"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 14 ta' Marzu 2022

Riżultati ewlenin

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju maqbula fil-livell Ewropew għall-akkoljenza tar-refuġjati.

Il-Kunsill adotta wkoll approċċ ġenerali dwar abbozz ta' direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi. Il-ministri approvaw ukoll konklużjonijiet dwar rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-qgħad fit-tul, adottaw ir-rapport konġunt dwar l-impjiegi 2022 u approvaw il-konklużjonijiet dwar l-istrateġija annwali għat-tkabbir sostenibbli u r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2022.

Il-ministri ħadu sehem f'żewġ dibattiti ta' orjentazzjoni bil-għan li jikkontribwixxu għar-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ tal-Unjoni fil-qasam tal-impjiegi, minn naħa waħda, dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjiegi u dwar il-promozzjoni tad-diversità fid-dinja tax-xogħol, u, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni sħiħa ta' persuni akbar fl-età fis-suq tax-xogħol.

Ukrajna

Il-persuni spostati minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna għandhom jingħataw assistenza ta' akkoljenza kif ukoll ta' appoġġ, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-akkomodazzjoni, kif ukoll assistenza soċjali, b'attenzjoni partikolari għat-tfal u l-persuni b'diżabilità. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-inizjattiva tagħha tat-8 ta' Marzu 2022. Din l-inizjattiva, imsejħa CARE, għandha l-għan li ġġedded il-flessibbiltajiet u r-riallokazzjonijiet baġitarji introdotti fil-fondi soċjali Ewropej fl-2020 biex tiġi ffinanzjata din l-assistenza għar-refuġjati.

Il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi

Peress li n-nisa jirrappreżentaw biss 30.6 % tal-membri tal-bordijiet u 8.5 % tal-presidenti tal-bordijiet fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill qed jagħmel progress lejn leġiżlazzjoni tal-UE li ttejjeb il-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel f'dawn il-korpi. Fil-laqgħa tagħhom fi Brussell, il-ministri qablu dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar dan l-abbozz ta' direttiva, u wittew it-triq għal negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' qbil finali dwar it-test.

Id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi mira kwantitattiva għas-sess l-anqas irrappreżentat fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati. Meta kumpanija ma tilħaqx l-objettivi stabbiliti, ser tkun meħtieġa tagħmel ħatriet jew elezzjonijiet għad-diretturi billi tapplika kriterji ċari, ifformulati f'termini newtrali u mhux ambigwi.

Elisabeth Borne, Ministru għax-Xogħol, l-Impjiegi u l-Inklużjoni ta' Franza
Il-ftehim tal-lum fil-Kunsill huwa pass importanti 'l quddiem. Nappella biex jibdew malajr in-negozjati mal-Parlament Ewropew sabiex tintlaħaq adozzjoni finali ta' din id-direttiva li permezz tagħha jkun jista' jiġi indirizzat is-saqaf tal-ħġieġ li n-nisa ta' spiss wisq għadhom jiffaċċjaw fid-dinja tax-xogħol.
Elisabeth Borne, Ministru għax-Xogħol, l-Impjiegi u l-Inklużjoni ta' Franza
Elisabeth Borne, Ministru għax-Xogħol, l-Impjiegi u l-Inklużjoni ta' Franza

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ u l-promozzjoni tad-diversità fid-dinja tax-xogħol

Minkejja l-korp vast ta' regoli Ewropej biex jiġi żgurat it-trattament ugwali, aktar minn 50 % taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li d-diskriminazzjoni tippersisti f'pajjiżhom. Id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol hija dovuta b'mod partikolari għal sterjotipi persistenti, għarfien insuffiċjenti fost l-impjegaturi u l-ħaddiema dwar l-obbligi u d-drittijiet tagħhom, u implimentazzjoni insuffiċjenti ta' miżuri kontra d-diskriminazzjoni. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar dan is-suġġett u eżaminaw b'mod partikolari azzjonijiet oħra li jistgħu jkunu meħtieġa fil-livell tal-Unjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi. Barra minn hekk, huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar ir-rwol u l-mezzi li għandhom jiġu allokati lill-awtoritajiet nazzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni.

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa ta' persuni akbar fl-età fis-suq tax-xogħol

Filwaqt li r-rata ta' impjieg tal-persuni ta' bejn il-55 u l-64 sena hija biss ta' 59.6 % (skont id-data tal-Eurostat) il-ministri ddiskutew x'miżuri tista' tieħu l-UE biex tistimola l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u t-taħriġ, kif ukoll kif jistgħu jiġu adattati l-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom sabiex ikun aktar faċli għalihom li jibqgħu jaħdmu.

Il-Presidenza fakkret li kultura ta' tagħlim tul il-ħajja u l-investiment fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma żewġ fatturi ewlenin biex in-nies jibqgħu jaħdmu. F'dan ir-rigward, il-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-perjodu 2021-2027 jenfasizza l-ħtieġa li l-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati sabiex tiġi evitata l-esklużjoni professjonali.

Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar miżuri meħuda mill-2014 mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul. Ir-rapport jikkonkludi li l-miżuri tal-FSE mhux dejjem ġew adattati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni qiegħda fit-tul. Il-konklużjonijiet, fost punti oħra, jappellaw lill-istati membri biex jipprovdu valutazzjonijiet u gwida individwali dettaljati lil dawk li qed ifittxu impjieg bl-użu tar-riżorsi kollha disponibbli, inkluż programmi ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali, bil-għan li jgħinu fit-tneħħija tal-ostakli soċjali u psikoloġiċi għar-ritorn lura x-xogħol.

Semestru Ewropew

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2022, il-Kunsill adotta r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2022 u approva konklużjonijiet dwar l-istħarriġ annwali għat-tkabbir sostenibbli u r-rapport konġunt dwar l-impjiegi għall-2022. Fil-konklużjonijiet tagħhom, il-ministri jappellaw lill-istati membri biex iqisu l-prijoritajiet tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir sostenibbli u r-rapport konġunt dwar l-impjiegi u biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Affarijiet oħra

Il-presidenza u l-Kummissjoni infurmaw lid-delegazzjonijiet dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li jmiss.

Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-ministri dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu, ir-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-komunikazzjoni reċenti tagħha bit-titlu "pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà", il-garanzija Ewropea għat-tfal u l-miri nazzjonali għall-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar taħt il-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-presidenti tal-Kumitat tal-Impjiegi u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ppreżentaw il-programmi ta' ħidma tal-kumitat tagħhom għall-2022.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025