"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 6 u 7 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Impjiegi u affarijiet soċjali (it-Tnejn 6 ta' Diċembru)

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali kemm dwar abbozz ta' liġi tal-UE dwar il-pagi minimi kif ukoll dwar direttiva proposta dwar it-trasparenza fil-pagi. Adotta wkoll konklużjonijiet dwar ix-xogħol sostenibbli tul il-ħajja u dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol.

Pagi minimi

Illum il-Kunsill qabel fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar proposta tal-Kummissjoni għal liġi tal-UE dwar pagi minimi adegwati fl-UE. Biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tan-nies, dan l-abbozz ta' liġi jistabbilixxi qafas għall-promozzjoni ta' livelli adegwati ta' pagi minimi statutorji, għall-promozzjoni ta' negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u għat-titjib tal-aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima ta' dawk il-ħaddiema li huma intitolati għal paga minima.

Minħabba li l-pajjiżi b'kopertura għolja ta' negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkollhom sehem iżgħar ta' ħaddiema b'paga baxxa u pagi minimi ogħla minn dawk b'kopertura baxxa ta' negozjar kollettiv, il-ministri qablu li l-pajjiżi għandhom jippromwovu t-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali li jwettqu negozjar kollettiv.

Dan l-hekk imsejjaħ approċċ ġenerali li ntlaħaq illum jipprovdi lill-presidenza tal-Kunsill b'mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew (li qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-aħħar ta' Novembru).

Janez Cigler Kralj, ministru tas-Slovenja għax-xogħol, il-familja, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs
Ix-xogħol għandu jrendi. Ma nistgħux naċċettaw sitwazzjoni fejn nies li jitfgħu l-enerġija kollha tagħhom f'xogħolhom għadhom jgħixu fil-faqar u ma jistgħux jaffordjaw standard tal-għajxien deċenti. Din il-liġi ser tkun pass kbir 'il quddiem lejn dan l-għan.
Janez Cigler Kralj, ministru tas-Slovenja għax-xogħol, il-familja, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs
Janez Cigler Kralj, ministru tas-Slovenja għax-xogħol, il-familja, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs

Trasparenza fil-pagi

Il-Kunsill qabel ukoll dwar il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' abbozz ta' liġi dwar it-trasparenza fil-pagi li ser jgħin biex titneħħa d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Il-liġi proposta għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-ħaddiema biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' ġabra ta' miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi. Miżuri biex titjieb it-trasparenza fil-pagi jinkludu:

  • l-impjegaturi jeħtieġ li jindikaw il-livell jew il-firxa ta' paga inizjali li għandha titħallas lill-ħaddiem futur
  • l-impjegaturi jridu jagħmlu aċċessibbli għall-impjegati tagħhom liema kriterji - oġġettivi u newtrali għall-ġeneru - jintużaw biex jiġu definiti l-paga u l-progress fil-karriera tagħhom
  • il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-livell tal-paga individwali tagħhom u l-livelli medji tal-pagi għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali, imqassma skont is-sess

Ladarba l-Parlament Ewropew (PE) ikun adotta l-pożizzjoni finali tiegħu, il-Kunsill u l-PE ser jinnegozjaw test komuni.

Ma hemm assolutament ebda ġustifikazzjoni għaliex in-nisa għadhom jaqilgħu ħafna inqas mill-pari rġiel tagħhom. Bil-qbil li ntlaħaq illum fil-Kunsill, l-UE qed tieħu pass kbir lejn l-indirizzar tad-diskriminazzjoni fil-pagi u lejn it-tneħħija tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Janez Cigler Kralj, ministru tas-Slovenja għax-xogħol, il-familja, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs

Xogħol sostenibbli tul il-ħajja

Il-popolazzjoni tal-Ewropa fl-età tax-xogħol qed tonqos u dan jiġġenera riskji ta' nuqqas ta' ħaddiema u sfidi għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħna. Għaldaqstant xogħolna jeħtieġ li jsir aktar sostenibbli, permezz ta' kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol li jippermettu lin-nies jidħlu f'xogħol u jibqgħu jaħdmu tul ħajja tax-xogħol estiża. Dan jista' jinkiseb billi jsir investiment f'impjiegi ta' kwalità, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar xogħol sostenibbli matul il-ħajja. Dawn jappellaw lill-istati membri - fost affarijiet oħra - biex iqisu l-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol 2021-2027 u jsaħħu l-politiki biex in-nies jiġu appoġġati biex jidħlu u jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol malajr.

