"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Turkija

It-Turkija ngħatat status ta' kandidat f'Diċembru 1999 u bdiet in-negozjati tal-adeżjoni f'Ottubru 2005. Dawn in-negozjati ilhom wieqfa minn Ġunju 2018. L-UE u t-Turkija jikkooperaw f'oqsma ta' interess konġunt.

It-Turkija u l-UE

Applikazzjoni għas-sħubija fl-UE

Fl-1987, it-Turkija applikat biex tingħaqad mal-Komunità Ekonomika Ewropea, kif kienet tissejjaħ dan iż-żmien.

Fil-laqgħa tiegħu f'Ħelsinki f'Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' kandidat lit-Turkija.

Negozjati tal-adeżjoni

Fil-laqgħa tiegħu fis-16 u s-17 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li t-Turkija ssodisfat b'mod suffiċjenti l-kriterji biex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni.

Il-Kunsill qabel dwar qafas għan-negozjati mat-Turkija fit-3 ta' Ottubru 2005. Fl-istess jum, tnedew in-negozjati f'konferenza intergovernattiva bejn l-UE u t-Turkija.

Fi Frar 2008, il-Kunsill adotta verżjoni riveduta tas-sħubija għall-adeżjoni mat-Turkija. Din tagħti bażi biex tgħin lit-Turkija tħejji għas-sħubija eventwali mal-UE billi tiddeskrivi l-oqsma ta' prijorità ewlenin u sservi ta' kejl tal-progress fir-riformi.

F'Ġunju 2018, il-Kunsill innota għall-ewwel darba li t-Turkija kienet qed titbiegħed mill-UE u li għaldaqstant in-negozjati għall-adeżjoni tat-Turkija kienu effettivament wieqfa għal kollox u ma jista' jitqies ebda kapitolu ieħor għall-ftuħ jew għall-għeluq.

Laqgħat tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni

In-negozjati tal-adeżjoni jsiru f'konferenzi intergovernattivi (imsejħa wkoll "konferenzi dwar l-adeżjoni") bejn il-ministri u l-ambaxxaturi tal-istati membri tal-UE u l-pajjiż kandidat. In-negozjati jkopru l-korp ta' drittijiet u liġi komuni (l-"acquis tal-UE") u huma maqsuma f'kapitoli differenti, jew ġabriet ta' kapitoli, li jkopru oqsma ta' politika differenti. Il-konferenzi dwar l-adeżjoni jistgħu jsiru jew fil-livell ministerjali jew tad-deputati.

Qabel il-waqfien li hemm bħalissa fin-negozjati għall-adeżjoni, l-UE u t-Turkija kellhom 12-il laqgħa bħal dawn. Fl-aħħar laqgħa, li saret fit-30 ta' Ġunju 2016, il-konferenza fetħet negozjati dwar il-kapitolu 33, li jittratta d-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. Fl-2006, il-Kunsill kien ikkonkluda li tmien kapitoli rilevanti għar-restrizzjonijiet tat-Turkija fir-rigward ta' Ċipru ma kinux ser jinfetħu u l-ebda kapitolu ieħor ma kien ser jingħalaq proviżorjament sakemm it-Turkija ma tkunx issodisfat l-impenji tagħha relatati mal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (il-"Ftehim ta' Ankara").

Bħala parti min-negozjati tal-adeżjoni kienu nfetħu 16-il kapitolu u wieħed minnhom kien ingħalaq proviżorjament.

Rieżami annwali tal-progress

Kull sena, il-Kunsill jevalwa l-progress li jkun sar f'kull wieħed mill-kandidati u s-sħab tal-UE, inkluż it-Turkija, fil-perkors Ewropew tagħhom.

Fis-16 ta' Diċembru 2025, il-presidenza Daniża tal-Kunsill ħarġet konklużjonijiet li kienu appoġġati politikament minn 26 stat membru tal-UE.

Kooperazzjoni politika

L-UE u t-Turkija għandhom Ftehim ta' Assoċjazzjoni, magħruf ukoll bħala l-ftehim ta' Ankara, li jmur lura għall-1963. Il-ftehim għandu l-għan li japprofondixxi r-rabtiet politiċi u l-integrazzjoni ekonomika. Għar-rieżami tar-relazzjonijiet bilaterali, hemm kunsill ta' assoċjazzjoni li ltaqa' l-aħħar f'Marzu 2019.

Filwaqt li r-relazzjoni ġenerali bejn l-UE u t-Turkija hija definita mill-istatus ta' kandidat tal-UE tat-Turkija, in-negozjati tal-adeżjoni bħalissa jinsabu wieqfa. L-UE appellat lit-Turkija biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-qafas ta' negozjar u biex timplimenta l-protokoll addizzjonali għall-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-istati membri kollha tal-UE.

F'konformità mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill Ewropew, b'mod partikolari minn Marzu u Ġunju 2021, l-UE lesta li tinvolvi ruħha mat-Turkija b'mod gradwali, proporzjonat u riversibbli biex issaħħaħ il-kooperazzjoni f'oqsma ta' interess komuni bħal:

  • il-migrazzjoni
  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu
  • is-saħħa pubblika
  • il-klima
  • kwistjonijiet reġjonali

Għal dan il-għan, l-UE u t-Turkija kellhom djalogi ta' livell għoli, laqgħat tal-mexxejja u summits bilaterali biex jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet.

