Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 14 u 15 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Impjiegi u affarijiet soċjali (it-Tnejn 14 ta' Ġunju)

Garanzija Ewropea għat-Tfal

Il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-għan tar-rakkomandazzjoni hu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tat-tfal billi jiġi ggarantit l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal sett ta' servizzi ewlenin, biex b'hekk dan jgħin fil-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal billi jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal u jitrawmu opportunitajiet indaqs.

B'mod partikolari, huwa rrakkomandat li l-istati membri jiggarantixxu aċċess effettiv u bla ħlas għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskejjel, mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola u l-kura tas-saħħa, kif ukoll aċċess effettiv għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata.

Is-27 stat membru għandhom jinnominaw koordinatur nazzjonali tal-garanzija għat-tfal u jippreżentaw lill-Kummissjoni, fi żmien disa' xhur mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni, pjan ta' azzjoni li jkopri l-perjodu sal-2030 biex jimplimentaw din ir-rakkomandazzjoni.

Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Din mhijiex rebħa għall-presidenza Portugiża biss. Hija rebħa speċjalment għat-18-il miljun tifel u tifla fl-Unjoni Ewropea li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali. Hija rebħa li tiggarantixxi l-edukazzjoni, il-kura tat-tfal, kura tas-saħħa ta' kwalità tajba u akkomodazzjoni deċenti għat-tfal kollha fl-Ewropa.
Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Stampa: Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal.
Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal (Infografika)

Garanzija Ewropea għat-Tfal: kif l-UE tipproteġi lit-tfal (Infografika)

Telexogħol

Mit-tifqigħa tal-COVID-19 kien hemm żieda enormi fl-għadd ta' persuni li jaħdmu mid-dar. Skont stħarriġ tal-Eurofound, f'Lulju 2020, 34% ta' dawk li wieġbu kienu qed jaħdmu biss mid-dar, meta mqabbla ma' 5.4% ta' dawk impjegati fl-UE-27 li ħadmu mid-dar fl-2019. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-kwistjoni li jenfasizzaw li din iż-żieda reċenti fit-telexogħol toħloq il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-potenzjal, il-limiti u r-riskji tat-telexogħol. Il-konklużjonijiet jappellaw lill-istati membri biex, fost affarijiet oħra, jikkunsidraw li:

  • jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni jew strateġiji nazzjonali li jindirizzaw l-opportunitajiet u r-riskji relatati mat-telexogħol, li jqisu l-perspettiva tal-ġeneru, jew li jinkludu dan is-suġġett fi strateġiji eżistenti jew futuri
  • jemendaw il-politiki tagħhom li jirregolaw it-telexogħol jew joħorġu gwida, pereżempju fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-ħin tax-xogħol, ir-riskji relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-allowances biex jiġu koperti l-ispejjeż tat-telexogħol fejn ikun applikabbli
  • jistabbilixxu jew jirrinfurzaw inizjattivi biex isaħħu l-ispezzjoni tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fid-dawl tar-riskji li jirriżultaw mit-telexogħol.

Il-Kunsill appella wkoll lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kuntest u l-implikazzjonijiet tat-telexogħol fl-UE u l-punt sa fejn il-liġi soċjali u tax-xogħol attwali fl-UE tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għat-teleħaddiema.

It-telexogħol sar normalità għal miljuni ta' Ewropej u ser ikompli bħala mudell ibridu wara l-pandemija. Il-ħaddiema jgawdu l-flessibbiltà u l-awtonomija li t-telexogħol joffri, kif ukoll l-iffrankar tal-ħin, peress li dan ineħħi l-bżonn tal-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura. Iżda ma ninsewx l-isfidi li dan iġib miegħu, bħall-isfukar tal-limiti bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, jew l-iżolament tal-ħaddiema. Illum approvajna konklużjonijiet li jappellaw lill-istati membri biex jaħtfu l-opportunitajiet u jindirizzaw ir-riskji relatati mat-telexogħol fl-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom għall-futur tax-xogħol. Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall

L-impatt tal-COVID-19 fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistiednu lill-istati membri (u, fejn xieraq, lill-Kummissjoni) biex jieħdu passi biex itaffu l-effett aggravanti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq xi wħud mill-iżvantaġġi fit-tul esperjenzati min-nisa u biex jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir mutur għall-irkupru.

