Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 09-10/06/2016, 9 u 10 ta' Ġunju 2016

Riżultati ewlenin

Affarijiet Interni - 10 ta’ Ġunju

Armi  

Il-Ministri qablu dwar il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi, li tirrieżamina u tikkompleta d-direttiva 91/477/KEE eżistenti. Fuq il-bażi ta’ dan il-mandat, il-presidenza ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew hekk kif dan tal-aħħar ikun adotta l-pożizzjoni tiegħu.

Id-direttiva riveduta għandha l-għan li tindirizza ċerti dgħufijiet fil-leġislazzjoni eżistenti li ġew identifikati b'mod speċjali wara s-serje ta' attakki terroristiċi li saru fl-Ewropa.

Ard Van Der Steur, il-Ministru għas-Sigurtà u l-Ġustizzja tan-Netherlands u President tal-Kunsill qal: "Wara l-attakki terroristiċi traġiċi f'Pariġi u Brussell il-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni talbu għall-adozzjoni rapida tad-direttiva. B'din id-direttiva l-ġdida l-Presidenza Netherlandiża laħqet bilanċ ġust u ekwu bejn suq intern għall-armi tan-nar permessi minn naħa u t-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE min-naħa l-oħra."

Pjan Direzzjonali għat-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni 

Il-ministri approvaw pjan direzzjonali għat-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni inklużi soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi qafas għal arkitettura aktar integrata tal-informazzjoni tal-UE u azzjonijiet speċifiċi, u prattiċi fuq perijodu qasir u medju kif ukoll orjentazzjonijiet fit-tul biex jittejbu l-ġestjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

L-attakki terroristiċi reċenti f'Pariġi u Brussell, l-inċidenti terroristiċi kontinwi barra mill-UE u l-kriżi li għaddejja tal-migrazzjoni urew l-importanza tal-investiment fil-ġestjoni tal-informazzjoni rapida, effettiva u kwalitattiva u l-iskambju tal-informazzjoni.

Flimkien irnexxielna nżidu l-kontroll fil-flussi migratorji mit-Turkija u l-Greċja. Issa għandna bżonn li nwaqqfu b'mod urġenti l-għarqiet traġiċi fil-Baħar Mediterran. Irridu naġixxu flimkien u rridu naġixxu tul ir-rotta kollha. Dan jinkludi l-indirizzar tal-kawżi primarji tal-migrazzjoni, ir-reġistrazzjoni tal-migranti minflok ma sempliċement jitħallew jidħlu u r-ritorn tal-migranti ekonomiċi lejn pajjiżhom. Klaas Dijkhoff, Ministru għall-Migrazzjoni tan-Netherlands u President tal-Kunsill

Migrazzjoni

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni migratorja attwali u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu u l-flussi migratorji fil-Mediterran Ċentrali.

Il-Ministri rriaffermaw li r-ritorni lejn it-Turkija mill-Greċja għandhom jiżdiedu u li l-assistenza tal-UE permezz tal-Frontex u l-EASO għandha tingħata prijorità fil-kontribut ta' dawk ir-ritorni permezz ta' ammissibbiltà effiċjenti u appoġġ għall-eliġibbiltà. L-istati membri kkonfermaw li l-migranti jistgħu u għandhom jerġgħu lura lejn it-Turkija.

L-istati parteċipanti ġew mistiedna jħaffu r-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani mit-Turkija u jħejju Sistema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja. Huma ġew imħeġġa jħaffu r-rilokazzjoni tal-applikanti għall-asil mill-Greċja u l-Italja, f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Settembru 2015.

Liberalizzazzjoni tal-viża

Il-ministri kellhom dibattitu ġenerali dwar il-politika dwar il-viżi fid-dawl tal-proposti reċenti mill-Kummissjoni relatati mal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-Presidenza ddikjarat li għad m'hemmx biżżejjed appoġġ għall-adozzjoni ta' mandat biex jibdew negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Georgia. Diversi stati membri esprimew li mhumiex sodisfatti b'din is-sitwazzjoni u jittamaw li ser jiġi approvat mandat mill-aktar fis possibbli.

