Skip to content
  • Kunsill Ewropew

Kunsill Ewropew Straordinarju, 17 u 18 ta' April 2024

Riżultati prinċipali

Matul summit ta' jumejn, il-mexxejja tal-UE adottaw konklużjonijiet dwar l-Ukrajna, it-Turkija, il-Lvant Nofsani u patt ġdid dwar il-kompetittività Ewropea.

Appoġġ għall-Ukrajna

Filwaqt li fakkar fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew tenna l-appoġġ sod u sħiħ tiegħu għall-Ukrajna, il-poplu u l-indipendenza tagħha, kif ukoll għas-sovranità u l-integrità territorjali tagħha fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha.

F'dan ir-rigward, il-mexxejja tal-UE:

  • ikkundannaw bil-qawwa l-attakki kontinwi tar-Russja bl-ajru u bil-missili kontra l-popolazzjoni ċivili u l-infrastruttura kritika Ukrena, inkluż l-immirar tas-settur tal-enerġija
  • issottolinjaw il-ħtieġa li tiġi pprovduta b'mod urġenti difiża tal-ajru lill-Ukrajna u li jitħaffef u jiġi intensifikat it-twassil ta' assistenza militari, inkluż munizzjon tal-artillerija u missili

L-UE u l-istati membri tagħha ser jintensifikaw l-għoti ta' assistenza umanitarja u tal-protezzjoni ċivili, inkluż tagħmir bħal ġeneraturi tal-enerġija u transformers tal-elettriku.

L-appoġġ militari ser jingħata b'rispett sħiħ tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti stati membri u filwaqt li jitqiesu l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-istati membri kollha.

Il-mexxejja tal-UE laqgħu wkoll il-progress li sar fil-proposti biex id-dħul imprevist mill-assi ffriżati tar-Russja jiġi dirett għall-benefiċċju tal-Ukrajna u appellaw għall-adozzjoni rapida ta' dawn il-proposti.

Id iżżomm ġirasol. Simbolu ta' tama.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna (Infografika)

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna (Infografika)

Il-Lvant Nofsani

Iran/Iżrael

Il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa u b'mod inekwivoku l-attakk tal-Iran fuq Iżrael u tenna s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu ta' Iżrael u l-impenn tiegħu għas-sigurtà ta' Iżrael u għall-istabbiltà tar-reġjun.

F'dan il-kuntest, il-mexxejja tal-UE:

  • appellaw lill-Iran u lill-aġenti tiegħu biex iwaqqfu kompletament l-attakki kollha
  • ħeġġu lill-partijiet kollha biex jeżerċitaw l-akbar trażżin u jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' żżid it-tensjoni fir-reġjun

L-UE ser tieħu aktar miżuri restrittivi kontra l-Iran, b'mod partikolari fir-rigward tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (droni) u l-missili.

L-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjoni u għas-sigurtà fir-reġjun.

Gaża

Il-mexxejja tal-UE tennew l-impenn tal-UE li taħdem mas-sħab biex tintemm il-kriżi f'Gaża mingħajr dewmien u biex tiġi implimentata r-riżoluzzjoni 2728 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tinkludi:

  • l-ilħuq ta' waqfien mill-ġlied immedjat
  • ir-rilaxx tal-ostaġġi kollha mingħajr kundizzjonijiet
  • l-għoti ta' għajnuna umanitarja sħiħa, rapida, sikura u mingħajr xkiel lill-Palestinjani fil-bżonn

L-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati.

Libanu

L-UE hija lesta taħdem mas-sħab kollha biex tiġi evitata l-eskalazzjoni ulterjuri tat-tensjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fil-Libanu.

F'dan il-kuntest, il-mexxejja:

  • fakkru fl-appoġġ qawwi tal-UE għal-Libanu u għall-poplu Libaniż
  • irrikonoxxew iċ-ċirkostanzi diffiċli li għaddej minnhom il-Libanu
  • ikkonfermaw id-determinazzjoni tal-UE li tappoġġa l-aktar persuni vulnerabbli fil-Libanu u li tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin

Huma appellaw ukoll lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tappella għall-waqfien sħiħ tal-ostilitajiet, l-iskjerament tal-forzi Libaniżi fin-Nofsinhar tal-Libanu, l-irtirar tal-forzi Iżraeljani u d-diżarm tal-gruppi armati.

