Rispons għall-kriżi tal-migrazzjoni u għal sitwazzjonijiet ta' forza maġġuri
F'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ċirkostanzi eċċezzjonali, l-istati membri huma awtorizzati jidderogaw minn ċerti regoli u jitolbu miżuri ta' solidarjetà u appoġġ. Dawn huma speċifikati f'regoli ġodda.
Reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi
Ir-regolament il-ġdid dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi u forza maġġuri jipprevedi regoli proċedurali, derogi u attivazzjoni rapida ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà xierqa biex iwieġbu għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħall-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015.
Il-wasliet irregolari fl-UE naqsu sostanzjalment minn meta l-kriżi tal-migrazzjoni kienet fl-eqqel tagħha fl-2015.
It-total tal-wasliet irregolari fl-UE naqas minn 1.04 miljun fl-2015 għal 0.28 miljun fl-2023.
It-tqassim għal kull rotta migratorja fl-2024 huwa kif ġej:
- Rotta tal-Lvant: 3 995 wasla
- Rotta Ċentrali: 1 533 wasla
- Rotot tal-Punent: 8 067 wasla
L-istrument il-ġdid ikun ikopri wasliet fi kwantitajiet kbar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat f'pajjiż tal-UE, fuq skala u ta' natura li jwasslu sabiex:
- is-sistema tal-ażil, tal-akkoljenza jew tar-ritorn ta' stat membru ma tibqax jiffunzjona
- x'aktarx ikollhom konsegwenzi serji għall-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u tas-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni
L-istati membri jkunu awtorizzati jidderogaw minn ċerti regoli, pereżempju dwar ir-reġistrazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-ażil jew il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera. Ir-regoli l-ġodda japplikaw f'sitwazzjonijiet:
- li jinvolvu wasliet ta' refuġjati fi kwantitajiet kbar fi stat membru wieħed jew aktar
- fejn il-migranti jiġu strumentalizzati għal skopijiet politiċi biex jegħlbu l-kapaċitajiet tal-istat membru tad-destinazzjoni u jiddestabbilizzawh
- ta' forza maġġuri, pereżempju pandemija, bħall-kriżi tal-COVID-19, jew diżastru naturali
Dawn il-miżuri eċċezzjonali, kif ukoll appoġġ ieħor ta' solidarjetà, l-ewwel jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-Kunsill.
Miżuri
Meta stat membru jkun qed jiffaċċa xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq, dak l-istat membru jista' jitlob awtorizzazzjoni biex japplika derogi mill-proċeduri komuni jew biex jibbenefika minn miżuri ta' solidarjetà.
Il-Kummissjoni ser tanalizza s-sitwazzjoni u, jekk tiġi kkonfermata, tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi s-sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' forza maġġuri. Il-Kummissjoni tista' tipproponi wkoll deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill.
Ladarba din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata mill-Kunsill, id-derogi rilevanti jistgħu jiġu applikati u l-istat membru jista' jibbenefika mill-miżuri ta' solidarjetà rilevanti. Il-Kummissjoni mhux biss għandha l-inkarigu li ssegwi u tirrevedi s-sitwazzjoni, imma tista' wkoll tipproponi li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill titħassar jew tiġi estiża. Il-miżuri stabbiliti jkunu għal perjodu ta' tliet xhur, li jista' jiġġedded sa mhux aktar minn 12-il xahar.
Limiti ta' żmien
Sabiex tittaffa l-pressjoni fuq pajjiż tal-UE fejn ikunu qed jaslu kwantità kbira ta' persuni li japplikaw għall-ażil, jiġu implimentati d-derogi li ġejjin mill-iskedi ta' żmien.
