Skip to content

Basel III: qafas regolatorju internazzjonali għall-banek

Sistema bankarja b'saħħitha hija essenzjali għall-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-UE u għall-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomija Ewropea. Mill-kriżi finanzjarja tal-2007–2008, il-mexxejja Ewropej u dawk internazzjonali implimentaw standards bankarji internazzjonali biex jiżguraw li l-banek ikunu sodi u jkunu jifilħu għall-maltempata ta' kwalunkwe kriżi futura potenzjali.

X'inhu Basel III?

Il-ftehimiet ta' Basel jirreferu għal serje ta' tliet ftehimiet sekwenzjali ta' regolamentazzjoni bankarja internazzjonali (Basel I, II u III) stabbiliti mill-Kumitat ta' Basel dwar is-superviżjoni bankarja (BCBS).

Il-BCBS fassal standards biex jiżgura li l-banek u istituzzjonijiet ta' kreditu oħra jżommu biżżejjed kapital u likwidità biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jassorbu t-telf mhux mistenni.

L-aħħar ftehim, Basel III, ġie miftiehem fil-livell internazzjonali biex jindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja globali tal-2007–2008.

Sabiex il-banek jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw għall-istandards il-ġodda u biex il-ġuriżdizzjonijiet jimplimentawhom fl-oqfsa legali tagħhom, Basel III ġie introdott gradwalment fuq għadd ta' snin, u partijiet kbar tal-ftehim issa huma fis-seħħ fl-UE.

Fit-30 ta' Mejju 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda li jwasslu għall-għeluq tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali ta' Basel III fid-dritt tal-UE. Fil-prattika, ir-regoli l-ġodda jemendaw ir-regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti ta' kapital.

It-tlestija ta' Basel III fil-qosor

Il-qafas ta' Basel jirrikjedi li l-banek jissodisfaw il-proporzjonijiet tal-kapital ibbażati fuq ir-riskju, b'enfasi fuq l-assi mwieżna għar-riskju (RWAs) ta' bank. Jenħtieġ li l-banek iżommu ċertu ammont ta' kapital regolatorju għall-RWAs tagħhom:

Proporzjon tal-kapital = Kapital regolatorju/RWAs

L-elementi finali ta' Basel III li qed jiġu implimentati bħalissa huma:

  • il-bidliet fl-approċċ standardizzat għad-determinazzjoni tal-RWAs: l-użu ta' parametri li huma definiti u kkalibrati b'mod ċar fir-regoli dwar il-kapital
  • il-bidliet fl-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (l-approċċ IRB), li jippermetti lill-banek stess jagħmlu stima tal-parametri użati fil-kalkolu tal-RWAs (jiġifieri l-introduzzjoni ta' minimi tal-input fuq il-parametri tal-approċċ IRB)
  • l-għażla li jintuża l-approċċ IRB tneħħiet għal ċerti tipi ta' skoperturi
  • il-minimu tal-output (kejl li jistabbilixxi limitu aktar baxx (il-minimu) fuq l-RWAs (l-output)), ikkalkulat mill-banek permezz tal-mudelli interni tagħhom, huwa stabbilit għal 72.5% tal-approċċ standardizzat
  • qafas ġdid tar-riskju operazzjonali: dan jirreferi għar-riskju ta' telf li jirriżulta minn proċessi interni inadegwati jew li fallew, minn persuni u sistemi, jew minn avvenimenti esterni

X'ġie miftiehem aktar?

Minbarra l-implimentazzjoni tal-parti finali tal-ftehim ta' Basel III, emendi oħra għar-Regolament 575/2013 (CRR) u għad-Direttiva 2013/36/UE (CRD) ġew miftiehma biex:

Ikona li turi par idejn jipproteġu żewġ werqiet, teħid bl-idejn u grupp ta' tliet persuni

tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-banek fir-rigward tar-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG)

ikoni li juru id li twaqqaf, fuq arloġġ tar-riskju u għajn f'ċirku tal-mira

jiġu żgurati superviżjoni u ġestjoni tar-riskju aktar b'saħħithom u aktar armonizzati tal-banek fl-UE kollha, b'mod partikolari fir-rigward ta' fergħat ta' banek ta' pajjiżi terzi awtorizzati fl-UE

ikona li turi id li twaqqaf, id oħra li qed toffri karti tal-flus lil persuna

tiġi mħarsa l-indipendenza tas-superviżuri bankarji

L-UE kif tiżgura l-istabbiltà bankarja u l-pragmatiżmu?

L-UE tfittex bilanċ bejn ir-regolamentazzjoni u l-innovazzjoni u, fl-istess ħin, tittratta fatturi fixkiela ġodda, bħall-kriżi klimatika u l-kriptovaluti.