L-UE tibqa' impenjata għall-istabbiltà tal-Libanu billi, fost approċċi oħrajn, tappoġġa riformi li tant huma meħtieġa, u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-Forzi Armati Libaniżi.

Sirja

Fid-dawl tat-tmien Konferenza ta' Brussell dwar is-Sirja li jmiss, il-mexxejja tal-UE stiednu lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jirrieżaminaw u jsaħħu l-effettività tal-assistenza tal-UE lir-refuġjati Sirjani u lill-persuni spostati fis-Sirja u fir-reġjun usa'.

Huma appellaw ukoll lid-donaturi kollha biex iżommu jew iżidu l-livell ta' assistenza tagħhom.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija

Il-mexxejja tal-UE kellhom dibattitu strateġiku dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, fid-dawl tar-rapport mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali.

L-UE għandha interess strateġiku f'ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran u fl-iżvilupp ta' relazzjoni ta' kooperazzjoni u ta' benefiċċju reċiproku mat-Turkija. F'dan il-kuntest, il-mexxejja tal-UE inkarigaw lill-ambaxxaturi tal-istati membri, filwaqt li rrispettaw il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet rilevanti, biex javvanzaw il-ħidma fuq ir-rapport dwar is-sitwazzjoni attwali u saħqu li l-impenn kostruttiv tat-Turkija stess ser ikun strumentali għall-avvanz tal-oqsma ta' kooperazzjoni.

Biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, il-mexxejja tal-UE ssottolinjaw l-importanza li jerġgħu jibdew it-taħditiet ta' riżoluzzjoni rigward Ċipru u jsir progress fihom. Filwaqt li fakkar fil-konklużjonijiet preċedenti, il-Kunsill Ewropew:

  • esprima l-impenn sħiħ tiegħu għas-soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, fi ħdan il-qafas tan-NU u f'konformità mal-valuri tal-UE
  • laqa' l-ħatra ta' María Angela Holguín Cuéllar bħala l-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal Ċipru

Patt ġdid dwar il-kompetittività Ewropea

Fid-dawl ta' realtà ġeopolitika ġdida u sfidi dejjem aktar kumplessi, l-UE hija impenjata li taġixxi b'mod deċiżiv biex tiżgura l-kompetittività fit-tul, il-prosperità u t-tmexxija tagħha fix-xena globali u biex issaħħaħ is-sovranità strateġika tagħha.

Il-mexxejja tal-UE ssottolinjaw li huma ser jiżguraw approċċ integrat fl-oqsma kollha ta' politika biex:

  • jiżdiedu l-produttività u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv
  • tinbena ekonomija robusta, innovattiva u reżiljenti
  • isir progress fil-mudell soċjali u ekonomiku uniku tal-Ewropa biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tal-UE u lin-newtralità klimatika

Biex jinkiseb dan, il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa għal patt ġdid dwar il-kompetittività, ankrat f'suq uniku integrat bis-sħiħ. F'dan il-kuntest, l-investimenti u l-aċċess għall-kapital huma ta' importanza ewlenija, bħalma hija l-ħtieġa li l-UE tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tagħha f'setturi bħall-enerġija, il-materja prima kritika, is-semikondutturi, is-saħħa, id-dinja diġitali, l-ikel, it-teknoloġiji kritiċi, il-kimika, il-bijoteknoloġija u l-ispazju.

Biex jiġi implimentat il-patt, il-mexxejja tal-UE appellaw għal progress rapidu f'sett ta' xpruni ewlenin tal-kompetittività.

