Emendi għar-regoli tal-unjoni bankarja
Fid-9 ta' Diċembru 2016 il-Kunsill beda jaħdem fuq ġabra ta' proposti li għandhom l-għan li jemendaw ir-regoli eżistenti tal-unjoni bankarja. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2016 ("Pjan direzzjonali biex titlesta l-unjoni bankarja") huwa appella lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem fuq dawn il-proposti.
Ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta' Novembru 2016, il-proposti għandhom l-għan li jsaħħu aktar ir-reżiljenza tal-banek u jtejbu l-istabbiltà finanzjarja fl-UE. Għandhom ukoll l-għan li jallinjaw ir-regoli tal-UE dwar l-unjoni bankarja ma' għadd ta' elementi maqbula fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari, l-istandards maqbula fi ħdan il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.
L-emendi huma mfassla biex jaġġornaw ir-rekwiżiti ta' kapital għall-banek u biex dawn ir-regoli jkunu inqas kumplessi u ta' piż għal banek iżgħar, u biex titjieb il-kapaċità ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li jappoġġaw l-ekonomija.
L-emendi proposti jappoġġaw il-ħidma li għaddejja dwar it-tnaqqis tar-riskji fis-settur bankarju tal-UE.
Il-proposti l-ġodda jipprevedu bidliet:
- fir-rekwiżiti ta' kapital għas-settur bankarju bl-emendar tad-direttiva 2013/36/UE u r-regolament 575/2013
- fir-regoli dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, bl-emendar tad-direttiva 2014/59/UE
- fir-regoli relatati mal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni tal-UE, bl-emendar tar-regolament 806/14
L-emendi ser ikollhom jiġu adottati mill-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja. Ser ikollu jikkonsulta l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar diversi aspetti tal-proposti.
- Pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja - Konklużjonijiet tal-Kunsill, 17 ta' Ġunju 2016
- Proposta dwar emendi għad-direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital, Novembru 2016
- Proposta dwar emendi għar-regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital, Novembru 2016
- Proposta biex tiġi emendata d-direttiva 2014/59 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta' dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza
- Proposta biex tiġi emendata d-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (2014/59/UE) fir-rigward tal-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' investiment
- Proposta biex jiġi emendat ir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (806/2014), Novembru 2016
Fil‑Kunsill
-
2019
15 ta' Frarl-ambaxxaturi għall-UE japprovaw pakkett sħiħ ta' miżuri għat-tnaqqis tar-riskji
Fil-15 ta' Frar l-ambaxxaturi għall-UE approvaw ftehim milħuq bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament dwar sett rivedut ta’ regoli mmirati lejn it-tnaqqis tar-riskji fis-settur bankarju tal-UE.
Il-pakkett maqbul mill-Kunsill u l-Parlament fih żewġ regolamenti u żewġ direttivi, rigward:
- ir-rekwiżiti ta’ kapital tal-banek (emendi għar-regolament 575/2013 u d-direttiva 2013/36/UE);
- l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ banek f’diffikultà (emendi għad-direttiva 2014/59/UE u r-regolament 806/2014).
Id-deċiżjoni tikkonkludi proċess ta’ negozjati li beda f’Novembru 2016. Intlaħaq qbil inizjali fir-rigward tal-elementi ewlenin tal-pakkett bankarju u dan ġie kkonfermat mill-Kunsill fl-4 ta’ Diċembru 2018. L-ambaxxaturi għall-UE issa approvaw il-ftehim dwar il-miżuri kollha għat-tnaqqis tar-riskju.
Il-pakkett dwar it-tnaqqis tar-riskju huwa maħsub biex jimplimenta r-riformi maqbula fil-livell internazzjonali wara l-kriżi finanzjarja tal-2007 u l-2008 sabiex jissaħħaħ is-settur bankarju u jiġu indirizzati l-isfidi pendenti għall-istabbiltà finanzjarja. Ippreżentati f'Novembru 2016, dawn jinkludu elementi maqbula mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB).
