Skip to content

Tekniki ġenomiċi ġodda għat-tnissil tal-pjanti

Metodi ġodda ta' tnissil tal-pjanti jistgħu jżidu s-sigurtà tal-ikel u jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Biex tibbenefika minn dawn il-metodi u tiżgura li jintużaw b'mod sikur u tixpruna l-innovazzjoni, l-UE qed tintroduċi regoli ġodda.

Tnissil tal-pjanti

Għal eluf ta' snin, il-bnedmin fittxew li jtejbu l-pjanti tagħhom biex jiżguraw li jkollhom sorsi sikuri u nutrittivi ta' ikel. Dan beda bl-att sempliċi li jintgħażlu l-aktar għelejjel b'saħħithom, l-aktar mimlija togħma jew l-aktar produttivi.

F'nofs is-seklu 19, Gregor Mendel stabbilixxa l-prinċipji tal-eredità li fuqhom huwa mibni t-tnissil inkroċjat tal-pjanti – teknika li kienet tinvolvi l-kombinazzjoni tal-karatteristiċi ta' żewġ pjanti differenti mill-istess speċi. It-tekniki ta' tnissil inkroċjat evolvew matul is-sekli.

Il-pjanti u l-antenati tagħhom

Ħafna pjanti kkultivati llum huma differenti ħafna mill-antenati selvaġġi tagħhom.

Ritratt ta' pjanta tal-brunġiel selvaġġa u illustrazzjoni ta' brunġiel kummerċjali.

Brunġiel

Ritratt ta' kaboċċa selvaġġa u illustrazzjoni ta' pastard, li ġej mill-kaboċċa selvaġġa.

Pastard

Ritratt ta' banana selvaġġ u illustrazzjoni ta' banana kummerċjali.

Banana

Salvagwardja għas-sigurtà tal-ikel

Tekniki ġodda ta' tnissil tal-pjanti għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għal sistemi agroalimentari sostenibbli u jgħinu biex jirrispondu għal sfidi bħall-insigurtà globali tal-ikel u t-tibdil fil-klima, b'benefiċċji għall-bdiewa, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Bil-metodi l-ġodda, l-użu tal-pestiċidi jista' jitnaqqas u jistgħu jiġu żviluppati pjanti b'inqas allerġeni.

Tekniki ġenomiċi ġodda (NGTs) jistgħu jgħinu fit-tnissil ta' pjanti li:

  • huma reżistenti għat-tibdil fil-klima jew reżistenti għall-pesti
  • jeħtieġu inqas fertilizzanti u pestiċidi
  • jistgħu jiżguraw rendimenti ogħla
  • jużaw l-ilma u riżorsi naturali oħra b'mod aktar effiċjenti

Eżempji ta' pjanti miksuba b'tekniki ġenomiċi ġodda

Qamħ

Qamħ b'livell baxx ta' glutina

Pjanta tal-patata

Patata reżistenti għall-patoġeni

Iċ-ċifċiegħa u l-ħbub tal-qamħirrum

Qamħirrum reżistenti għan-nixfa

Għalfejn l-UE għandha bżonn regoli ġodda?

It-tekniki tal-editjar tal-ġeni huma rregolati fl-UE mil-leġiżlazzjoni dwar il-modifika ġenetika (OĠM), li tinkludi għadd ta' atti leġiżlattivi.

Bħalissa, il-pjanti miksuba b'tekniki ġenomiċi ġodda jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM, skont sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-2018.

Madankollu, għall-kuntrarju tal-pjanti OĠM, il-pjanti mnissla bl-użu ta' tekniki ġenomiċi ġodda jistgħu jkunu simili ħafna jew saħansitra identiċi għal prodotti ġġenerati b'tekniki ta' tnissil konvenzjonali, jew saħansitra għal pjanti li jseħħu b'mod naturali.

