Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 13 u 14 ta' Ottubru 2022

Riżultati prinċipali

Ġustizzja (Il-Ħamis 13 ta' Ottubru)

Reazzjonijiet ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-impunità fl-Ukrajna

Il-ministri evalwaw il-ħidma li għaddejja bħalissa dwar ir-risponsi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward ta' reati mwettqa b'rabta mal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dan jinkludi appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra u l-aktar reati serji l-oħra, kif ukoll azzjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tas-sanzjonijiet individwali u ekonomiċi adottati.

Pavel Blažek, Ministru Ċek għall-Ġustizzja
Fl-aħħar ġimgħa rajna attakki aktar orribbli u indiskriminati mir-Russja mmirati lejn iċ-ċittadini Ukreni u l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna. Dawn huma l-aħħar avvenimenti f'lista twila ta' atroċitajiet imwettqa mir-Russja fl-Ukrajna kollha. L-UE tappoġġa bis-sħiħ lill-poplu Ukren u ser taħdem id f'id mal-awtoritajiet Ukreni u mal-komunità internazzjonali biex tressaq lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja.
Pavel Blažek, Ministru Ċek għall-Ġustizzja
Pavel Blažek, Ministru Ċek għall-Ġustizzja

L-awtoritajiet ta' sitt stati membri tal-UE u l-Ukrajna, bl-appoġġ tal-Eurojust, stabbilew skwadra ta' investigazzjoni konġunta jew ingħaqdu magħha aktar tard biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u evidenza, u jappoġġaw investigazzjonijiet kriminali dwar ir-reati mwettqa fl-Ukrajna. Ir-rwol tal-Eurojust issaħħaħ ukoll biex l-aġenzija tkun tista' tippreserva, taħżen u tanalizza evidenza ta' reati tal-gwerra. L-istati membri qed jipprovdu €7 miljun addizzjonali biex jappoġġaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll appoġġ forensiku lill-Ukrajna għall-ġbir tal-evidenza.

Biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tas-sanzjonijiet adottati, il-Kummissjoni Ewropea ħolqot 'task force ''iffriżar u sekwestru''' biex tiffaċilita l-koordinazzjoni. Fl-24 ta' Ottubru, il-Kunsill huwa mistenni jadotta deċiżjoni li testendi l-lista ta' ''reati tal-UE'' biex tinkludi l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-UE. Imbagħad, il-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta proposta biex tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar din il-kwistjoni.

Taħriġ ġudizzjarju

Il-ministri għall-ġustizzja qasmu l-fehmiet tagħhom dwar it-taħriġ ġudizzjarju u l-impatt tiegħu fuq l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-istat tad-dritt. F'dan ir-rigward, ġew enfasizzati l-importanza u r-rwol tat-taħriġ fl-iżgurar ta' kwalità aħjar tal-ġudikatura u fit-tisħiħ ulterjuri tal-indipendenza tagħha.

Il-ministri enfasizzaw l-eżistenza ta' skejjel nazzjonali ta' taħriġ, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-imħallfin fit-taħriġ u l-iskambji Ewropej. Huma ffukaw fuq kif jista' jiġi żgurat livell għoli ta' parteċipazzjoni mill-imħallfin fit-taħriġ kontinwu u kkondividew miżuri nazzjonali eżistenti għall-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ ġudizzjarju u l-valutazzjoni tal-impatt u l-effettività tiegħu.

Il-ministri kkondividew ukoll jekk jeżistux rabtiet fil-livell nazzjonali bejn il-parteċipazzjoni fit-taħriġ ġudizzjarju u l-iżvilupp tal-karriera tal-imħallfin. Huma ddikjaraw li ma esperjenzawx tensjonijiet bejn il-parteċipazzjoni tal-imħallfin fit-taħriġ ġudizzjarju u l-indipendenza tagħhom.

Reati ambjentali

Il-ministri vvalutaw il-progress li sar fid-diskussjonijiet dwar l-abbozz ta' direttiva dwar ir-reati ambjentali. Matul id-diskussjonijiet fi-livell tekniku, l-esperti għamlu progress sostanzjali lejn test leġiżlattiv li jista' jiġi appoġġat minn maġġoranza kwalifikata tal-istati membri. Maġġoranza kbira setgħu jaqblu li l-livelli ta' sanzjonijiet għall-persuni fiżiċi fir-rigward ta' reati serji u inqas serji jiġu stabbiliti għal ħames u tliet snin, rispettivament. Aspetti oħra relatati mas-sanzjonijiet, inkluż il-livell massimu ta' pieni għal persuni ġuridiċi, jibqgħu miftuħa.