Dawn il-passi jinkludu:

  • il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' rkupru, pereżempju permezz tal-appoġġ lill-ħaddiema f'setturi ekonomiċi milquta ħafna bħall-bejgħ bl-imnut, l-ospitalità u t-turiżmu, l-indirizzar tal-ħtiġijiet partikolari tan-nisa fir-rigward tal-livell edukattiv milħuq, is-sigħat tax-xogħol, l-inattività, il-qgħad u l-ħiliet
  • l-indirizzar tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel billi jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha, inkluż it-teleħaddiema, ikollhom l-istess opportunitajiet għall-avvanz fil-karriera, inkluż aċċess ugwali għal pożizzjonijiet ta' ġestjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet
  • il-promozzjoni tal-aċċess ugwali għall-oqsma edukattivi u l-perkorsi tal-karriera kollha, inkluż l-indirizzar tad-differenza diġitali bejn il-ġeneri, it-titjib tal-ħiliet diġitali u l-parteċipazzjoni fl-oqsma ta' studju STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), speċjalment l-ICT
  • l-iżvilupp u t-tixrid ta' aktar data diżaggregata skont is-sess, informazzjoni u riċerka dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Bħala riżultat tal-inugwaljanzi strutturali li diġà jeżistu bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà kollha kemm hi (id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-kura) in-nisa kienu u għadhom jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment relatati. In-nisa jirrappreżentaw bejn 76% u 95% tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u għalhekk jinsabu f'riskju akbar li jimirdu bil-COVID-19. Sadanittant, in-nisa għandhom sehem sproporzjonat mix-xogħol mhux imħallas (kompiti domestiċi u ta' kura) li żdied matul il-kriżi tal-COVID-19.

Mariana Vieira da Silva - Ministru tal-Istat u l-Presidenza tal-Portugall
Bħal kif ġara fi kriżijiet tal-passat, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 ma kienx ugwali f'termini ta' ġeneru, bin-nisa affettwati ħafna aktar. Aħna naraw lin-nisa affettwati fl-ewwel linja bħala ħaddiema fil-kura tas-saħħa, persuni li jindukraw jew ħaddiema fl-indukrar tat-tfal, bħala għalliema jew ħaddiema li jnaddfu d-djar, li spiss jiffaċċaw l-isfidi addizzjonali li jieħdu ħsieb il-familji tagħhom, iwettqu xogħol addizzjonali mingħajr ħlas u jiffaċċaw diffikultajiet fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom. Madankollu, m'għandniex stampa ċara ta' kif dawn l-effetti jillimitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jkabbru d-differenzi eżistenti fil-pagi u fl-għoti tal-kura, u aħna nistgħu nibdlu biss dak li nistgħu naraw b'mod ċar. Issa li qed naħdmu għal irkupru mill-kriżi u qed inħejju s-soċjetajiet tagħna għall-futur, jeħtieġ li niżguraw li l-miżuri tagħna jkunu bbażati fuq data konkreta, li jippermettilna jkollna stampa ċara ta' dak li għandna bżonn nibdlu sabiex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet infurmati u nikkoreġu l-inugwaljanzi.
Mariana Vieira da Silva - Ministru tal-Istat u l-Presidenza tal-Portugall
Mariana Vieira da Silva - Ministru tal-Istat u l-Presidenza tal-Portugall

Strateġija dwar id-diżabilità

Madwar 87 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea għandhom xi forma ta' diżabilità u aktar minn nofshom (52%) iħossuhom diskriminati fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. F'Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità (2021-2030).

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li japprovaw l-istrateġija. Il-konklużjonijiet jistiednu lill-istati membri biex ikomplu jiżviluppaw u jaġġornaw l-istrateġiji u l-politiki nazzjonali biex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jiżguraw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettivi u koerenti tad-dritt tal-UE dwar l-aċċessibbiltà ta' prodotti, servizzi, media, trasport u bini, jippromwovu l-iżvilupp ta' servizzi soċjali bbażati fuq il-komunità u ċċentrati fuq il-persuni u l-għajxien indipendenti, jippromwovu l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika, filwaqt li jqisu l-istrateġija meta jistabbilixxu miri nazzjonali volontarji biex jiksbu l-miri ewlenin proposti tal-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jużaw bl-aħjar mod il-programmi ta' finanzjament u dawk finanzjarji xierqa tal-UE.

Il-presidenza Portugiża hija impenjata bis-sħiħ favur id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità. Dawn il-konklużjonijiet huma opportunità kbira biex il-kliem jissarraf f'azzjoni u biex niżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Kif ilna ngħidu, dan huwa żmien l-azzjoni, għalhekk huwa ta' importanza ewlenija li aħna lkoll nimpenjaw ruħna għall-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030, f'konformità mal-UNCRPD. Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall

Pagi minimi adegwati

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tad-direttiva dwar pagi minimi adegwati. Il-ministri kellhom ukoll l-opportunità li jiskambjaw fehmiet dwar it-titjib li jistennew li d-direttiva twassal u li jindikaw, fil-fehma tagħhom, liema huma l-elementi kritiċi tal-proposta, u b'hekk tiġi stabbilita triq possibbli 'l quddiem għal aktar negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq qbil.

Summit Soċjali ta' Porto

Is-Summit Soċjali ta' Porto tas-7 u t-8 ta' Mejju 2021 ikkostitwixxa mument kruċjali għall-Ewropa soċjali. Fis-7 ta' Mejju, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-UE, is-sħab soċjali tal-UE u l-Pjattaforma Soċjali ffirmaw l-Impenn Soċjali ta' Porto u fit-8 ta' Mejju, il-Mexxejja tal-UE qablu dwar id-Dikjarazzjoni ta' Porto, fejn saħħew l-impenji tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u laqgħu l-miri ewlenin tal-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar tal-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru. Bħala segwitu, il-ministri ddiskutew l-istabbiliment ta' miri u l-monitoraġġ tal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru fil-livell nazzjonali permezz tas-Semestru Ewropew.