Regolamentazzjoni li ma toħnoqx

Jenħtieġ li jiġu implimentati standards globali filwaqt li jiġi żgurat li l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja tal-UE jiġu rispettati. Jenħtieġ li r-regolamentazzjoni u l-innovazzjoni jeżistu flimkien biex jiġi evitat li s-settur bankarju jinħonoq.

Biex tikseb dan, l-UE qed tintroduċi gradwalment għadd ta' eżenzjonijiet għar-rekwiżit tal-minimu tal-output ta' Basel III. Dawn l-eżenzjonijiet jiffukaw fuq, fost l-oħrajn:

  • it-trattament ta' ċertu self ta' proprjetà immobbli b'"riskju baxx"
  • self lil korporazzjonijiet mhux ikklassifikati
  • finanzjament ta' oġġetti

L-UE ddeċidiet ukoll li tiżgura li l-minimu tal-output jiġi applikat fil-livell tal-entità individwali. Il-kapital għandu jinżamm fil-livelli kollha ta' grupp (kemm il-kumpanija omm kif ukoll is-sussidjarji), aktar milli fil-livell tal-kumpanija omm biss (applikazzjoni tal-grupp).

Dan jipproteġi lill-istati membri li jospitaw operazzjonijiet barranin permezz ta' sussidjarji ta' gruppi bankarji peress li, b'dan il-mod, is-sussidjarji ma għandhomx għalfejn jiddependu fuq appoġġ mill-bank omm tagħhom biex jifilħu għal kriżi.

Ħarsa ġenerali lejn is-settur bankarju

Fl-2020, kien hemm 5 441 bank fl-UE. L-istat membru bl-akbar għadd ta' banek kien il-Ġermanja (28% tat-total tal-UE), segwit mill-Polonja (11%), l-Awstrija u l-Italja (it-tnejn 9%); dan ifisser li aktar minn nofs il-banek kollha tal-UE kienu jinsabu f'dawn l-erbat istati membri.

Verżjoni testwali

L-għadd ta' banek fl-UE:

Ġermanja 1508

Polonja 621

Awstrija 492

Italja 475

Franza 408

Irlanda 301

Finlandja 228

Spanja 192

Żvezja 154

Portugall 144

Lussemburgu 129

Danimarka 100

Netherlands 87

Belġju 83

Litwanja 81

Rumanija 71

Ċekja 57

Latvja 50

Ungerija 42

Estonja 39

Greċja 35

Ċipru 29

Slovakkja 27

Bulgarija 24

Kroazja 24

Malta 24

Slovenja 16

Il-ġestjoni ta' attivitajiet bankarji transfruntieri: fergħat f'pajjiżi terzi

L-UE qablet ukoll dwar qafas ta' armonizzazzjoni minima għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' fergħat stabbiliti fl-istati membri minn banek inkorporati f'pajjiżi terzi (fergħat ta' pajjiżi terzi).

Dan il-qafas komuni tal-UE jeħtieġ li jinstab bilanċ delikat bejn ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni neċessarji u l-importanza tal-integrazzjoni tal-UE fis-swieq globali, is-sorsi ta' finanzjament u l-prodotti bankarji għaċ-ċittadini u d-ditti tal-UE.

Il-qafas jinkludi:

  • rekwiżiti stretti iżda proporzjonati ta' liċenzjar u ta' superviżjoni
  • eżenzjonijiet limitati għal ċerti tipi ta' ditti u tranżazzjonijiet
  • perjodu tranżitorju twil biżżejjed biex l-industrija taġġusta għall-qafas il-ġdid u għall-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti

Il-mitigazzjoni kontra r-riskji ġodda

L-UE tqis l-isfidi globali emerġenti, bħar-riskji finanzjarji marbuta mal-klima, maċ-ċibersigurtà, u mar-reżiljenza operazzjonali. Aspetti importanti tal-ftehim jikkonċernaw riskji marbuta mal-ambjent u l-kriptoassi.

Il-banek jaqdu rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. L-UE tirrikjedi li l-banek jintegraw ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) fl-istrutturi ta' governanza, l-oqfsa ta' ġestjoni tar-riskju u l-proċessi ta' ppjanar strateġiku tagħhom. Dan jinvolvi l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tar-riskji ESG bħala parti mill-prassi ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju.

