsill nieda proċess annwali tiegħu għall-koordinazzjoni ta' politiki. Il-Kummissjoni ppreżentat l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir għall-2015, li jipproponi azzjonijiet prijoritarji li għandhom jittieħdu mill-istati membri biex jiżguraw li jkollhom stabbiliti politiki effettivi li jistgħu jwasslu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli.   

Hija ppreżentat ukoll ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, li jindika li s-sitwazzjoni makroekonomika teħtieġ aktar analiżi ('analiżi fil-fond') f'16-il stat membru: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvizzera, u l-Ungerija.  

Il-Kunsill iddiskuta wkoll rieżami tar-riformi li sar fl-2011 u l-2013 għall-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, inkluż il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025