"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Pakkett kontra l‑evitar tat‑taxxa

X'inhu?

Il-'pakkett kontra l-evitar tat-taxxa' huwa sett ta' inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi tal-UE, bl-għan li jsaħħu r-regoli kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva u biex it-tassazzjoni korporattiva fl-UE tkun aktar ġusta, sempliċi u effettiva.

Dan jibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2015 mill-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi) biex jiġu indirizzati l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt (BEPS).

Il-miri tal-pakkett:

  • jiġi evitat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa
  • żieda fit-trasparenza
  • jinħoloq ambjent aktar ġust għan-negozji fl-UE

X'fih?

Il-pakkett jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

Komunikazzjoni dwar pakkett kontra l‑evitar tat‑taxxa

Il-komunikazzjoni tispjega r-raġunament politiku u ekonomiku wara l-miżuri proposti fil-pakkett.

Direttiva kontra l‑evitar tat‑taxxa

Id-direttiva tistabbilixxi numru ta' miżuri legalment vinkolanti kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. B'mod partikolari, timmira li tindirizza sitwazzjonijiet fejn gruppi korporattivi jieħdu vantaġġ mid-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tat-taxxa sabiex inaqqsu l-obbligi ġenerali tagħhom tat-taxxa. Għal dan l-għan hija tipprevedi dispożizzjonijiet legali kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa relatati ma’:

  • limitazzjoni tal-imgħax
  • regoli dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ
  • regoli għall-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż
  • regola ġenerali kontra l-abbuż
  • regoli dwar diskrepanzi ibridi

Hija ser tiżgura wkoll li l-miżuri tal-OECD kontra l-BEPS jiġu trasposti b'mod koordinat, inkluż minn 7 stati membri tal-UE li mhumiex membri tal-OECD.

Il-Kunsill adotta d-direttiva kontra l-evitar tat-taxxa fit-12 ta’ Lulju 2016. Adotta wkoll l-emenda tagħha, li tintroduċi regoli biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi ibridi mas-sistemi fiskali ta’ pajjiżi barra l-UE, fid-29 ta’ Mejju 2017.

L-istati membri ser ikollhom sal-31 ta' Diċembru 2018 biex jittrasponuha fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, għajr ir-regoli dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ, li għalihom ser ikollhom sal-31 ta' Diċembru 2019. Id-direttiva emendata kontra l-evitar tat-taxxa li tintroduċi r-regoli li jinnewtralizzaw id-diskrepanzi ibridi ma’ pajjiżi terzi għandha tiġi implimentata qabel l-1 ta’ Jannar 2020.

L-istati membri li għandhom regoli mmirati li huma effettivi daqs ir-regoli għal-limitazzjoni tal-imgħax tad-direttiva kontra l-evitar tat-taxxa, jistgħu japplikawhom sakemm l-OECD tilħaq qbil dwar standard minimu, jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2024.

Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż mit-trattat dwar it-taxxa

Ir-rakkomandazzjoni tipprovdi pariri lill-istati membri dwar kif isaħħu t-trattati tagħhom dwar it-taxxa kontra l-abbuż minn ippjanar aggressiv tat-taxxa, b'mod li jkun konformi mad-dritt tal-UE.

Reviżjoni tad-direttiva dwar kooperazzjoni amministrattiva

L-għan tal-emenda tad-direttiva eżistenti kien li tintroduċi l-prattika ta' rapport għal kull pajjiż bejn l-awtoritajiet tat-taxxa dwar informazzjoni ewlenija relatata mat-taxxa li tirrigwarda kumpaniji multinazzjonali. L-emenda tippermetti lill-istati membri jindividwaw u jipprevjenu skemi ta' evitar tat-taxxa b'mod aktar effiċjenti.

Il-Kunsill adotta l-abbozz ta’ direttiva fil-25 ta’ Mejju 2016, wara l-qbil tiegħu dwar it-test f’Marzu 2016.

Komunikazzjoni dwar strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva

Il-komunikazzjoni tipproponi li l-istati membri tal-UE jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom kontra r-riskji esterni ta' evitar tat-taxxa iktar mill-qrib u jippromwovu governanza tajba tat-taxxa internazzjonali.

Għalfejn għandna bżonnu?

L-istati membri tal-UE jsofru minn telf sinifikanti ta' dħul minħabba l-prattiki tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn xi korporazzjonijiet multinazzjonali. Fost affarijiet oħra, dan ifisser ukoll li kontribwenti oħra jkollhom jieħdu piż akbar tat-taxxa. Is-sitwazzjoni hija partikolarment serja minħabba l-fatt li l-UE ħierġa minn kriżi ekonomika, u għaldaqstant hemm ħtieġa ċara li jiġu evitati dawn il-prattiki u jiġi żgurat li l-piż tat-taxxa jinqasam b'mod ġust.

Barra minn hekk, soluzzjoni uniformi madwar l-UE kollha għal din il-problema tkun iktar effettiva minn azzjoni individwali meħuda mill-istati membri għal rashom. Dan prinċipalment minħabba l-fatt li d-differenzi fir-regoli madwar l-istati membri jistgħu joħolqu lakuni ulterjuri għal ippjanar aggressiv tat-taxxa, jew idgħajfu l-effettività tar-regoli ta' pajjiżi oħra.

Fl-aħħar nett, soluzzjonijiet differenti jistgħu jsaħħu l-inċertezza kif ukoll iżidu l-piż amministrattiv fuq in-negozji. Il-pakkett dwar l-evitar tat-taxxa huwa għaldaqstant inizjattiva madwar l-UE biex tindirizza d-diversi aspetti tal-prattiki magħrufa tal-evitar tat-taxxa korporattiva fl-UE.

Fil‑Kunsill

Il-Kunsill jaħdem fuq il-proposti f'Jannar 2016, wara l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet dwar liġijiet ta' tassazzjoni tal-UE waħdu, billi jivvota b'mod unanimu, u l-Parlament Ewropew joħroġ l-opinjoni tiegħu.