Ċerti perjodi jistgħu jiġu estiżi, pereżempju:
għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sa erba' ġimgħat
għat-tlestija tal-proċedura ta' fuq il-fruntiera b'perjodu addizzjonali ta' sitt ġimgħat
biex jintbagħtu talbiet u notifiki u biex jittieħdu lura persuni li għalihom huwa responsabbli l-istat membru fi kriżi imma li jinstabu fi stat membru ieħor
Derogi
Bħala eċċezzjoni oħra f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, il-miżuri l-ġodda jippermettu lill-istati membri:
- jibdlu l-kriterji għall-proċedura ta' fuq il-fruntiera biex jitnaqqas l-għadd ta' applikazzjonijiet li jiġu eżaminati fuq il-fruntiera jew inkella biex jiġi estiż l-użu tal-proċedura ta' fuq il-fruntiera sabiex l-applikazzjonijiet kollha jiġu eżaminati fuq il-fruntiera, b'salvagwardji speċjali stabbiliti għal gruppi vulnerabbli
- jinħelsu mill-obbligu li jieħdu lura minn pajjiż ieħor tal-UE applikanti għall-ażil li jkunu responsabbli għalihom huma (li huwa meħtieġ f'ċirkostanzi normali)
Miżuri ta' solidarjetà u ta' appoġġ
Stat membru li jiffaċċa sitwazzjoni ta' kriżi jista' jitlob kontributi ta' solidarjetà minn pajjiżi oħra tal-UE. Dawn il-kontributi huma simili għal dawk miftiehma għar-regolament il-ġdid dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni:
rilokazzjoni ta' applikanti għal ażil u ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali
kontribuzzjonijiet finanzjarji, inkluż f'pajjiżi terzi
miżuri alternattivi ta' solidarjetà bħall-iżvilupp tal-kapaċitajiet jew l-istazzjonament ta' persunal
L-għan ġenerali ta' dawn il-miżuri huwa li jiġi żgurat li ebda stat membru ma jerfa' responsabbiltà sproporzjonata u li l-istati membri kollha għandhom jikkontribwixxu għas-solidarjetà kontinwament.
Huwa biss jekk il-miżuri ta' rilokazzjoni ma jkoprux il-ħtiġijiet kollha ta' stat membru li jsir obbligatorju l-kumpens tar-responsabbiltà, fejn stat membru jipprovdi appoġġ billi jassumi r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil ta' persuni li jkunu fit-territorju tiegħu imma li normalment suppost jittieħdu lura mill-istat membru li jkun qed iġarrab is-sitwazzjoni ta' kriżi. Peress li kull ħtieġa jkollha tiġi koperta f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, stat membru partikolari jista' jkollu jikkontribwixxi aktar mis-sehem ġust tiegħu, imma f'dak il-każ dak l-istat membru jkun intitolat jirkupra dan fi stadju aktar tard.
Fi żminijiet ta' kriżi, ir-rwol tal-koordinatur tas-solidarjetà tal-UE huwa li jappoġġa r-rilokazzjonijiet u jippromwovi kultura ta' tħejjija fost l-istati membri.
Proċedura mħaffa
Meta jaslu gruppi kbar ta' applikanti minn pajjiż jew reġjun ta' oriġini speċifiku u dawn x'aktarx ikunu jeħtieġu protezzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta rakkomandazzjoni għall-applikazzjoni ta' proċedura mħaffa.
Din il-proċedura tippermetti li l-intervista personali ma ssirx u għandha tiġi konkluża f'inqas minn erba' ġimgħat.
Ħidma fuq il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil
Fl-4 ta' Ottubru 2023, l-istati membri laħqu ftehim dwar il-mandat tagħhom għal negozjati fir-rigward ta' regolament dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi, inkluż l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, u ta' forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil.
Fl-20 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar ir-regolament dwar din il-leġiżlazzjoni ġdida għal ċirkostanzi eċċezzjonali, kif ukoll dwar ħafna fajls oħra fil-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
Fit-8 ta' Frar 2024, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE approvaw il-ftehim milħuq dwar id-diversi atti leġiżlattivi f'Diċembru, kif ukoll it-tliet liġijiet li kien sar ftehim dwarhom qabel bejn il-Kunsill u l-Parlament fl-2022. Ir-rappreżentanti tal-istati membri approvaw ukoll regolament aġġornat dwar ir-ritorn fuq il-fruntiera.
Il-Kunsill adotta l-patt tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-14 ta' Mejju 2024.
- Politika dwar il-migrazzjoni: il-Kunsill jaqbel dwar mandat għal liġi tal-UE li tittratta sitwazzjonijiet ta' kriżi (stqarrija għall-istampa, 4 ta' Ottubru 2023)
- Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jagħmlu pass importanti fir-riforma tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE (stqarrija għall-istampa, 20 ta' Diċembru 2023)
- Regolament dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' forza maġġuri, 9 ta' Frar 2024
- Il-Kunsill jadotta l-patt tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil (stqarrija għall-istampa, 14 ta' Mejju 2024)
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Ottubru 2025