"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Telekomunikazzjoni), 3 ta' Ġunju 2022

Riżultati ewlenin

Intelliġenza artifiċjali

Fir-rigward tal-proposta għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, il-Kunsill evalwa l-progress li sar u approva rapport ta' progress ippreżentat mill-presidenza.

L-abbozz ta' Regolament ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'April 2021 huwa element ewlieni fil-politika tal-UE biex jitrawmu l-iżvilupp u l-adozzjoni, fil-livell Ewropew, ta' intelliġenza artifiċjali (IA) affidabbli li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.

Il-proposta tistabbilixxi qafas legali uniformi u orizzontali għall-IA bil-għan li:

  • jiżgura li s-sistemi tal-IA mqiegħda fis-suq tal-UE u użati fl-Unjoni Ewropea, inkluż minn fornituri mhux tal-UE, jirrispettaw il-valuri u l-liġijiet eżistenti tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali
  • jiżgura ċ-ċertezza legali biex jiġu ffaċilitati l-investiment u l-innovazzjoni fl-IA
  • itejjeb il-governanza u l-infurzar effettiv tal-liġi eżistenti dwar id-drittijiet fundamentali u r-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għas-sistemi tal-IA

Il-ministri appoġġaw l-objettivi ewlenin tal-proposta u ħadu nota tar-rapport ta' progress. Il-ħidma fil-Kunsill ser tkompli taħt il-presidenza Ċeka.

Qafas għal Identità Diġitali Ewropea

Il-Kunsill evalwa l-progress li sar u approva rapport ta' progress ippreżentat mill-presidenza dwar il-proposta għal Regolament dwar qafas Ewropew għall-Identità Diġitali. Il-qafas il-ġdid propost ser jemenda r-regolament tal-2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (Regolament eIDAS), li kien stabbilixxa s-sisien għal sistema biex jiġu aċċessati s-servizzi u jitwettqu t-tranżazzjonijiet online u bejn il-fruntieri fl-UE b'mod sigur.

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura aċċess universali għan-nies u n-negozji għal identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika sigura u affidabbli permezz ta' kartiera Ewropea tal-identità diġitali. Din il-kartiera għandha tiġi rikonoxxuta mis-settur pubbliku tal-UE, mill-fornituri privati tas-servizzi li jeħtieġu awtentikazzjoni b'saħħitha tal-utent u mill-pjattaformi online l-kbar. Il-proposta toħloq ukoll qafas legali għall-iskambju ta' attributi ta' identifikazzjoni u informazzjoni marbuta mal-identità. Din tipprevedi l-kontroll mill-utenti u l-protezzjoni tad-data tagħhom u l-kondiviżjoni mmirata ta' data dwar l-identità limitata għall-ħtiġijiet tas-servizz speċifiku mitlub.

Il-ministri appoġġaw l-objettivi ewlenin tal-proposta u ħadu nota tar-rapport ta' progress. Il-ħidma fil-Kunsill ser tkompli taħt il-presidenza Ċeka.

L-Att dwar id-Data

Il-Kunsill evalwa l-progress fir-rigward tal-proposta għal Regolament dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha.

L-objettivi ewlenin ta' dik il-proposta huma li tiżgura l-ġustizzja fl-allokazzjoni tal-valur mid-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data u trawwem l-aċċess għad-data u l-użu tagħha. Hija leġiżlazzjoni orizzontali, li dalwaqt għandha tiġi kkomplementata b'leġiżlazzjoni komplementari għal setturi speċifiċi. Din il-proposta leġiżlattiva hija għalhekk pass importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea tad-data.

Il-ministri appoġġaw l-objettivi ewlenin tal-proposta u ħadu nota tar-rapport ta' progress. Il-ħidma fil-Kunsill ser tkompli taħt il-presidenza Ċeka.

Tranżizzjoni diġitali u ekoloġika

Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika abbażi ta' nota ppreżentata mill-presidenza. Il-ministri ddiskutew kif għandu jitkejjel u jiġi vvalutat l-impatt ambjentali tat-teknoloġija diġitali, u arranġamenti għall-iżvilupp ta' teknoloġija diġitali sostenibbli li taqdi t-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija.

B'mod aktar speċifiku, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-possibbiltà li jiġu stabbiliti, fil-livell Ewropew, metodoloġiji għall-kejl tal-impronta ambjentali tal-qasam diġitali, b'kont meħud tal-potenzjal tiegħu li jnaqqas l-impronta ambjentali ta' setturi oħra. Il-ministri ddiskutew ukoll il-miri konkreti li l-Ewropa għandha tistabbilixxi sal-2030 u l-lievi li għandhom jingħataw prijorità fil-livell Ewropew biex jiġu indirizzati l-aktar fatturi importanti tal-ispejjeż ambjentali fis-settur diġitali, b'mod partikolari rigward it-tagħmir diġitali, u biex jitħeġġu l-użi u s-servizzi li jwasslu għal din it-tranżizzjoni.

Il-ministri enfasizzaw li, filwaqt li l-użu intelliġenti ta' teknoloġiji diġitali nodfa jista' jaġixxi bħala faċilitatur ewlieni għall-azzjoni klimatika, għas-sostenibbiltà ambjentali u għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, is-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jeħtieġ li jiżgura wkoll id-disinn u l-użu ambjentalment sodi tat-teknoloġiji l-u prodotti diġitali.

Huma nnotaw ukoll li l-Ewropa tista' tikkompeti globalment fis-suq tat-teknoloġiji ekoloġiċi, b'mod partikolari billi tippromwovi t-teknoloġiji innovattivi, l-elettronika effiċjenti fl-użu tal-enerġija u s-sostenibbiltà ambjentali tas-soluzzjonijiet tal-ICT. Il-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li tinħoloq metodoloġija għall-kejl tal-impronta ambjentali diġitali, jiġu stabbiliti miri għall-2030 u strateġija ambizzjuża għat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika fil-livell Ewropew.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra", il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi attwali.

Fir-rigward tar-Regolament dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (Privatezza Elettronika), il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Kunsill u n-negozjati li għaddejjin mal-Parlament Ewropew dwar dan il-fajl, inkluż l-eżitu tat-trilogu tal-31 ta' Marzu 2022.

Fir-rigward tal-abbozz ta' Deċiżjoni dwar il-Perkors għad-Deċennju Diġitali, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fil-11 ta' Mejju 2022.

Fir-rigward tad-Direttiva dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà fl-UE kollha (id-Direttiva NIS riveduta jew "NIS 2"), il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fit-12 ta' Mejju 2022.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali rigward id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali.

Barra minn hekk, il-presidenza u delegazzjonijiet oħra infurmaw lill-ministri dwar il-Konferenza tal-Plenipotenzjarji tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li għandha ssir f'Bucharest mis-26 ta' Settembru sal-14 ta' Ottubru 2022.

Id-delegazzjoni Awstrijaka, Ċeka u dik Slovakka infurmaw ukoll lill-ministri dwar l-eżitu tas-sessjoni ta' ħidma ta' livell għoli "L-Umaniżmu Diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali", li saret fi Brussell fit-3 ta' Marzu 2022.

Fl-aħħar nett, il-presidenza Ċeka li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għat-tieni nofs tal-2022.

Stampa: Lejn Ewropa diġitali.

Lejn Ewropa diġitali (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025