Il-pjanti NGT li fihom materjal ġenetiku barrani jkomplu jiġu rregolati skont il-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM. Ir-regoli l-ġodda tal-UE għandhom l-għan li jagħtu ċarezza legali dwar metodi ġodda ta' tnissil li ma jużawx DNA barrani.

Dawn għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt", il-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà globali tal-ikel u l-bijoekonomija.

Billi tirregola t-tnissil tal-pjanti, l-UE għandha l-għan li tagħmel is-settur sikur, trasparenti, effettiv u kompetittiv.

Tekniki ta' tnissil u leġiżlazzjoni tal-UE

Hemm tliet tekniki ewlenin għat-tnissil tal-pjanti.

Tekniki ta' tnissil konvenzjonali

Tekniki stabbiliti ta' modifikazzjoni ġenetika (OĠM)

Tekniki ġenomiċi ġodda (NGTs)

Żewġ pjanti tal-piżelli b'sinjal multiplikatur fin-nofs. Pjanta waħda hija ħadra ċara bi tliet weraq, u l-oħra hija ħadra skura b'żewġ weraq.

Żewġ varjetajiet ta' speċi ta' pjanta jitħalltu diversi drabi biex tinkiseb pjanta bil-karatteristiċi mixtieqa (tnissil inkroċjat). Illum il-ġurnata, il-proċess jiġi aċċellerat b'sustanzi kimiċi jew radjazzjoni (tnissil ta' mutazzjoni jew mutaġenesi).

Żewġ pjanti differenti b'sinjal tad-DNA fin-nofs. Biċċa DNA minn pjanta waħda tiddaħħal fid-DNA tal-pjanta l-oħra.

Il-materjal ġenetiku ta' pjanta jinbidel b'mod li ma jseħħx b'mod naturali permezz ta' inkroċjar jew rikombinazzjoni naturali, xi drabi b'DNA barrani (tnissil transġeniku jew transġenesi).

Pjanta waħda b'simbolu tad-DNA maġenbha. Ċirku jiffoka fuq id-DNA u vleġġa tipponta lejn post immirat ġewwa ċ-ċirku.

Il-ġenoma ta' pjanta tiġi modifikata f'post immirat magħżul (mutaġenesi mmirata) jew tiddaħħal sekwenza mill-istess speċi jew speċi relatata mill-qrib (ċisġenesi).

Ara kif tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE:

  • tnissil konvenzjonali: barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-OĠM
  • modifikazzjoni ġenetika: regolata skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-OĠM
  • tekniki ġenomiċi ġodda: għandhom jiġu rregolati skont ir-regoli l-ġodda dwar l-NGT, flimkien mal-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM jekk applikabbli

Regoli għal tekniki ġenomiċi ġodda fil-prattika

Fl-4 ta' Diċembru, il-Kunsill laħaq ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar sett ta' regoli li jistabbilixxu qafas legali għal tekniki ġenomiċi ġodda.

Bir-regoli l-ġodda, l-UE ser tipprovdi:

  • sikurezza akbar
  • aktar trasparenza u tikkettar imtejjeb
  • innovazzjoni msaħħa

Ir-regoli jirrikjedu li l-pjanti NGT kollha jiġu elenkati f'bażi tad-data pubblika u jiġu pprojbiti mill-produzzjoni organika.

Barra minn hekk, jiġu stabbiliti żewġ kategoriji ta' pjanti:

  • kategorija 1: pjanti ekwivalenti għal pjanti mnissla b'mod konvenzjonali jew pjanti mutati b'mod naturali
  • kategorija 2: pjanti b'modifiki aktar kumplessi

Japplikaw regoli differenti għal kull kategorija.