Neħtieġu azzjoni biex niġġieldu kontra x-xejra li minħabba li n-nies qed jikbru fl-età ser nispiċċaw b'nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nistinkaw biex nagħmlu x-xogħol aktar sostenibbli. Dan jgħin biex inżommu n-nies fis-suq tax-xogħol, inżidu l-prestazzjoni ekonomika tagħna u nagħtu spinta lill-inklużjoni soċjali. Janez Cigler Kralj, ministru tas-Slovenja għax-xogħol, il-familja, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs

L-investiment fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għandu wkoll benefiċċju ekonomiku peress li l-korrimenti u l-mard relatati max-xogħol jiswew lis-soċjetà l-ekwivalenti ta' aktar minn 3.3% tal-PDG.

L-impatt tal-IA fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol

L-intelliġenza artifiċjali (IA) jista' jkollha impatt differenti fuq in-nisa meta mqabbla mal-irġiel. L-intelliġenza artifiċjali tista' pereżempju twassal għal preġudizzji relatati mal-ġeneru fir-reklutaġġ u għat-tkomplija ta' sterjotipi. Għalhekk hija importanti l-adozzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fir-rigward tal-konsegwenzi tagħha għas-suq tax-xogħol. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-impatt tal-IA fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, il-Kunsill qed jappella lill-istati membri biex (fost affarijiet oħra):

  • jieħdu passi konkreti biex itejbu l-għarfien dwar kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka dwar l-IA u fis-setturi kollha fejn din tiġi mfassla, żviluppata u użata
  • jiżguraw li meta l-IA tintuża għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, tippromwovi t-trasparenza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikulari fl-oqsma tal-pagi, it-taħriġ, l-aċċess għall-promozzjoni, u l-progressjoni tal-karriera
  • jiżguraw it-trasparenza algoritmika u jindirizzaw il-problema ta' data minn input storikament preġudikata fl-użu tal-IA

Trattament ugwali, Semestru Ewropew u Lejn Ewropa ta' Ugwaljanza

Il-presidenza ppreżentat rapport ta' progress lill-Kunsill dwar abbozz ta' direttiva dwar it-trattament ugwali, proposta mill-2008 biex il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tiġi estiża għal oqsma lil hinn mix-xogħol.

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew 2022, li warajh il-Kummissjoni ppreżentat għadd ta' stħarriġiet, rapporti u rakkomandazzjonijiet relatati mal-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari r-rapport annwali tal-2022 dwar il-mekkaniżmu ta' twissija tal-istħarriġ dwar it-tkabbir sostenibbli, l-abbozz ta' rapport konġunt dwar l-impjiegi u l-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

Il-ministri approvaw ukoll il-messaġġi ewlenin tar-rieżami mill-Kumitat tal-Impjiegi fi ħdan il-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija impenn tal-istati membri kollha tal-UE li jiggarantixxu li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 30 sena jirċievu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, tkomplija tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship.

Fl-aħħar nett, il-president tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali aġġorna lill-ministri dwar il-pjanijiet nazzjonali skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali huma korpi preparatorji għall-Kunsill dwar l-impjiegi u l-politika soċjali.

Affarijiet oħra

Il-Kunsill adotta regolament ta' implimentazzjoni li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u b'hekk neħħa individwu wieħed mil-lista.

Il-presidenza tat ukoll tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali ta' għadd ta' proposti leġiżlattivi: regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, direttiva dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol u direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet tal-kumpaniji.

