Kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli
L-UE beħsiebha tiżgura li l-ħaddiema jkunu jafu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom sa mill-bidu tar-relazzjoni ta' impjieg u li kondizzjonijiet minimi jkunu ssodisfati, b'mod partikolari għal dawk f'impjiegi prekarji.
Il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jipprevedi Ewropa soċjali għaċ-ċittadini Ewropej kollha, b'mod partikolari fil-kuntest ta' realtajiet li qed jinbidlu fid-dinja tax-xogħol. Modi ġodda ta' xogħol jistgħu jġibu ħafna vantaġġi kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-ekonomija.
Il-proposta l-ġdida għandha l-għan li tiżgura livell bażiku ta' protezzjoni universali għal kull forma eżistenti u futura ta' relazzjoni ta' impjieg. Għandha toħloq il-qafas legali biex tiżgura li anki fil-forom il-ġodda ta' impjieg il-ħaddiema jkollhom protezzjoni u jgawdu minn ċerti drittijiet minimi. Il-mira ġenerali tal-proposta hija li
- il-ħaddiema kollha, inkluż dawk f'relazzjoni ta' impjieg għal żmien qasir u każwali, ser jibbenefikaw minn ċarezza dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u minn standards minimi ġodda
- min iħaddem ser igawdi minn kompetizzjoni iktar sostenibbli b'iktar ċertezza legali u minn forza tax-xogħol iktar motivata u produttiva, b'żieda fl-istabbiltà kuntrattwali u ż-żamma fl-impjieg
- is-soċjetà b'mod ġenerali tgawdi minn titjib globali fit-trasparenza fis-swieq tax-xogħol
Iċ-ċifri:
- mill-2014 'l hawn, 20 % tal-5 miljun impjieg ġdid maħluq kienu forom ġodda ta' impjieg
- fl-2016, kwart mill-kuntratti kollha ta' impjieg kienu għal forom ta' impjieg mhux standard
- fl-UE hemm madwar 2 sa 3 miljun ħaddiem mhux standard
Għaliex għandha bżonnha?
Id-direttiva attwali ma tkoprix il-ħaddiema kollha fl-UE, u dan iwassal għal nuqqas ta' protezzjoni għal ċerti ħaddiema. Ħafna ħaddiema ma jirċevux konferma bil-miktub tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew ma jkunux jafu biżżejjed minn qabel meta ser jibdew jaħdmu. Mill-inqas 2 sa 3 miljun ħaddiem mhux standard jistgħu jgawdu minn din id-direttiva riveduta, billi dawn jifhmu aħjar il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u d-drittijiet tagħhom fuq ix-xogħol.
Min iħaddem igawdi minn kompetizzjoni iktar sostenibbli b'iktar ċertezza legali u titjib ġenerali fit-trasparenza fis-swieq tax-xogħol.
Id-dinja tax-xogħol inbidlet minħabba:
- żieda fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol
- bidliet demografiċi fil-popolazzjoni li qed taħdem
- diġitalizzazzjoni
Filwaqt li forom ġodda ta' impjieg huma mutur ewlieni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tas-suq tax-xogħol, dawn ix-xejriet ġabu wkoll instabbiltà u inqas prevedibbiltà. L-imprevedibbiltà u n-nuqqas ta' sigurtà tax-xogħol iwasslu għal dħul baxx u instabbli kif ukoll nuqqas ta' protezzjoni, problemi tas-saħħa u żbilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Iwasslu wkoll għall-frammentazzjoni fis-suq tax-xogħol madwar l-UE, inqas trasparenza kif ukoll ostakli għaċ-ċaqliq liberu tal-ħaddiema fl-UE.
Biex timmodernizza l-qafas legali eżistenti, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-direttiva attwali dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub. Id-direttiva l-ġdida dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli ser tieħu post din id-direttiva tal-1991.
- Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Terminu essenzjali
Forom mhux standard ta' impjieg: terminu ġenerali għal arranġamenti differenti ta' impjieg li jiddevjaw minn impjieg standard. Dawn jinkludu impjieg temporanju, xogħol part-time jew on-call, xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u relazzjonijiet tax-xogħol multipartitiċi oħra.
Fid‑dettall
L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li jitjiebu u jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet tax-xogħol. Objettivi speċifiċi jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħolqien ta' aktar trasparenza fis-suq tax-xogħol.
