"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Trasport), 3 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Ajru Uniku Ewropew 2+

Il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu ("approċċ ġenerali") rigward il-proposti għar-rieżami tal-qafas leġiżlattiv tal-Ajru Uniku Ewropew (SES). L-inizjattiva SES għandha l-għan li tirriforma l-industrija tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex isir effiċjenti il-mod kif jiġi organizzat u ġestit l-ispazju tal-ajru Ewropew.

Pedro Nuno Santos, Ministru għall-Infrastruttura u d-Djar tal-Portugall, president tal-laqgħa tal-lum
Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mhijiex bħal kwalunkwe attività ekonomika oħra. Hija intrinsikament marbuta mas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini, u r-regolamentazzjoni tagħha ma tistax titħalla kompletament f'idejn is-suq. Minħabba l-impatt enormi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-avjazzjoni, is-settur jeħtieġ riforma analizzata bir-reqqa, li tiżgura s-simplifikazzjoni u tnaqqas l-ispejjeż, bħala l-bażi għall-irkupru tiegħu. Barra minn hekk, jeħtieġ li din ir-riforma tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tqis dan b'mod sħiħ. Fl-istess ħin, tiżgura li l-miżuri jittieħdu fl-aktar livell effettiv u li jiġu rispettati d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istati membri dwar is-sikurezza u s-sigurtà tal-ispazju tal-ajru tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Chicago.
Pedro Nuno Santos, Ministru għall-Infrastruttura u d-Djar tal-Portugall, president tal-laqgħa tal-lum
Pedro Nuno Santos, Ministru għall-Infrastruttura u d-Djar tal-Portugall, president tal-laqgħa tal-lum

Vetturi mikrija

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar regoli riveduti għall-użu ta' vetturi mikrija għall-ġarr tal-merkanzija bit-triq. Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas regolatorju ċar u uniformi għas-suq tal-vetturi mikrija b'rabta mal-ġarr tal-merkanzija, u li ttaffi r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' vetturi mikrija fit-trasport internazzjonali.

Ċertifikati ta' pajjiżi terzi fin-navigazzjoni interna

Il-Kunsill qabel ukoll dwar approċċ ġenerali dwar proposta għal direttiva emendatorja dwar il-miżuri tranżizzjonali għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' pajjiżi terzi fin-navigazzjoni interna. L-emenda ser tiżgura l-kontinwità u ċ-ċertezza legali għall-individwi u l-operaturi ekonomiċi fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

Il-ferroviji fuq quddiem nett tal-mobbiltà Intelliġenti u sostenibbli

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar "Il-ferroviji fuq quddiem nett tal-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli".

Fl-isfond tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti u - naturalment - is-Sena Ewropea tal-Ferroviji, issa huwa żmien ideali biex il-Kunsill jevalwa l-isforzi biex jippromwovi l-ferroviji u jagħmel stqarrija politika ambizzjuża dwar il-ferroviji. It-tqegħid tal-ferroviji fuq quddiem nett kien wieħed mill-għanijiet tal-presidenza Portugiża u jirrifletti perfettament l-objettivi tal-politika tal-UE. Huwa ta' importanza kbira għalija li meta nitkellmu dwar il-ferroviji f'kuntest ta' politika, naraw il-valur tagħhom għal mobbiltà aktar ekoloġika, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-koeżjoni soċjali u territorjali, u għall-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku. Pedro Nuno Santos, Ministru għall-Infrastruttura u d-Djar tal-Portugall, president tal-laqgħa tal-lum

Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tal-Kummissjoni. Il-ministri mbagħad qasmu l-fehmiet tagħhom dwar it-triq 'il quddiem dwar din l-istrateġija, inkluż elementi li mhumiex deskritti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill. Id-diskussjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet, ser jgħinu lill-Kummissjoni tiffoka l-ħidma futura tagħha f'dan il-qasam.

Ninsab kuntent ħafna bil-kunsens li lħaqna aħna Ministri għat-Trasport dwar dan it-test ambizzjuż u li jħares 'il quddiem. Dawn il-konklużjonijiet jibagħtu messaġġ politiku ċar rigward l-impenn tagħna għal sistema tat-trasport u tal-mobbiltà aktar sostenibbli, inklużiva, intelliġenti, sikura u reżiljenti. Din it-trasformazzjoni hija essenzjali u ser tagħti kontribut kbir biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi. It-trasport issa ser ikun fil-qalba tal-indirizzar tal-kwistjonijiet klimatiċi tagħna. Pedro Nuno Santos, Ministru għall-Infrastruttura u d-Djar tal-Portugall, president tal-laqgħa tal-lum

Affarijiet oħra

Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposta biex jiġu riveduti r-regoli tal-UE dwar it-tariffi għall-użu tat-toroq (Direttiva Eurovignette) biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, it-trasport bit-triq isir aktar ekoloġiku u jsir kontribut għall-finanzjament tal-infrastruttura tat-toroq. Il-presidenza Portugiża għandha l-għan li tilħaq qbil politiku mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl ta' prijorità qabel tmiem il-mandat tagħha.

Il-Kunsill iddiskuta affarijiet oħra mqajma mid-delegazzjoni Litwana dwar l-inżul furzat tal-inġenju tal-ajru ċivili f'Minsk fit-23 ta' Mejju. Il-ministri appoġġaw il-punt Litwan taħt "Affarijiet oħra" u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Mejju. Huma kkonfermaw l-importanza li jinżamm front b'saħħtu u magħqud biex jiġu salvagwardjati s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.

Bħala l-aħħar punt wara ħafna oħrajn taħt "Affarijiet oħra", il-presidenza Slovena li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għat-tieni nofs tal-2021.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025