Il-proposti li tressqu bħalissa ser jiġu eżaminati aktar fil-ġimgħat li ġejjin fil-korpi rilevanti tal-Kunsill, fuq approċċ ibbażat fuq il-mertu.

Il-ministri enfasizzaw li r-rekwiżiti tal-viża jistgħu jitneħħew biss meta jintlaħqu l-punti ta' riferiment preċedentement maqbula. Il-Ministri nnutaw li d-deċiżjoni ser tittieħed b'mod strett u ġust abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk intlaħqux il-punti ta' riferiment.

Ġustizzja - 9 ta’ Ġunju

Reġimi ta' proprjetà għall-koppji internazzjonali  

18-il stat membru qablu dwar żewġ regolamenti maħsuba biex jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għar-reġimi ta’ proprjetà għal koppji miżżewġin jew sħab reġistrati f’sitwazzjonijiet transfruntiera (jiġifieri koppji ta’ nazzjonalità differenti tal-UE u/jew sidien ta’ proprjetà fi stat membru ieħor).

Ir-regolamenti għandhom l-għan li jiddeterminaw liema qorti jkollha ġurisdizzjoni għal, u liema liġi tkun tapplika għal kwistjonijiet ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali u l-konsegwenzi għall-proprjetà ta’ sħubijiet reġistrati. Ser jistabbilixxu regoli ċari dwar il-liġi applikabbli f’każ ta’ divorzju jew mewt, iżidu ċ-ċertezza legali u jġibu fi tmiem proċedimenti paralleli u possibbilment konfliġġenti f’diversi stati membri. Barra minn hekk ser jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet transfruntieri.

Il-ministru Netherlandiż Van der Steur, f’isem il-presidenza Netherlandiża, qal: “Il-Presidenza Netherlandiża hija sodisfatta ħafna li l-Kunsill irnexxielu jagħmel progress kbir, malajr ħafna, biex jiżblokka s-sitwazzjoni ta’ dan il-fajl permezz tal-kooperazzjoni msaħħa. Diġà qed jieħdu sehem 18-il stat membru. Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadmu ferm fuq dan il-fajl matul dan is-semestru u nittamaw li, wara l-adozzjoni tal-proposti, stati membri oħra jissieħbu wkoll fil-kooperazzjoni msaħħa.”

Ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju  

Il-ministri tal-ġustizzja adottaw żewġ settijiet ta' konklużjonijiet li jistabbilixxu miżuri konkreti u qafas ta' żmien għal aktar azzjoni biex titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali fiċ-ċiberspazju.

Il-konklużjonijiet b'mod partikolari jistabbilixxu miżuri konkreti għal segwitu futur u azzjoni għas-semplifikazzjoni tal-proċedimenti ta' assistenza legali reċiproka, itejbu l-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi u jniedu proċess ta' riflessjoni dwar il-fatturi konnettivi possibbli għall-infurzar tal-ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju. Il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta riżultati konkreti dwar dawn it-tliet oqsma sa Ġunju 2017.

 L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) 

Il-ministri esprimew appoġġ kunċettwali ġenerali għall-aħħar sett ta' artikoli diskuss fil-livell tal-esperti taħt il-presidenza Netherlandiża. Il-presidenza stiednet lill-esperti jkomplu bin-negozjati, u jieħdu kont tar-riżervi espressi minn xi delegazzjonijiet u jinnutaw li xejn ma jista' jitqies bħala kompletament maqbul qabel ma jintlaħaq ftehim ġenerali dwar it-test.

Dawn l-artikoli jkopru r-regoli dwar is-sistema tal-ġestjoni tal-każijiet u l-protezzjoni tad-data, proċeduri ta' prosekuzzjoni simplifikati, dispożizzjonijiet ġenerali u dispożizzjonijiet finanzjarji u tal-persunal.

Ir-Regolament UPPE għandu l-għan li jgħin fil-ġlieda kontra r-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE bl-introduzzjoni ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew b'kompetenza f'dak il-qasam.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025