F'Ġunju 2023, il-Kunsill Ewropew stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw l-istat tar-relazzjoni. F'Novembru 2023, huma ppubblikaw komunikazzjoni li fiha ddeskrivew fil-qosor is-sitwazzjoni attwali f'oqsma ewlenin bħall-politika, l-istabbiltà reġjonali, il-politika barranija, l-ekonomija, il-kummerċ u l-migrazzjoni. Huma ħarġu wkoll rakkomandazzjonijiet immirati biex javvanzaw ir-relazzjoni. Bħala segwitu, f'April 2024 il-mexxejja tal-UE inkarigaw lill-ambaxxaturi tal-istati membri biex javvanzaw il-ħidma fuq il-komunikazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet.

Ekonomija u l-kummerċ

Permezz tal-ftehim ta' assoċjazzjoni, l-UE u t-Turkija espandew ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' unjoni doganali li daħlet fis-seħħ fl-1996.

L-Unjoni doganali tkopri l-prodotti industrijali kollha filwaqt li ftehimiet kummerċjali speċjali japplikaw għall-prodotti agrikoli, tal-faħam u tal-azzar. Il-Kunsill appella lit-Turkija biex tindirizza l-obbligi tagħha li timplimenta bis-sħiħ l-unjoni doganali. Dan jinkludi t-tneħħija ta' ostakli għall-kummerċ jew irritanti kummerċjali ekwivalenti li ma jkunux konformi ma' dawn l-obbligi, u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tagħhom għall-istati membri kollha tal-UE.

L-UE hija bil-bosta l-akbar sieħba kummerċjali tat-Turkija. Fl-2025, il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-UE u t-Turkija kellu valur ta' aktar minn €217-il biljun. It-Turkija kienet il-ħames l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE, u kienet tirrappreżenta 4.2% tal-kummerċ ta' merkanzija tal-UE, filwaqt li l-UE kienet tirrappreżenta aktar minn 36% tal-kummerċ totali tat-Turkija.

It-Turkija hija eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-UE permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+).

Collage li jikkonsisti f'elementi tal-bnadar tal-UE u tat-Turkija.

Kummerċ UE-Turkija: fatti u ċifri (Infografika)

Mediterran tal-Lvant stabbli

L-UE għandha interess strateġiku f'ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran u sikwit appellat lit-Turkija biex tnaqqas it-tensjonijiet fiż-żona, tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati membri kollha tal-UE u tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien b'mod sostenibbli.

Wara l-iskoperta ta' riżervi tal-gass fil-Lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari f'Ċipru, l-UE kkundannat l-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija u appellat lit-Turkija biex tirrispetta s-sovranità tal-istati membri kollha tal-UE, inkluż ir-rispett tal-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom. Fil-11 ta' Novembru 2019, il-Kunsill adotta reġim ta' sanzjonijiet fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran. Dan ġie estiż l-aħħar sat-30 ta' Novembru 2026.

L-UE hija impenjata bis-sħiħ għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru fil-qafas tan-NU u biex jerġgħu jibdew in-negozjati.

Migrazzjoni

It-Turkija qed tospita kważi 4 miljun refuġjat u ilha l-akbar pajjiż li jospita r-refuġjati fid-dinja għal dawn l-aħħar disa' snin, wara influss bla preċedent ta' persuni li qed ifittxu rifuġju mill-gwerra ċivili fis-Sirja. F'dikjarazzjoni konġunta minn Marzu 2016, il-mexxejja tal-UE u tat-Turkija qablu li jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari tul ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran u li jkissru l-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin.

L-UE hija impenjata li ssegwi d-dikjarazzjoni u identifikat il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri, il-prevenzjoni ta' wasliet irregolari u l-issoktar ta' ritorni f'konformità mad-dritt internazzjonali u dak tal-UE bħala prijoritajiet.

Mill-2011, l-UE allokat kważi €12.4-il biljun biex tappoġġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Dan jinkludi €6 biljun mobilizzati permezz tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u t-tkomplija tal-appoġġ permezz ta' finanzjament addizzjonali għall-2021-2027.

Liberalizzazzjoni tal-viża

L-UE u t-Turkija nedew djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2013. Id-djalogu jistabbilixxi pjan direzzjonali lejn reġim mingħajr viża, inkluż 72 punt ta' riferiment li t-Turkija teħtieġ tissodisfa. S'issa, il-proċess għadu ma ġiex konkluż.

Terremot fit-Turkija u s-Sirja

Wara t-terremoti devastanti li laqtu lit-Turkija u s-Sirja fi Frar 2023, l-UE attivat il-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili biex tipprovdi appoġġ, inkluż timijiet ta' tiftix u salvataġġ u biex twassal unitajiet ta' akkomodazzjoni temporanja.

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Diċembru 2025