Suq Uniku

Biex japprofondixxu s-suq uniku tal-UE, il-mexxejja tal-UE appellaw għal:

  • it-tneħħija tal-ostakli li fadal u l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tar-regoli tal-moviment liberu
  • titjib fil-forniment transfruntier ta' servizzi, b'mod partikolari servizzi orizzontali u ekonomikament sinifikanti, u oġġetti essenzjali bħall-mediċini, filwaqt li tiġi indirizzata t-trasparenza fil-ktajjen tal-provvista
  • konnessjonijiet tat-trasport u mobbiltà mtejba
  • it-tneħħija ta' prattiki inġusti, bħal oġġetti tal-ikel ta' kwalità doppja
  • l-iżvilupp ta' strateġija ġdida għal suq uniku modernizzat sa Ġunju 2025, li tindirizza l-isfidi tal-kompetittività għan-negozji ta' kull daqs, b'enfasi speċifika fuq l-SMEs u n-negozji ġodda

Il-mexxejja laqgħu wkoll il-preżentazzjoni tar-rapport ta' livell għoli intitolat "Much more than a market" minn Enrico Letta, President tal-Istitut Jacques Delors, u talbu lill-presidenza attwali u dik futura tal-Kunsill biex jagħmlu progress fir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport sal-aħħar tas-sena.

Unjoni tas-Swieq Kapitali

Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li l-Kunsill u l-Kummissjoni jagħmlu progress rapidu fuq il-miżuri kollha identifikati bħala meħtieġa biex jinħolqu swieq kapitali Ewropej verament integrati.

Huma pproponew:

  • l-armonizzazzjoni tal-aspetti rilevanti tal-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza korporattiva
  • it-trawwim tal-investimenti permezz ta' konverġenza mmirata tas-sistemi korporattivi
  • it-tnedija mill-ġdid tas-suq Ewropew tat-titolizzazzjoni
  • it-titjib tal-konverġenza u l-effiċjenza tas-superviżjoni tas-swieq kapitali madwar l-UE kollha
  • it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti f'ekwitajiet
  • it-titjib tal-għażliet ta' finanzjament u ta' ħruġ għan-negozji Ewropej li qed jespandu
  • l-introduzzjoni ta' investiment transfruntier sempliċi u effettiv u prodott tat-tfaddil għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, u l-ħidma biex jiġu żviluppati prodotti tal-pensjonijiet u tat-tfaddil fit-tul
  • it-tisħiħ tal-litteriżmu finanzjarju taċ-ċittadini
  • ir-rieżami u s-simplifikazzjoni tal-qafas ta' regolamentazzjoni biex titnaqqas il-burokrazija

Il-mexxejja stiednu lill-Kummissjoni tivvaluta u taħdem fuq il-kundizzjonijiet biex l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikunu jistgħu jissorveljaw b'mod effettiv l-atturi transfruntieri rilevanti l-aktar sistemiċi għas-swieq kapitali u finanzjarji.

Fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew ser jirrieżamina l-progress u jiddiskuti l-passi addizzjonali biex tiġi approfondita l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Industrija

Il-mexxejja tal-UE appellaw għal politika industrijali effettiva tal-UE li:

  • tiddekarbonizza l-industriji b'mod kompetittiv
  • tiżviluppa vantaġġ kompetittiv fit-teknoloġiji diġitali u nodfa
  • tiddiversifika u tiżgura l-ktajjen tal-provvista strateġiċi
  • issaħħaħ il-bażi tad-difiża, teknoloġika u industrijali tal-Ewropa

Riċerka u innovazzjoni

Il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa li jitrawwem ambjent aktar favorevoli għall-innovazzjoni bbażat fuq xjenza eċċellenti biex il-prodotti innovattivi jinġiebu fis-suq aktar malajr u fuq skala kbira, filwaqt li jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp biex tintlaħaq il-mira tan-nefqa ta' 3 % tal-PDG.

Enerġija

Il-mexxejja tal-UE enfasizzaw li biex tinkiseb Unjoni tal-Enerġija ġenwina, huwa kruċjali li tiġi żgurata enerġija abbundanti, affordabbli u nadifa, li taqdi l-objettiv doppju li jitfittxu s-sovranità enerġetika u n-newtralità klimatika Ewropea.

Dan ser jirrikjedi bidla ambizzjuża għall-enerġija elettrika li tuża:

  • is-soluzzjonijiet kollha b'emissjonijiet żero netti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju
  • flessibbiltà
  • investiment sostanzjali fi grilji, ħżin u interkonnessjonijiet u l-installazzjoni tagħhom
Illustrazzjoni li turi turbina eolika, dar bil-pannelli solari u ajruplan, kull wieħed ittikkettat b'elementi kimiċi bħall-boron, il-gallju, il-manjeżju u l-iskandju.
Att dwar il-materja prima kritika (Infografika)

Att dwar il-materja prima kritika (Infografika)

Ekonomija ċirkolari

Il-mexxejja appellaw għal żieda fiċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fir-riżorsi u għal passi biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bijoekonomija. Dan jista' jgħin biex jitnaqqsu d-dipendenzi fir-riżorsi primarji, speċjalment fir-rigward tal-materja prima kritika.