Il-banek huma mħeġġa jqisu l-impatt tal-attivitajiet ta' self u investiment tagħhom fuq fatturi ambjentali u soċjali, kif ukoll kwistjonijiet ta' governanza. Barra minn hekk, il-banek ser ikunu meħtieġa:

  • iqisu l-għan tal-UE li tilħaq l-objettiv tan-newtralità karbonika sal-2050 u l-għanijiet ta' sostenibbiltà rilevanti maqbula tal-UE meta jwettqu kompiti ta' ġestjoni tar-riskji interni u ta' konformità
  • ikollhom skopertura għall-ponderazzjoni tar-riskji aktar baxxa għas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (40%) biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jiġi appoġġat ir-rwol tal-banek fil-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika

B'mod parallel, biex ikun hemm salvagwardja kontra instabbiltà potenzjali tal-kriptovaluti, ġew introdotti imposti kapitali għall-investimenti tal-banek fil-kriptoassi. Filwaqt li huma allinjati mar-regolament tal-UE dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA), dawn l-imposti ser joperaw fuq bażi tranżizzjonali sakemm l-istandards internazzjonali dwar it-trattament prudenzjali tal-kriptoassi – li bħalissa qed jiġu ffinalizzati fil-qafas ta' Basel – jiġu implimentati fl-UE.

Trasparenza tal-mexxejja bankarji

Il-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jiġi evitat li jinħatru persuni mhux idonei fil-bordijiet maniġerjali tal-banek, filwaqt li jiġu promossi wkoll id-diversità u l-bilanċ bejn il-ġeneri.

Entitajiet bankarji kbar ser ikollhom jaqsmu informazzjoni mas-superviżur tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-idoneità tal-kandidati għall-pożizzjonijiet ta' membru eżekuttiv u ta' president tal-bord tagħhom mill-inqas 30 jum qabel ma l-persuna maħtura tassumi l-pożizzjoni.

Meta l-membri tal-korp ta' ġestjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-idoneità, l-istati membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jipprevjenu l-ħatra tagħhom jew biex ineħħu lil dawk il-membri mill-korp maniġerjali.

X'inhuma l-vantaġġi għaċ-ċittadini tal-UE?

Il-ftehim bankarju l-ġdid mhux biss ser iġib stabbiltà fis-settur bankarju iżda ser ikollu wkoll riperkussjonijiet importanti għaċ-ċittadini.

Tliet muniti blu tal-euro ta' daqsijiet differenti li qed jibbilanċjaw bejn żewġ linji oranġjo inklinati

Stabbiltà Finanzjarja

Banek kapitalizzati tajjeb u regolati tajjeb jipprovdu stabbiltà finanzjarja, filwaqt li jnaqqsu r-riskju ta' fallimenti tal-banek li jista' jkollhom konsegwenzi devastanti għad-depożitanti u l-ekonomija usa'

ritratt blu tal-karti tal-flus taħt umbrella safra bi qtar tax-xita madwarha

Protezzjoni tad-depożitanti

Fl-UE, id-direttiva dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti tiżgura li d-depożitanti jkunu protetti sa ċertu limitu (€100 000) jekk il-bank tagħhom ifalli. Din il-protezzjoni tagħti liċ-ċittadini l-fiduċja li jżommu flushom fil-banek.

ritratt isfar ta' tlett idjar u diversi muniti blu tal-euro neżlin quddiemhom. Pjanta ta' binja fl-isfond.

Aċċess għall-kreditu u t-tfaddil u l-investiment

Meta l-banek jiffunzjonaw tajjeb, huwa aktar probabbli li jsellfu lill-konsumaturi għal ipoteki, self personali, prodotti ta' tfaddil, u lin-negozji għall-investiment. Dan l-aċċess għall-kreditu jappoġġa t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

Smartphone bi skrin vojt, imdawwar b'irċevuti diġitali u ikoni tal-cursor, b'ikona safra ta' marka ta' verifika u ikona safra ta' qoffa tax-xiri.

Servizzi ta' pagament

Sistema bankarja b'saħħitha tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal metodi ta' pagament effiċjenti u siguri, li jagħmluha aktar faċli li jitwettqu t-tranżazzjonijiet ta' kuljum.

Kaxxaforti b'muniti tad-deheb mifruxin ħdejha bi sfond ta' data finanzjarja.

Tfaddil u investiment

Il-banek joffru diversi prodotti ta' tfaddil u investiment li bihom iċ-ċittadini jkunu jistgħu jkattru ġidhom maż-żmien.

Munzell karti tal-flus quddiem graff b'linji telgħin 'il fuq.

It-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ internazzjonali

Meta l-banek ikunu stabbli u effiċjenti, ikunu jistgħu jallokaw kapital għal negozji u proġetti, li jixpruna l-espansjoni ekonomika fil-livell reġjonali u dak internazzjonali, għall-benefiċċju taċ-ċittadini permezz ta' żieda fl-opportunitajiet ta' impjieg u standards tal-għajxien ogħla.

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Settembru 2024