Skip to content
  • Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, 11/12/2014, 11 ta' Diċembru 2014

EURES fil-qosor

Imniedi fl-1993, EURES huwa netwerk għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-Ewropa. Huwa jservi għall-iskambjar ta' opportunitajiet ta' xogħol u applikazzjonijiet għal xogħol u ta' informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.

EURES jikkonsisti minn website u netwerk ta' madwar 900 konsulent dwar l-impjiegi fil-pajjiżi parteċipanti kollha: 28 stat tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera.

Huwa jkopri madwar 150 000 post ta' xogħol kull sena.

EURES

Meta ltaqgħu fi Brussell fil-11 ta' Diċembru, il-ministri għall-impjiegi qablu dwar ir-riforma tan-netwerk tas-servizzi Ewropej tal-impjiegi, jew EURES, biex jiġu pprovduti servizzi aħjar għat-tiftix ta' xogħol u għar-reklutaġġ fl-Ewropa kollha.

L-għan tar-riforma hu li tagħti spinta lill-mobbiltà tax-xogħol ġol-UE. In-netwerk riformat għandu jżid l-għadd ta' opportunitajiet ta' xogħol u ta' CVs minn dawk li qed ifittxu xogħol disponibbli permezz ta' EURES. Huwa jintroduċi wkoll taqbil automatizzat tal-ħiliet ta' dawk li qed ifittxu xogħol mal-opportunitajiet ta' xogħol.

It-taqbil ser ikun ibbażat fuq il-klassifikazzjoni Ewropea tal-ħiliet u l-kompetenzi li l-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa bħalissa. Il-qbil li ntlaħaq mill-Kunsill jippermetti li l-istati membri jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-aġġornament tal-"klassifikazzjoni", li ma kienx previst oriġinarjament.

Fit-test maqbul, il-Kunsill jippermetti lis-servizzi privati tal-impjiegi jingħaqdu ma' EURES dment li jsegwu l-proċedura tal-ammissjoni stabbilita mill-pajjiżi tal-UE u jipprovdu s-servizzi ewlenin kollha meħtieġa mil-liġi. Madankollu, il-ministri qablu li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandu jkollhom rwol privileġġat fin-netwerk, skont ir-rwol speċjali u l-obbligi tagħhom.   

Il-Parlament Ewropew, li b'mod konġunt mal-Kunsill, jabbozza din il-liġi, għadu ma laħaqx qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu. 

Drittijiet tal-baħħara

Il-ministri qablu dwar ir-riforma tad-drittijiet tax-xogħol għall-baħħara. L-għan tar-riforma hu li l-baħħara jiġu inklużi fl-ambitu tar-regoli tal-UE dwar ix-xogħol sabiex dawn igawdu l-istess drittijiet bħall-ħaddiema tal-art f'każijiet ta' sensji jew riorganizzazzjonijiet tan-negozju.

Filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi marittimi, ir-regoli l-ġodda jfittxu li jaqilbu x-xejra ta' tnaqqis fl-għadd ta' żgħażagħ Ewropej li jidħlu f'ċerti professjonijiet marittimi u jżommu l-ħaddiema tas-sengħa fil-professjoni.

Ir-riforma għandha wkoll il-ħsieb li ttejjeb is-sitwazzjoni legali attwali li qed twassal għal trattament mhux indaqs tal-istess kategorija ta' ħaddiema minn stati membri differenti. Bħalissa dan ivarja skont jekk huma japplikawx l-eżenzjonijiet u d-derogi permessi mil-liġi eżistenti jew le. Il-parti l-kbira tal-istati membri, iżda, ftit li xejn użawhom dawn l-eżenzjonijiet, jew sempliċement ma użawhomx.

Il-Parlament Ewropew għadu ma qabilx dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' liġi. 

Punti prinċipali oħra fuq l-aġenda

Impjiegi taż-żgħażagħ

Il-Kunsill iddiskuta modi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Id-diskussjoni kienet ibbażata fuq tliet kwistjonijiet: 

  • faċilitar tat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol 
  • sfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ li għandha l-għan li terġa' tinvolvi ż-żgħażagħ f'xogħol jew studju fi żmien erba' xhur minn meta jitilfu xogħlhom jew iħallu l-edukazzjoni 
  • modi li jtejbu t-taqbil bejn is-suq tax-xogħol u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali 

In-nisa fil-bordijiet ta' kumpanniji

Il-ministri ddiskutew ukoll l-abbozz ta' direttiva li tfittex li tiżgura li n-nisa jokkupaw 40% tal-postijiet fil-bordijiet mhux eżekuttivi ta' kumpanniji pubbliċi sal-2020. 

L-abbozz ta' liġi li qed jiġi diskuss bħalissa ma jipprevedi l-ebda kwota obbligatorja għan-nisa iżda jintroduċi mekkaniżmu ta' selezzjoni aktar ġust.  

Il-Kunsill ma setax jilħaq qbil dwar l-abbozz ta' direttiva.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025