Fost il-miżuri prinċipali maqbula għat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema bankarja, il-pakkett isaħħaħ il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek. Dan jirrikjedi li l-istituzzjonijiet globali sistematikament importanti (“G-SIIs”) jkollhom aktar kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni billi jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-ammont u l-kwalità tal-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) biex jiżgura proċess ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” effettiv u ordnat. Jipprovdi wkoll salvagwardji proviżorji u azzjonijiet addizzjonali possibbli għall-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni.
Il-pakkett isaħħaħ ukoll ir-rekwiżiti ta' kapital tal-banek biex jitnaqqsu l-inċentivi għat-teħid ta' riskju eċċessiv, bl-inklużjoni ta' proporzjon vinkolanti ta' ingranaġġ, proporzjon vinkolanti ta' finanzjament stabbli nett u l-istabbiliment ta' regoli sensittivi għar-riskju għan-negozjar f'titoli u derivattivi.
Barra minn hekk, il-pakkett bankarju fih miżuri għat-titjib tal-kapaċità ta' self tal-banek u għall-faċilitazzjoni ta' rwol akbar għall-banek fis-swieq finanzjarji, bħal:
- it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-banek li jkunu iżgħar u inqas kumplessi, b'rabta partikolari mar-rekwiżiti ta' rappurtar u ta' żvelar;
- it-titjib tal-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-SMEs u li jiffinanzjaw proġetti ta' infrastruttura;
Il-pakkett bankarju fih ukoll qafas għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet involuti fis-superviżjoni u r-riżoluzzjoni tal-gruppi bankarji transkonfinali. Il-miżuri maqbula jippreservaw il-bilanċ li ntlaħaq bil-pożizzjoni tal-Kunsill bejn is-setgħat tas-superviżuri lokali u dawk ospitanti biex jiġu ffaċilitati l-flussi transkonfinali tal-kapital u l-likwidità, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' protezzjoni għad-depożitanti, il-kredituri u l-istabbiltà finanzjarja fl-istati membri kollha. Il-ftehim idaħħal ukoll emendi għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet b'rabta mas-superviżjoni ta' attivitajiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
-
2018
4 ta' Diċembruil-Kunsill japprova pakkett ta' miżuri għat-tnaqqis tar-riskju
Il-ministri għall-finanzi approvaw il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-miżuri ewlenin ta' pakkett leġislattiv komprensiv bil-għan li jitnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju tal-UE.
Il-proposti huma maħsuba biex jimplimentaw ir-riformi maqbula fil-livell internazzjonali wara l-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 biex jissaħħaħ is-settur bankarju u jiġu indirizzati l-isfidi pendenti għall-istabbiltà finanzjarja. Ippreżentati f'Novembru 2016, dawn jinkludu l-elementi maqbula mill-Kumitat ta' Basel dwar is-superviżjoni bankarja u mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB).
Pjan direzzjonali biex titlesta l-unjoni bankarja
Il-miżuri maqbula jwettqu tlieta mill-objettivi ewlenin stabbiliti mill-pjan direzzjonali tal-Kunsill dwar it-tlestija tal-unjoni bankarja maqbula f'Ġunju 2016:
- it-tisħiħ tal-qafas għal riżoluzzjoni bankarja, b'mod partikolari l-livell u l-kwalità meħtieġa tas-subordinazzjoni tal-obbligazzjonijiet (MREL) biex jiġi żgurat proċess ta' "rikapitalizzazzjoni interna" li jkun effettiv u ordnat.
- l-introduzzjoni tal-possibbiltà li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jissospendu l-pagamenti u/jew l-obbligi kuntrattwali tal-bank meta jkun taħt riżoluzzjoni, l-hekk imsejħa "għodda ta' moratorju", biex tingħata għajnuna fl-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bank.