Trasformazzjoni diġitali

Biex jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali, il-mexxejja appellaw għal:

  • investimenti fl-infrastruttura diġitali bħall-5G u s-6G
  • it-tneħħija tal-ostakli għall-attivitajiet transfruntiera fis-settur tan-networks mobbli
  • l-iżvilupp ulterjuri ta' teknoloġiji diġitali trasformattivi bħall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-computing kwantistiku

Huma talbu wkoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex iħejju komunikazzjoni konġunta dwar kif tista' tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE fl-affarijiet diġitali globali.

Politiki soċjali

Biex jitrawmu impjiegi ta' kwalità għolja madwar l-Ewropa, il-mexxejja ssottolinjaw l-importanza li tiżdied il-ħidma fuq:

  • il-kisba tal-miri tal-impjiegi għall-2030
  • it-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja
  • l-indirizzartad-diskrepanzi fil-ħiliet u fil-forza tax-xogħol
  • l-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs

Kummerċ

Il-mexxejja appellaw għal politika kummerċjali ambizzjuża u sostenibbli li:

  • tappoġġa r-rwol ċentrali tad-WTO fis-sistema multilaterali
  • tiftaħ is-swieq ta' pajjiżi terzi għall-kumpaniji tal-UE
  • tiddefendi l-interessi tal-UE
  • tippermetti l-iżvilupp ta' ktajjen tal-provvista reżiljenti u affidabbli
  • tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni
  • toħloq opportunitajiet reċiproċi ta' aċċess għas-suq

Qafas regolatorju

Il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa għal qafas regolatorju li jiżgura ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali, li jkun koerenti fl-oqsma ta' politika kollha u miftuħ għal approċċi innovattivi, filwaqt li jnaqqas ukoll il-piż amministrattiv għall-kumpaniji.

Huma enfasizzaw l-importanza ta':

  • simplifikazzjoni tal-obbligi ta' rappurtar u tad-data
  • it-tkomplija tal-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas ir-rappurtar b'25 %
  • simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' permessi u liċenzji

Għal dan il-għan, il-mexxejja talbu lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt u kontrolli tal-kompetittività bir-reqqa.

Settur agrikolu

Settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel u l-awtonomija strateġika tal-UE. Il-bdiewa jeħtieġu qafas stabbli u prevedibbli biex jgħinhom jindirizzaw l-isfidi ambjentali u klimatiċi.

F'konformità mal-konklużjonijiet preċedenti tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew appella għall-adozzjoni rapida tal-emenda għar-regolament tal-PAK u ħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-ħidma tagħhom fuq:

  • l-implimentazzjoni ta' miżuri fuq terminu qasir u medju biex jitnaqqas il-piż amministrattiv
  • it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel
  • l-iżgurar ta' kompetizzjoni bbażata fuq ir-regoli u ġusta fil-livell dinji u fis-suq intern
  • l-estensjoni proposta tal-qafas temporanju dwar l-għajnuna mill-Istat u l-possibbiltà li jiżdied il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis għall-agrikoltura
  • l-impożizzjoni ta' aktar tariffi fuq importazzjoni fl-UE ta' prodotti agrikoli Russi u Belarussi, filwaqt li jitqies l-impatt fuq is-suq uniku u jiġi żgurat li t-tranżitu ta' tali oġġetti lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqa' mhux affettwat

Diżinformazzjoni u manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin

Hekk kif qed joqorbu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew mis-6 sad-9 ta' Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew issottolinja d-determinazzjoni tal-UE u tal-istati membri tagħha li jsegwu mill-qrib u jrażżnu kwalunkwe riskju li jirriżulta minn:

  • diżinformazzjoni, inkluż permezz tal-intelliġenza artifiċjali
  • manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin
  • indħil fil-proċessi elettorali

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ewropew

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025