Il-proposta tal-Kummissjoni għandha kamp ta' applikazzjoni wiesa', biex ikun aċċertat li l-benefiċjarji ta' dawn id-drittijiet ikunu l-ħaddiema f'kull forma ta' xogħol, inkluż dawk fil-forom l-aktar flessibbli ta' impjieg u forom ġodda ta' xogħol bħal:
- xogħol domestiku jew imħallas b'vawċer
- kuntratti ta' żero sigħat - min iħaddem ma jkun obbligat jipprovdi ebda minimu ta' sigħat ta' xogħol
- xogħol on call/on demand - ebda sigħat fissi prevedibbli
- impjieg multipartitiku - il-ħaddiema mhumiex impjegati direttament mill-kumpanija li jipprovdu servizzi lilha
- xogħol fuq pjattaforma - xogħol li juża pjattaforma li jitwettaq, jew tal-inqas, jitwassal online
Il-proposta għal direttiva tinkludi obbligi riveduti sabiex il-ħaddiema jiġu infurmati bil-miktub bl-aspetti essenzjali tax-xogħol tagħhom, bħal pereżempju:
- il-post tax-xogħol
- it-tip ta' xogħol
- il-ħinijiet tax-xogħol
- ir-remunerazzjoni
Garanziji oħra huma żmien massimu tal-perjodu ta' prova, il-possibbiltà li jsir xogħol parallel u l-obbligu li min iħaddem jgħarraf biżżejjed minn qabel lill-ħaddiema bi skedi tax-xogħol varjabbli ħafna dwar il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.
Definizzjoni legali
"titjib u armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol" Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
Fil‑Kunsill
Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha fil-21 ta' Diċembru 2017, bħala segwitu għall-proklamazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f'Novembru 2017. Fil-21 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar - approċċ ġenerali tiegħu.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-possibbiltà li l-istati membri jeskludu mill-protezzjoni tad-direttiva:
- ħaddiema li ma jaħdmux iktar minn ħames sigħat fil-ġimgħa bħala medja f'perjodu ta' referenza ta' erba' ġimgħat
- ċerti ħaddiema tas-servizz pubbliku, abbażi ta' raġunijiet oġġettivi minħabba n-natura speċifika tad-dmirijiet li jridu jwettqu
Xi elementi oħra tal-pożizzjoni tal-Kunsill jinkludu:
- qafas ta' żmien biex tingħata l-informazzjoni - suġġeriment li tkun prevista l-ewwel skadenza ta' ġimgħa kalendarja waħda għall-informazzjoni l-aktar essenzjali, u t-tieni skadenza ta' xahar għall-bqija tal-informazzjoni
- id-definizzjoni tal-imprevedibbiltà tax-xogħol, li tagħti lok għad-dritt li tkun infurmat b'assenjazzjonijiet ta' xogħol fi żmien raġonevoli minn qabel billi ssir referenza għal "rutina tax-xogħol ġeneralment jew għalkollox imprevedibbli" minflok ma l-iskeda tax-xogħol ta' ħaddiem tkun "għalkollox jew ġeneralment varjabbli"
Punti oħra fejn il-Kunsill iddevja mill-proposta tal-Kummissjoni kienu:
- id-definizzjoni ta' ħaddiem - il-Kunsill ma qabilx mal-inklużjoni ta' definizzjoni ta' "ħaddiem" f'livell ta' UE
- baħħara u sajjieda ta' fuq il-baħar ġew esklużi mill-applikazzjoni ta' xi partijiet tad-direttiva peress li l-Kunsill qies li dawn ma kinux adatti għan-natura speċifika tas-settur regolat minn leġislazzjoni settorjali
Wara diversi trilogi, il-presidenza Rumena tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju fis-7 ta' Frar 2019.
Fil-15 ta' Frar, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE fil-Kunsill tal-UE approvaw il-qbil proviżorju dwar id-direttiva.
Id-direttiva futura ser teżiġi li l-impjegaturi jinformaw lill-ħaddiema dwar l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni tal-impjieg. Skont il-qbil, il-ħaddiema kollha li jaħdmu aktar minn tliet sigħat fil-ġimgħa fuq perjodu ta' erba' ġimgħat għandhom ikunu koperti mid-direttiva. Ċerti gruppi ta' ħaddiema jistgħu jiġu esklużi minn xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
- Proposta għal direttiva dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-UE - Approċċ ġenerali
- Aktar trasparenza u prevedibbiltà fuq il-post tax-xogħol: milħuq ftehim proviżorju bejn il-Presidenza Rumena tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew (stqarrija għall-istampa 7/02/2019)
Fit-13 ta' Ġunju 2019, il-Kunsill adotta d-direttiva. Id-direttiva se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-istati membri mbagħad ikollhom tliet snin biex jieħdu l-miżuri leġislattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-direttiva.