Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 13-14/10/2016, 13 u 14 ta' Ottubru 2016

Riżultati ewlenin

Affarijiet Interni

Migrazzjoni

Nhar il-Ħamis, il-Ministri għall-Affarijiet Interni ddiskutew in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri differenti dwar il-migrazzjoni adottati s’issa. Huma taw attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, is-sitwazzjoni fl-Italja u fil-Greċja kif ukoll is-sitwazzjoni attwali tar-rilokazzjoni, ir-risistemazzjoni, u l-appelli mill-aġenziji għall-esperti.

Il-Ministri ħadu nota sew tar-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Presidenza u impenjaw ruħhom b’mod partikolari biex iżidu n-numru ta’ esperti pprovduti mill-Istati Membri lill-aġenziji (speċjalment l-EASO).

“Ħadna l-impenn li nsaħħu l-EASO billi nipprovdu aktar esperti. Madankollu, ninsabu limitati f’termini ta’ profili adegwati ta’ esperti disponibbli, u għalhekk għandna bżonn lill-EASO biex iħarreġ lill-esperti tagħna sabiex inkunu nistgħu nibagħtuhom. Ippermettuli nisħaq li dan m’għandux x’jaqsam ma’ nuqqas ta’ rieda politika, iżda ma’ nuqqas ta’ kapaċità. Lesti li nfittxu modi biex intejbu din is-sitwazzjoni.”

Robert Kaliňák, Ministru għall-Intern tas-Slovakkja u President tal-Kunsill

Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

Il-Ministri approvaw l-approċċ fuq tliet binarji ssuġġerit mill-Presidenza għall-eżami tal-pakkett ta’ riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) matul il-mandat tagħha, li:

  • jiffukaw fuq l-eżami tar-Regolament Eurodac u fuq ir-Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil bl-għan li tintlaħaq pożizzjoni ta’ negozjar fil-Kunsill f’Diċembru;
  • ikollhom diskussjonijiet, b'mod parallel, dwar ir-Regolament ta' Dublin u r-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Asil, id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza u r-Regolament dwar il-Kwalifika;
  • jibdew, simultanjament, l-eżami tekniku tar-regolament li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni.

Rigward ir-regolament Eurodac, il-Ministri kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għal aċċess aktar ġenerali u simplifikat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-bażi tad-data. Rigward l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil, xi delegazzjonijiet qablu li l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ għall-Aġenzija futura jista' jkun simili għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Il-Ministri kellhom ukoll dibattitu dwar ir-regolament tal-Qafas tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni u inkarigaw lill-uffiċjali biex jissoktaw bl-eżami ta’ din il-proposta.

Miżuri tat-Teknoloġija tal-Informatika (IT) relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri

Il-Kunsill ħa nota tal-progress li sar fuq diversi fajls rigward miżuri tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri. Il-Ministri kellhom l-opportunità li jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-użu ta’ tali miżuri u qablu dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ koerenti.

Ġustizzja

Nhar il-Ġimgħa, il-Ministri tal-Ġustizzja ddiskutew żewġ proposti leġislattivi relatati ma’ xulxin mill-qrib: il-ħolqien ta’ prosekutur pubbliku Ewropew u d-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Iż-żewġ testi għandhom l-għan li jiġġieldu b’mod aktar effettiv, permezz tal-liġi kriminali, il-każijiet ta’ frodi tal-baġit tal-Unjoni.

Il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (id-Direttiva "PIF")

“Il-maġġoranza tal-Istati Membri huma favur il-prosekuzzjoni transfruntiera ta’ frodi serja tal-VAT fil-livell tal-UE, fuq il-bażi tad-direttiva PIF. Il-Presidenza issa tinsab lesta biex issarraf ir-riżultati tal-lum f’aktar ħidma teknika.”

Lucia Žitňanská, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovakkja u President tal-Kunsill

L-għan tal-Presidenza Slovakka huwa li jerġa’ jkun hemm negozjati tat-trilogu mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil finali.

L-għan ta’ din id-direttiva huwa li tagħmel iktar effettiv l-infurzar tal-liġi kriminali f’każijiet li jinvolvu l-baġit tal-UE b’tali mod li tkun ta’ deterrent għall-frodulenti, jittejbu l-prosekuzzjoni u s-sanzjonar tar-reati kontra l-baġit tal-UE, u jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ fondi tal-UE użati ħażin.

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju dwar l-aħħar sett ta’ artikoli tar-regolament li ma kinux ġew konklużi matul il-Presidenzi preċedenti. Dawn l-artikoli li kien fadal jirrigwardaw ir-regoli dwar reviżjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ Stati Membri mhux parteċipanti, u r-relazzjonijiet mal-Eurojust.

Għall-ewwel darba, il-Ministri ddiskutew it-test tar-Regolament dwar l-UPPE fl-intier tiegħu mill-perspettiva ta’ effiċjenza u indipendenza, b’mod partikolari. Skont il-Ministru Žitňanská, id-dibattitu kien “pożittiv”, peress li l-Presidenza kienet irċeviet il-mandat politiku biex tissokta bin-negozjati bl-għan li jintlaħaq qbil definittiv fil-Kunsill ta’ Diċembru.

“L-istabbiliment tal-UPPE ikun jikkostitwixxi żvilupp politiku importanti, peress li dan ikun korp ġdid tal-UE mfassal biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE fil-qasam tal-liġi kriminali.”

Lucia Žitňanská, Ministru għall-Ġustizzja tas-Slovakkja u President tal-Kunsill

Ir-Regolament għandu l-għan li joħloq Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiġġieled b’mod aktar effettiv ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, b’mod partikolari dawk b’dimensjoni transfruntiera.

Streaming dirett, filmati u ritratti

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025