Il-Kummissjoni Ewropea għarrfet ukoll lid-delegazzjonijiet dwar l-inizjattiva ALMA tagħha, skema għall-mobbiltà transkonfinali taż-żgħażagħ għal żgħażagħ żvantaġġati ta' bejn it-18 u t-30 sena barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, u tat aġġornament dwar il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-ġejjieni tal-protezzjoni soċjali u l-istat soċjali.

Punti addizzjonali taħt "affarijiet oħra" inkludew tagħrif mid-delegazzjoni Slovena dwar il-konferenzi tal-presidenza tagħha kif ukoll tagħrif mid-delegazzjoni Franċiża dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss.

Saħħa (it-Tlieta 7 ta' Diċembru)

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rispons attwali u futur għall-pandemija tal-COVID-19 u approvaw konklużjonijiet dwar it-tisħiħ ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa.

COVID-19

Fid-dawl ta' sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE ta' tħassib kbir jew ta' tħassib kbir ħafna u l-identifikazzjoni tal-varjant Omicron, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19. B'mod partikolari huma indirizzaw miżuri biex jitrażżan it-tixrid tal-varjant Omicron, li jippermettu li jinkiseb għarfien addizzjonali, il-ħtieġa ta' approċċ komuni għall-validità taċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 fid-dawl tal-amministrazzjoni tad-dożi booster, l-introduzzjoni ta' boosters għall-vaċċini, it-tilqim għall-adulti u għat-tfal u l-akkwist ta' prodotti terapewtiċi għall-COVID-19.

Il-ministri enfasizzaw l-importanza li jkomplu jikkooperaw u jaqsmu l-fehmiet tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-COVID-19 u li jkomplu d-diskussjoni dwar it-tilqim b'mod ġenerali, id-dożi booster u t-tilqim tat-tfal. Ħafna saħqu fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-eżitazzjoni għat-tilqim peress li t-tilqim huwa l-aħjar mod biex jitħarsu ċ-ċittadini tal-UE.

Xi pajjiżi enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-ittestjar u s-sekwenzjar, speċjalment fid-dawl tal-varjant Omicron u varjanti ġodda possibbli. L-akkwist konġunt ta' prodotti terapewtiċi fil-livell tal-UE wkoll intlaqa' tajjeb minn bosta stati membri.

Janez Poklukar, Ministru għas-Saħħa tas-Slovenja
Iż-żieda fl-infezzjonijiet, l-isptarijiet taħt pressjoni eċċessiva u issa l-identifikazzjoni ta' varjant ġdid possibbilment aktar infettiv jeħtieġu azzjoni determinata u kkoordinata. It-tkomplija tat-tilqim, id-dożi booster, id-disponibbiltà ta' prodotti terapewtiċi u l-koordinazzjoni taċ-ċertifikat tat-tilqim ser jgħinuna ngħaddu minn dan il-mument diffiċli tal-pandemija.
Janez Poklukar, Ministru għas-Saħħa tas-Slovenja
Janez Poklukar, Ministru għas-Saħħa tas-Slovenja

Tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li l-UE u l-istati membri tagħha jkunu mħejjija għal emerġenzi tas-saħħa u jikkoordinaw aħjar meta jħabbtu wiċċhom ma' kriżi tas-saħħa transkonfinali.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, li l-ministri approvaw illum, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa ta' investimenti strateġiċi fis-sistemi tas-saħħa u kollaborazzjoni aħjar internament u ma' pajjiżi oħrajn. Għalkemm is-sistemi tas-saħħa Ewropej, taħt il-pressjoni enormi tal-pandemija tal-COVID-19, urew il-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom, l-UE xorta waħda tixtieq tibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda matul il-kriżi u toħloq kundizzjonijiet aħjar għar-rispons għal sfidi futuri (bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi li qed tiżdied). Il-konklużjonijiet jenfasizzaw erba' oqsma ewlenin bħala prijoritajiet għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa: soluzzjonijiet innovattivi għal sistemi tas-saħħa reżiljenti, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà ta' prodotti mediċinali u apparat mediku, is-saħħa globali kif ukoll il-ġlieda kontra l-kanċer.