- it-tisħiħ tar-rekwiżiti ta' kapital tal-banek biex jitnaqqsu l-inċentivi għat-teħid ta' riskju eċċessiv, bl-inklużjoni ta' proporzjon vinkolanti ta' ingranaġġ, proporzjon vinkolanti ta' finanzjament stabbli nett u l-istabbiliment ta' regoli sensittivi għar-riskju għan-negozjar f'titoli u derivattivi.
Barra minn hekk, il-pakkett bankarju fih miżuri għat-titjib tal-kapaċità ta' self tal-banek u għall-faċilitazzjoni ta' rwol akbar għall-banek fis-swieq tal-kapital, bħal:
- it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-banek li jkunu iżgħar u inqas kumplessi, b'rabta b'mod partikolari mar-rekwiżiti ta' rappurtar u ta' żvelar;
- it-titjib tal-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-SMEs u li jiffinanzjaw proġetti ta' infrastruttura;
- it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ħruġ/żamma ta' ċerti strumenti, bħal strumenti ta' titolizzazzjoni ta' kwalità għolja jew bonds koperti;
Il-pakkett bankarju fih ukoll qafas għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet involuti fis-superviżjoni u r-riżoluzzjoni ta' gruppi bankarji transkonfinali.
Il-miżuri maqbula jippreservaw il-bilanċ li ntlaħaq bil-pożizzjoni tal-Kunsill bejn is-setgħat tas-superviżuri tal-pajjiż ta' oriġini u ta' dak ospitanti biex jiġu ffaċilitati l-flussi transkonfinali tal-kapital u l-likwidità, filwaqt li jiġi żgurat livell adegwat ta' protezzjoni għad-depożitanti, il-kredituri u l-istabbiltà finanzjarja fl-istati membri kollha.
Il-ftehim idaħħal ukoll emendi għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet b'rabta mas-superviżjoni ta' attivitajiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
-
2018
25 ta' MejjuIl-Kunsill jaqbel dwar miżuri biex jitnaqqas ir-riskju fl-industrija bankarja
Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposti biex jitnaqqas ir-riskju fl-industrija bankarja, billi jissaħħu r-regoli dwar ir-rekwiżiti ta' kapital u dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek. Il-ministri talbu lill-presidenza biex tibda negozjati mal-Parlament Ewropew hekk kif il-Parlament ikun lest li jinnegozja. Fuq il-bażi tal-progress li sar fit-tnaqqis tar-riskji, huma tennew l-impenn tagħhom li jsir progress fil-komponenti kollha - inkluż il-qsim tar-riskji - imsemmijin fil-pjan direzzjonali tal-Kunsill dwar l-unjoni bankarja minn Ġunju 2016.
-
2017
5 ta' DiċembruIl-Kunsill eżamina l-ħidma fuq il-pakkett bankarju
Il-ministri taw ħarsa lejn il-progress li sar fuq il-pakkett bankarju.
-
2017
16 ta' ĠunjuIl-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu għall-proposta dwar l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 9
Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill laħaq qbil rigward il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjar dwar abbozz ta' proposta li temenda r-regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital għall-banek tal-UE. L-emenda tintroduċi miżuri tranżizzjonali biex jittaffa l-impatt negattiv potenzjali fuq il-kapital regolatorju tal-banek li jistgħu jseħħu wara l-introduzzjoni tal-IFRS 9.
Bil-qbil il-presidenza tal-Kunsill tista' tibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ladarba l-Parlament ikun laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu ta' negozjar.
L-IFRS 9 itejbu l-kontabbiltà tal-istrumenti finanzjarji billi jirrikjedu dispożizzjonijiet minn kmieni għat-telf mis-self. Jindirizzaw id-dgħufijiet fil-qafas tal-kontabbiltà identifikati matul il-kriżi finanzjarja. Madankollu, dispożizzjonijiet akbar x'aktarx jirriżultaw fi tnaqqis tal-kapital regolatorju tal-banek.
