Regolamentazzjoni bankarja
Il-qafas bankarju tal-UE japplika għall-banek kollha, istituzzjonijiet ta' kreditu oħra u ditti tal-investiment li joperaw fl-UE. L-għan tiegħu huwa li jiżgura l-istabbiltà u l-integrità filwaqt li jżomm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema finanzjarja.
L-objettivi tal-qafas bankarju tal-UE
Protezzjoni tad-depożitanti
Is-salvagwardja tal-fondi tad-depożitanti billi jinżammu banek kapitalizzati tajjeb li kapaċi jifilħu għax-xokkijiet finanzjarji.
Prevenzjoni ta' riskji sistemiċi
Il-mitigazzjoni tar-riskji li jistgħu jwasslu għal kriżijiet finanzjarji u jiddestabbilizzaw l-ekonomija.
Standards armonizzati
L-istabbiliment ta' regoli uniformi biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u tiġi promossa kompetizzjoni ġusta fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu.
Tisħiħ tar-reżiljenza u t-trasparenza
It-tisħiħ tal-istabbiltà u ċ-ċarezza ġenerali sabiex tinbena l-fiduċja u tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul.
Strumenti legali ewlenin
L-UE adottat strumenti legali dwar diversi aspetti tas-settur bankarju. Dan huwa sommarju tal-leġiżlazzjoni ewlenija.
Regolament u direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital
Ir-regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital (CRR) u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital (CRD) jistipulaw rekwiżiti prudenzjali dettaljati għal, fost l-oħrajn, l-adegwatezza tal-kapital, il-likwidità, l-ingranaġġ, il-ġestjoni tar-riskju u s-superviżjoni.
Dawn ir-regoli jiżguraw li l-banek iżommu biżżejjed kapital u likwidità biex itaffu r-riskji u jassorbu t-telf potenzjali.
- Regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti
Id-direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) tipproteġi lid-depożitanti f'kull stat membru billi tiggarantixxi r-rimborż tad-depożiti sa €100 000 jekk bank ifalli. Id-direttiva tistabbilixxi wkoll regoli għall-iskemi nazzjonali ta' garanzija tad-depożiti, inkluż limiti ta' kopertura, finanzjament u proċeduri ta' żborż.
Il-banek kollha jeħtieġ li jipparteċipaw f'dawn l-iskemi.
Il-banek imsieħba jagħmlu kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tagħhom u fatturi oħra. L-iskema ta' garanzija tqiegħed il-kontribuzzjonijiet kollha f'fond. Meta bank ifalli u d-depożiti ma jibqgħux disponibbli, l-iskemi ta' garanzija jridu jkunu f'pożizzjoni li jirrimborżaw lid-depożitanti li jkollhom kwalunkwe tip ta' depożitu protett skont id-direttiva.
Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek
Id-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (BRRD) tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ordnati ta' banek li qed ifallu, biex jiġi minimizzat l-impatt fuq l-ekonomija u biex titneħħa l-ħtieġa għal rikapitalizzazzjonijiet iffinanzjati mill-kontribwenti.
Id-direttiva:
- tiżgura li l-banek li qed ifallu jiġu ġestiti b'mod effettiv permezz ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u protokolli ta' kriżi
- tipprevjeni l-ħtieġa ta' rikors għall-kontribwenti f'każ ta' fallimenti bankarji billi tintroduċi mekkaniżmu ta' rikapitalizzazzjoni interna (l-azzjonisti u l-kredituri jridu jġarrbu l-ispejjeż meta l-bank ifalli)
- tistabbilixxi fondi ta' riżoluzzjoni, iffinanzjati mis-settur bankarju, biex jipprovdu sostenn għar-riżoluzzjoni tal-banek li qed ifallu jekk ikun meħtieġ
Regolament dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku
Ir-regolament dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) jiddefinixxi l-qafas għar-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fis-superviżjoni ta' banek sinifikanti fl-unjoni bankarja.
Il-MSU jiddeskrivi r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni
Ir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (SRM) jipprovdi l-qafas għar-rwol tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) fir-riżoluzzjoni ta' banek li qed ifallu fl-unjoni bankarja.
Ir-regolament SRM jiddefinixxi s-setgħat tal-SRB fir-rigward tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-użu tal-fond uniku ta' riżoluzzjoni.
Standards ta' Basel III
L-istandards ta' Basel III huma sett ta' regolamenti bankarji internazzjonali żviluppati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja biex jissaħħu r-rekwiżiti ta' kapital tal-banek billi tiżdied il-likwidità u jitnaqqas l-ingranaġġ tal-banek.
Dawn l-istandards ġew integrati fil-qafas regolatorju tal-UE permezz ta' emendi għas-CRR u s-CRD.
Meta mqabbel ma' Basel II, Basel III jżid għadd ta' dispożizzjonijiet ewlenin fejn:
- il-banek irid ikollhom aktar kapital biex ikopru t-telf potenzjali, filwaqt li jiżguraw stabbiltà akbar matul it-tnaqqis fir-ritmu finanzjarju
- il-banek huma meħtieġa jżommu ammont suffiċjenti ta' assi likwidi ta' kwalità għolja biex jissopravivu xenarju ta' stress ta' 30 jum (proporzjon tal-kopertura tal-likwidità)
- il-banek irid ikollhom sorsi ta' finanzjament stabbli biex jappoġġaw l-operazzjonijiet tagħhom fuq perjodu ta' żmien ta' sena (proporzjon ta' finanzjament stabbli nett)
- miżura mhux ibbażata fuq ir-riskju tiġi implimentata biex tillimita l-akkumulazzjoni ta' ingranaġġ eċċessiv fis-settur bankarju (proporzjon ta' ingranaġġ)
- prattiki mtejba ta' ġestjoni tar-riskju u ttestjar tal-istress aktar rigoruż jiżguraw li l-banek ikunu jistgħu jifilħu għax-xokkijiet ekonomiċi b'mod effettiv
Il-Kunsill adotta l-pakkett leġiżlattiv ta' implimentazzjoni ta' Basel III fit-30 ta' Mejju 2024. Ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2025, b'xi rekwiżiti soġġetti għal perjodu ta' introduzzjoni gradwali pluriennali.
Rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE
Il-qafas bankarju tal-UE jinvolvi diversi istituzzjonijiet ewlenin, li kull waħda minnhom għandha rwol distint fiż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja.
Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa s-superviżur ewlieni ta' banek sinifikanti fiż-żona tal-euro taħt il-mekkaniżmu superviżorju uniku. Dan jiżgura li dawn il-banek jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali.
Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżoluzzjoni ta' banek li qed ifallu taħt il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni. Il-ħidma tiegħu hija appoġġata mill-fond uniku ta' riżoluzzjoni.
L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tippromwovi regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effettivi u konsistenti madwar l-UE. Hija tiżviluppa standards tekniċi u linji gwida għall-armonizzazzjoni tal-prattiki regolatorji.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) jissorveljaw banek iżgħar u jimplimentaw regolamenti tal-UE fil-livell nazzjonali, filwaqt li jikkomplementaw il-ħidma tal-BĊE u l-EBA.
L-aħħar żviluppi u l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa
Il-qafas bankarju tal-UE jkompli jadatta u jevolvi b'rispons għal bidliet ekonomiċi globali, avvanzi teknoloġiċi u prijoritajiet ta' sostenibbiltà. Din il-ħidma għandha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, filwaqt li trawwem l-innovazzjoni u tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur.
Pakkett dwar il-finanzi diġitali
Bi tweġiba għat-tkabbir rapidu tal-finanzi diġitali, l-UE qed tiżviluppa qafas regolatorju komprensiv biex tindirizza l-isfidi ppreżentati mill-kriptovaluti, l-innovazzjonijiet tat-teknoloġija finanzjarja u s-sistemi ta' pagament diġitali.
Finanzi sostenibbli
L-integrazzjoni tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoniambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) fir-regolamentazzjoni bankarja hija prijorità għall-UE. Fid-19 ta' Novembru, il-Kunsill adotta regoli ġodda li għandhom l-għan li jagħmlu l-attivitajiet ta' klassifikazzjoni fl-UE aktar konsistenti, trasparenti u komparabbli sabiex tingħata spinta lill-fiduċja tal-investituri fi prodotti finanzjarji sostenibbli.
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ser tawtorizza u tissorvelja l-fornituri ta' klassifikazzjonijiet ESG li joperaw fl-UE, filwaqt li tiżgura li jaderixxu mal-istandards ta' trasparenza.
Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
Biex tindirizza r-riskji emerġenti u tiġġieled il-kriminalità finanzjarja, l-UE qed issaħħaħ il-qafas tagħha kontra l-ħasil tal-flus (AML). Dan jinkludi kontrolli aktar stretti, aktar trasparenza fit-tranżazzjonijiet finanzjarji u kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE.
L-istabbiliment ta' awtorità ġdida tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AMLA) ser ikollha rwol ċentrali fil-monitoraġġ tal-konformità u fl-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus fl-istati membri kollha.
Rieżami tal-ġestjoni tal-kriżijiet u l-assigurazzjoni tad-depożiti
F'dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet tal-istati membri spiss fittxew soluzzjonijiet barra mill-qafas tal-UE meta banek ta' daqs medju u iżgħar fallew fl-UE. Dan xi drabi wassal biex il-flus tal-kontribwenti jintużaw biex jappoġġaw banek li qed ifallu minflok ir-riżorsi interni meħtieġa tal-bank jew xbieki ta' sikurezza privati ffinanzjati mill-industrija, kif maħsub mill-qafas ta' riżoluzzjoni tal-banek tal-UE.
F'April 2023, b'reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet riforma tal-qafas għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI). Fid-19 ta' Mejju 2024, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-qafas billi adotta mandat ta' negozjar. Fil-25 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil dwar ir-rieżami, li jimmarka pass ieħor lejn it-tlestija tal-unjoni bankarja tal-UE.
Il-pakkett ta' riforma jinkludi proposti leġiżlattivi li jemendaw id-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, ir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni u d-direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti. Ir-rieżami għandu l-għan li jnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament billi jagħti lill-banek żgħar u ta' daqs medju aċċess għal xbieki ta' sikurezza ffinanzjati mill-industrija bħala għodda addizzjonali ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni u li jnaqqas id-dipendenza fuq ir-rikapitalizzazzjoni interna ta' depożitanti mhux assigurati.
- Risoluzzjoni bankarja: Iil-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim biex isaħħu l-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet (stqarrija għall-istampa, 25 ta' Ġunju 2025)
- Qafas għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Ġunju 2024)
Daisy Chains
Fis-26 ta' Marzu 2024, il-Kunsill adotta l-hekk imsejħa direttiva "daisy chains" bħala parti mir-riforma tal-qafas CMDI. Id-Direttiva temenda l-BRRD u l-SRMR. Tintroduċi sett ta' aġġustamenti mmirati li ser ikollhom rwol importanti fit-titjib tal-proporzjonalità tal-qafas.
L-aħħar reviżjoni: 25 ta' Ġunju 2025