Il-Presidenza għandha l-għan li tilħaq approċċ ġenerali globali dwar dan it-test fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta' Diċembru.

Infografika dwar x'inhi l-kriminalità ambjentali u r-riżultati tal-isforzi tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali.
Kif l-UE tiġġieled kontra l-kriminalità ambjentali (Infografika)

Kif l-UE tiġġieled kontra l-kriminalità ambjentali (Infografika)

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-Kummissjoni u l-Kap Prosekutur Ewropew infurmaw lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi rigward il-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). L-UPPE beda l-operazzjonijiet tiegħu f'Ġunju 2021 u fl-ewwel sena tiegħu fetaħ 929 investigazzjoni, ħareġ 28 att tal-akkuża, kiseb 4 kundanni, u ngħata ordnijiet ta' ffriżar għal €259 miljun. Fil-Kunsill, għaddejja ħidma fuq ir-relazzjonijiet tal-UPPE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-proċess biex jinħatru 8 Prosekuturi Ewropej ġodda li ser jissostitwixxu lil dawk li waqfu mill-funzjonijiet tagħhom f'Lulju 2023 ser jitnieda dalwaqt.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kap Prosekutur Ewropew semmew ukoll il-kwistjoni ta' estensjoni possibbli tal-mandat tal-UPPE biex ikopri l-prosekuzzjoni tal-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE. Dan is-suġġett ikun jeħtieġ konsiderazzjoni fil-fond.

Drittijiet fundamentali fi żminijiet ta' kriżi

Waqt l-ikel, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fi żminijiet ta' kriżi, fil-preżenza tad-direttur tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Huma vvalutaw ir-reżiljenza tal-infrastruttura tad-drittijiet tal-bniedem (b'mod partikolari l-istituzzjonijiet nazzjonali, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili) quddiem il-kriżijiet. Huma kkunsidraw ukoll x'passi ulterjuri għandhom jittieħdu biex tiżdied din ir-reżiljenza.

Punti oħra

Taħt affarijiet oħra, il-Presidenza infurmat lill-ministri dwar il-ħidma li għaddejja bħalissa fuq għadd ta' proposti leġiżlattivi u rrapportat dwar is-sessjoni ta' ħidma dwar il-protezzjoni transfruntiera ta' adulti vulnerabbli li saret fl-20 ta' Settembru.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett leġiżlattiv tagħha dwar ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali u r-responsabbiltà għall-prodotti difettużi. Infurmat ukoll lill-ministri dwar l-ewwel rapport fir-rigward tal-applikazzjoni tad-direttiva dwar l-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll dwar l-aħħar żviluppi dwar qafas ta' privatezza tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

Affarijiet Interni (14 ta' Ottubru)

Żona Schengen

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-istat ġenerali taż-żona Schengen, b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni. Impenjaw ruħhom għal sensiela ta' azzjonijiet fuq terminu qasir sa medju fl-oqsma tal-fruntieri, ir-ritorni, l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT, il-leġiżlazzjoni l-ġdida, id-dimensjoni esterna u l-movimenti sekondarji.

Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja
Il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tagħna hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni u s-sigurtà li qed niffaċċaw fiż-żona Schengen. Biex niksbu dan jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li toffri t-teknoloġija, jeħtieġ li nużaw bis-sħiħ il-kapaċitajiet tal-Frontex u jeħtieġ li nkomplu naħdmu mas-sħab u l-ġirien tagħna biex innaqqsu l-qsim irregolari tal-fruntieri. Illum, il-ministri tennew l-impenn sħiħ tagħhom li jibnu sistema b'saħħitha għall-ġestjoni tal-fruntieri li tkun kapaċi tirreżisti kwalunkwe sfida attwali u futura.
Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja
Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar iċ-ċiklu ta' politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dawn jistiednu lill-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari għall-fenomeni reċenti (l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, theddid ibridu), il-feġġ ta' metodi ġodda tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin, il-pandemiji u l-kunflitti armati fil-viċinat immedjat tal-UE.

Il-Ħamis il-Kunsill approva wkoll, bħala punt mingħajr diskussjoni, deċiżjoni biex jiġi ffirmat ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri bejn il-Frontex u l-Maċedonja ta' Fuq. Dan il-ftehim ser jippermetti li jiġu organizzati operazzjonijiet konġunti u li jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Frontex fil-Maċedonja ta' Fuq, soġġett għall-qbil mill-pajjiż.