Ladarba tiġi adottata, il-proposta tippermetti lill-banek iżidu lura mal-kapital tagħhom ta’ ''grad 1 tal-ekwità komuni'' porzjon akbar mid-dispożizzjonijiet miżjuda għat-telf mis-self bħala kapital żejjed matul perjodu tranżizzjonali ta' ħames snin. Dak l-ammont miżjud ser jonqos b'mod progressiv f'kull sena tal-perjodu tranżizzjonali sa ma jasal sa żero fi tmiemu.
Il-proposta tipprevedi wkoll tneħħija gradwali fuq tliet snin ta' eżenzjoni mil-limitu għall-iskoperturi kbar għall-iskoperturi tal-banek għad-dejn tas-settur pubbliku tal-istati membri denominati fil-munita ta' kwalunkwe stat membru ieħor.
L-IFRS 9 ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018, u l-Kunsill b'hekk iddeċieda li jaqsam u jħaffef sa dik id-data d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali marbuta mal-IFRS 9 mill-proposta tal-Kummissjoni ta' Novembru 2016 li temenda r-regolament 575/2013 dwar ir-rekwiżiti tal-kapital bankarju. -
2017
16 ta' ĠunjuIl-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-ġerarkija tal-kredituri tal-banek fi proċedimenti ta' insolvenza
Fis-16 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu ta' negozjar dwar abbozz ta' direttiva li temenda l-qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek billi tintroduċi regoli għall-klassifikazzjoni ta’ strumenti ta' dejn mhux garantit fi proċedimenti ta' insolvenza (jiġifieri l-ġerarkija tal-kredituri tal-banek). Bil-ftehim il-presidenza tal-Kunsill tista' tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew malli l-Parlament ikun approva l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu.
Il-proposta temenda u ttejjeb l-artikolu 108 tad-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek li qabel kellha x'taqsam mal-klassifikazzjoni tad-depożiti fil-ġerarkija tal-insolvenza.
Tintroduċi rekwiżit għall-istati membri biex jistabbilixxu subordinazzjoni ċara ta’ depożiti mhux garantiti li jkollhom jiġu ''rikapitalizzati internament'' jekk bank ifalli jew x'aktarx ikun ser ifalli.
Dawn ir-regoli jikkonċernaw, fost l-oħrajn, depożiti kbar li mhumiex koperti minn skema ta' garanzija, jiġifieri, is-sehem ta' 'l fuq mil-limitu ta' €100 000 protett mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti.
L-istati membri jkunu mitluba jistabbilixxu klassi ta' dejn superjuri ''mhux bi preferenza'', peress li d-direttiva attwali tistabbilixxi biss preferenzi għal persuni fiżiċi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, mingħajr ma tikkjarifika t-trattament preferenzjali fid-dettall. -
2016
9 ta' DiċembruIl-Kunsill jibda jaħdem fuq il-proposti li jemendaw ir-regoli tal-unjoni bankarja
Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji, magħmul minn esperti nazzjonali mill-istati membri tal-UE, beda jaħdem fuq is-sett ta' proposti leġislattivi biex jiġu emendati r-regoli eżistenti tal-unjoni bankarja.
-
2016
6 ta' DiċembruProposti għall-aġġornament tar-regoli tal-unjoni bankarja ppreżentati lill-Kunsill
Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji kellu skambju ta’ fehmiet wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-pakkett tagħha ta’ proposti leġislattivi li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu r-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE u l-kapaċità tiegħu li jappoġġa l-ekonomija reali.
L-emendi, ippubblikati fit-23 ta' Novembru 2016, ikopru l-ġabra unika tar-regoli, jiġifieri r-rekwiżiti ta' kapital għas-settur bankarju, ir-regoli għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u r-regoli dwar il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni.
-
2016
17 ta' ĠunjuPjan direzzjonali biex titlesta l-unjoni bankarja
Fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Ġunju, il-Kunsill adotta konklużjonijiet bit-titolu "Pjan direzzjonali biex titlesta l-unjoni bankarja". Id-dokument jagħti ħarsa ġenerali lejn il-passi li jmiss fl-unjoni bankarja u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem fuq proposti biex temenda r-regoli dwar l-unjoni bankarja.