Sfidi għad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-involviment tas-sħab soċjali fl-irkupru permezz tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) u l-aħjar approċċi għad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-kuntest ta' aċċellerazzjoni għat-tranżizzjoni diġitali, speċjalment b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata rappreżentanza tal-ħaddiema f'forom atipiċi ta' xogħol u d-dritt ta' assoċjazzjoni tagħhom.

Fid-dibattitu tal-lum ippreżentajna l-esperjenzi differenti tagħna; dan tana lkoll l-opportunità biex naqsmu l-ħsibijiet tagħna dwar l-isfidi li ser ikollna bżonn nindirizzaw fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil dwar kwistjonijiet importanti u topiċi bħal dawn. Ana Mendes Godinho - Ministru għax-Xogħol, is-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali tal-Portugall
Stampa: Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha.
Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)

Trasparenza fil-pagi u trattament ugwali

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' għadd ta' fajls leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa: proposta għal direttiva dwar it-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u direttiva tal-Kunsill biex il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tiġi estiża għal oqsma lil hinn mill-impjieg. Għaż-żewġ proposti l-presidenza Portugiża ppreżentat rapport li jiġbor fil-qosor is-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet bejn l-istati membri u t-triq possibbli 'l quddiem biex jintlaħaq qbil

Semestru Ewropew, kura fit-tul u pensjonijiet

Il-Kunsill approva l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2020 u l-2019 u l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għal Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta, li tistabbilixxi indikaturi ewlenin ġodda. Iż-żewġ punti huma relatati mas-Semestru Ewropew li huwa l-qafas tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi madwar l-Unjoni Ewropea. Il-ministri approvaw ukoll il-konklużjonijiet dwar rapport dwar il-kura fit-tul tal-2021 u rapport dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet tal-2021 - kemm mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Saħħa (it-Tlieta 15 ta' Ġunju)

Aċċess għal mediċini u apparat mediku

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar l-aċċess għall-mediċini u l-apparat mediku għal UE aktar b'saħħitha u reżiljenti. Għalkemm inkisbu riżultati notevoli f'ħafna oqsma relatati mal-mard, jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat aċċess f'waqtu għal mediċini u apparat mediku innovattivi, speċjalment fir-rigward ta' tħassib dwar is-saħħa pubblika bħall-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda. Il-konklużjonijiet jappellaw, fost affarijiet oħra, lill-Kummissjoni biex tiżviluppa inventarju sħiħ tal-kapaċitajiet ta' manifattura globali potenzjali u eżistenti tal-Ewropa għal mediċini kritiċi, apparat mediku u prodotti mediċi oħra.

Marta Temido - Ministru għas-Saħħa tal-Portugall
Din il-pandemija għal darb'oħra enfasizzat l-isfida tripla tal-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini. Ninsab kuntent li l-ministri llum inġabru flimkien għal appell magħqud biex tittieħed azzjoni fuq il-ħtiġijiet strutturali u biex jiġi żgurat li l-aċċess f'waqtu għal mediċini innovattivi jkun ta' benefiċċju kemm għall-pazjenti kif ukoll għas-sistemi tas-saħħa.
Marta Temido - Ministru għas-Saħħa tal-Portugall
Marta Temido - Ministru għas-Saħħa tal-Portugall

Mandat aktar b'saħħtu għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Il-Kunsill laħaq qbil dwar abbozz ta' regoli biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fit-tħejjija u l-ġestjoni ta' kriżijiet għal prodotti mediċinali u apparat mediku.

Dan l-"approċċ ġenerali" jipprovdi lill-presidenza tal-Kunsill b'mandat ta' negozjar biex tintlaħaq pożizzjoni komuni mal-Parlament Ewropew.

Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard u theddid transkonfinali għas-saħħa

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' żewġ fajls leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa: il-proposta biex jiġi emendat ir-regolament li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ECDC) u l-proposta dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa.

L-ewwel fajl jikkonċerna l-għoti ta' mandat aktar b'saħħtu lill-ECDC biex ikun mgħammar aħjar biex jappoġġa lill-istati membri u lill-Kummissjoni - fost affarijiet oħra - fil-monitoraġġ f'ħin reali tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-mobilizzazzjoni tat-task forces tal-UE għas-saħħa biex jassistu fir-risponsi lokali. Regolament propost dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa jippreskrivi l-iżvilupp ta' pjan ta' tħejjija tal-UE għall-kriżijiet tas-saħħa u l-pandemiji u rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp ta' pjanijiet nazzjonali (għandhom jiġu vvalutati u għandu jsirilhom test tal-istress).

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Riżultati tal-votazzjonijiet tal-laqgħa

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025