Taħt affarijiet oħrajn, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar it-tkabbir taż-żona Schengenmingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, b'mod partikolari s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija. Mingħajr preġudizzju għat-tlestija tal-evalwazzjonijiet tagħhom fl-2011, il-Bulgarija u r-Rumanija stiednu, fuq bażi volontarja, lill-esperti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jaraw fuq il-post kif qed japplikaw l-acquis ta' Schengen. Dan l-eżerċizzju għaddej bħalissa. Fir-rigward tal-Kroazja, f'Ġunju 2022 il-Kunsill talab l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja.

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni tar-refuġjati Ukreni fl-UE u tal-persuni spostati internament. Huma vvalutaw l-ippjanar ta' kontinġenza u l-isforzi biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tal-għajxien akkoljenti, sikuri u dinjitużi matul ix-xitwa għall-Ukreni, b'mod partikolari fl-UE.

Barra minn hekk, il-protezzjoni temporanja, attivata f'Marzu 2022 għal perjodu inizjali ta' sena, ser tiġi estiża awtomatikament b'żewġ perjodi ta' sitt xhur sa Marzu 2024. Il-ministri ġew mistiedna mill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun jagħtu lok għall-flessibbiltà fir-rigward tal-aċċess għad-drittijiet ta' protezzjoni temporanja għall-Ukreni li jirritornaw għal żjarat qosra fl-Ukrajna, kif ukoll għal dawk li jaf jiddeċiedu li jirritornaw lejn l-UE wara li jkunu telqu volontarjament.

Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar l-implikazzjonijiet għas-sigurtà interna tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż iż-żieda fir-riskji tat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u kriminalità serja oħra. Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu informa lill-ministri dwar l-eżitu taż-żjara tiegħu fl-Ukrajna fl-aħħar ta' Settembru. Il-ministri qablu li jniedu djalogu mal-Ukrajna dwar is-sigurtà biex tiġi operazzjonalizzata l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni.

Barra minn hekk, nhar il-Ħamis il-Kunsill adotta, mingħajr diskussjoni, pakkett ta' bidliet leġiżlattivi biex tkompli tiżdied il-flessibbiltà fl-użu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu megħjuna r-refuġjati Ukreni u indirizzati l-effetti tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna.

Il-mappa turi l-għadd ta' refuġjati mill-Ukrajna rreġistrati għal protezzjoni temporanja jew skemi nazzjonali simili fis-27 pajjiż tal-UE.
Refuġjati mill-Ukrajna fl-UE (Infografika)

Refuġjati mill-Ukrajna fl-UE (Infografika)

Ażil u migrazzjoni

Il-presidenza provdiet informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-fajls li jikkonċernaw l-ażil u l-migrazzjoni. Ippreżentat kunċett biex isir avvanz fir-rigward tas-solidarjetà tal-UE dwar il-migrazzjoni u r-rispons għall-kriżijiet, inkluż mekkaniżmu ta' solidarjetà legalment vinkolanti iżda flessibbli. L-istati membri appoġġaw il-kontinwazzjoni tal-ħidma fil-livell tekniku abbażi tal-prinċipji li jinsabu fil-proposta.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar il-kuntatti reċenti tagħha mal-Parlament Ewropew biex jinbdew, malajr kemm jista' jkun, negozjati dwar għadd ta' fajls leġiżlattivi.

Waqt l-ikel, il-ministri ddiskutew l-evoluzzjonijiet reċenti fir-rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent, li din is-sena rat żieda qawwija fl-għadd ta' migranti. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq il-politika dwar il-viżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-impatt li għandu n-nuqqas ta' allinjament fir-rigward tar-reġimi mingħajr viża fuq is-sitwazzjoni migratorja u tal-ażil fil-pajjiżi ġirien tal-UE. Enfasizzaw ukoll oqsma ewlenin għall-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent, inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri, ir-ritorni, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u l-inkoraġġiment tal-allinjament sħiħ mal-politika tal-UE dwar il-viżi.

Punti oħra

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi rigward il-proposti leġiżlattivi attwali.

Il-Kummissjoni u l-eu-LISA aġġornaw lill-ministri dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-ministri dwar l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-direttiva dwar l-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.

Fid-dawl tal-iżviluppi reċenti, il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-ħidma tagħha fir-rigward tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika fl-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025