Pjanti tal-kategorija 1

Ir-regoli jirregolaw:

  • it-tqegħid fis-suq: qabel ma pjanta jew prodott derivat minn NGT jiġi rilaxxat deliberatament jew imqiegħed fis-suq, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea jivverifikaw jekk kienx jappartjenti għall-kategorija 1
  • it-tikkettar: żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor ikollhom tikketta li tidentifikahom bħala NGT fl-oriġini; il-pjanti ma jkollhomx għalfejn jiġu ttikkettati
  • karatteristiċi:: pjanti reżiljenti għall-erbiċidi jiġu esklużi mill-kategorija 1
  • privattivi:: kumpaniji jew nissiela jkollhom jissottomettu informazzjoni dwar il-privattivi kollha eżistenti jew pendenti; jinħoloq grupp ta' esperti biex jistudja l-impatt tal-privattivi fuq il-pjanti NGT; u l-Kummissjoni Ewropea tippubblika studju dwar l-impatt tal-privattivi fuq l-innovazzjoni, l-aċċess għall-pjanti NGT bi privattiva, u l-kompetittività tas-settur tat-tnissil tal-pjanti tal-UE.

Dawn il-pjanti jkunu eżentati mil-leġiżlazzjoni dwar l-OĠM. Minflok, tapplika l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ikel u l-għalf, l-ikel ġdid, il-konservazzjoni tan-natura u r-responsabbiltà ambjentali.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-pjanti tal-kategorija 1 ma jkunux preżenti b'mod mhux intenzjonat fil-biedja organika fit-territorju tagħhom.

Pjanti tal-kategorija 2

Ir-regoli jirregolaw:

  • it-tqegħid fis-suq: qabel ma pjanta jew prodott derivat minn NGT jiġi rilaxxat deliberatament jew imqiegħed fis-suq, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea jawtorizzaw l-użu tiegħu; dan ikun jinkludi valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sikurezza
  • it-tikkettar: il-prodotti awtorizzati tal-kategorija 2 irid ikollhom tikketta, li tista' tagħti informazzjoni dwar il-karatteristiċi li rriżultaw mill-modifika ġenetika; jekk il-produttur inkluda l-karatteristiċi fuq it-tikketta, kollha kemm huma jkollhom jiġu elenkati
  • inċentivi: jistgħu jiġu offruti inċentivi regolatorji lill-produtturi ta' pjanti b'karatteristiċi li jistgħu jtejbu s-sostenibbiltà, bħall-użu aktar effiċjenti tal-ilma jew ir-reżistenza għall-mard jew għall-kundizzjonijiet tat-tibdil fil-klima, ħlief għal pjanti li jkun fihom karatteristiċi reżistenti għall-erbiċidi

Il-pjanti tal-kategorija 2 ikollhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-OĠM, adattata bir-regoli dwar tekniki ġenomiċi ġodda, biex jipprevedu profili tar-riskju differenti ta' dawk il-pjanti.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-pjanti tal-kategorija 2 ma jkunux preżenti b'mod mhux intenzjonat fi prodotti mhux NGT. Jistgħu wkoll jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-pjanti tal-kategorija 2 fit-territorju tagħhom.

Passi li jmiss

Il-Kunsill adotta r-regoli l-ġodda fil-21 ta' April 2026.

It-test għad irid jiġi adottat formalment mill-Parlament Ewropew. Ladarba jiġi adottat, ir-regolament ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ser japplikaw wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' 24 xahar, u dan jippermetti żmien biex jiġu adottati r-regoli ta' implimentazzjoni. Il-qafas il-ġdid mistenni japplika minn nofs l-2028.

Sena wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament, il-Kummissjoni ser tippubblika studju dwar l-impatt tal-privattivi fuq l-innovazzjoni, dwar id-disponibbiltà taż-żrieragħ għall-bdiewa, u dwar il-kompetittività tas-settur tat-tnissil tal-pjanti tal-UE. Il-Kummissjoni mbagħad ser tindika liema miżuri ta' segwitu huma meħtieġa jew tippubblika proposta leġiżlattiva biex tindirizza kwalunkwe kwistjoni misjuba fl-istudju.

Mill-għalqa sal-platt

Mill-għalqa sal-platt

Is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa

Is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa

Bijodiversità

Bijodiversità

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Marzu 2025