Il-presidenza aġġornat ukoll lill-ministri dwar il-konklużjoni b'suċċess tagħha tan-negozjati dwar żewġ proposti leġiżlattivi biex tinbena din l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa:

  • rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u l-apparat mediku
  • mandat aġġornat għall-ECDC biex tissaħħaħ il-ħidma tal-ECDC fl-oqsma tas-sorveljanza, it-twissija bikrija, it-tħejjija u r-rispons
Anke jekk qed inħabbtu wiċċna ma' sitwazzjoni gravi f'dak li jirrigwarda l-COVID-19 jeħtieġ li nħarsu 'l quddiem. Issa huwa ż-żmien li nħejju għall-ġejjieni u niżguraw li nkunu mħejjijin aħjar. Il-kisbiet reċenti tagħna biex nagħtu spinta lill-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ser ikunu strumentali b'rabta ma' dan. Janez Poklukar, Ministru għas-Saħħa tas-Slovenja

Qafas ta' emerġenza fir-rigward ta' kontromiżuri mediċi

Fis-16 ta' Settembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA). Il-HERA hija mistennija li tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' mediċini, vaċċini u kontromiżuri mediċi oħrajn (eż. ingwanti u maskri). Il-HERA qed tiġi kkomplementata minn regolament propost tal-Kunsill dwar il-qafas ta' emerġenza fir-rigward ta' kontromiżuri mediċi. Fost affarijiet oħra ser jistabbilixxi qafas għall-iżgurar tad-disponibbiltà ta' kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżijiet fil-każ ta' emerġenza tas-saħħa pubblika, monitoraġġ tal-katina tal-provvista u finanzjament ta' emerġenza.

Fit-tħejjija għall-Kunsill EPSCO, il-presidenza kellha għadd kbir ta' laqgħat dwar l-abbozz ta' liġi fil-livell tekniku u ppreżentat diversi proposti ta' kompromess. Fl-iskambju ta' fehmiet tagħhom, ħafna ministri rreferew għat-tagħlimiet mill-pandemija li għaddejja bħalissa u l-ħtieġa li jkun hemm rispons rapidu u kollettiv biex jitħarsu ċ-ċittadini tal-UE. L-akkwist konġunt tal-vaċċini kontra l-COVID-19 tfaħħar bħala storja ta' suċċess f'dan il-kuntest.

Bil-ħsieb li jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar ir-regolament propost tal-Kunsill, id-delegazzjonijiet enfasizzaw:

  • il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' rispons konġunti fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli kontromiżuri mediċi suffiċjenti, sikuri, effettivi u bi prezzijiet li jintlaħqu, malajr kemm jista' jkun fi kriżi tas-saħħa pubblika
  • l-importanza tal-kooperazzjoni ma' awtoritajiet barra mill-UE bħala rispons ta' suċċess għat-theddid għas-saħħa ma tistax tkun limitata għall-azzjoni tal-UE
  • ir-rwol tal-awtonomija tal-UE fl-akkwist ta' kontromiżuri mediċi u l-involviment ta' faċilitajiet ta' produzzjoni, għarfien u riżorsi minn madwar l-UE
  • rwol xieraq għall-istati membri fil-governanza tal-HERA u r-rilevanza li jkun hemm strutturi fattibbli

Affarijiet oħra

Minbarra l-aġġornamenti tagħha dwar il-konklużjoni tan-negozjati tal-mandati estiżi tal-EMA u tal-ECDC, il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali ta' regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u dwar apparat mediku dijanjostiku in vitro.

Il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri wkoll dwar rapport fuq l-implimentazzjoni ta' regolament li jikkonċerna l-prodotti bijoċidali u l-istrateġija farmaċewtika għall-Ewropa. Kemm il-presidenza kif ukoll il-Kummissjoni aġġornaw lid-delegati dwar il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, dwar is-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji u dwar id-disa' sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.

Id-delegazzjoni Franċiża tat tagħrif dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025