"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 18 ta' Frar 2020

Riżultati ewlenin

Lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

Illum il-Kunsill adotta konklużjonijiet riveduti dwar il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa.

Il-ħidma fuq il-lista ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa hija bbażata fuq proċess dettaljat ta' valutazzjoni, sorveljanza u djalogu ma' madwar 70 ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi. Minn meta bdejna dan l-eżerċizzju, 49 pajjiż implimentaw ir-riformi tat-taxxa meħtieġa biex jikkonformaw mal-kriterji tal-UE. Dan huwa suċċess mingħajr dubju. Iżda hija wkoll ħidma li għadha għaddejja u proċess dinamiku fejn il-metodoloġija u l-kriterji tagħna qed jiġu riveduti b'mod kostanti. Zdravko Marić, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Finanzi tal-Kroazja

Minbarra t-tmien ġurisdizzjonijiet li kienu diġà elenkati, l-UE ddeċidiet ukoll li tinkludi l-ġurisdizzjonijiet li ġejjin fil-lista tagħha ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa:

  • il-Gżejjer Cayman;
  • Palau;
  • il-Panama;
  • is-Seychelles.

Dawn il-ġurisdizzjonijiet ma implimentawx ir-riformi tat-taxxa li kienu impenjaw ruħhom li jwettqu sal-iskadenza maqbula.

L-Anness II tal-konklużjonijiet, li jkopri ġurisdizzjonijiet b'impenji pendenti, jirrifletti wkoll l-estensjonijiet tal-iskadenzi mogħtija lil 12-il ġurisdizzjoni biex dawn ikunu jistgħu jgħaddu r-riformi meħtieġa biex iwettqu l-impenji tagħhom. Il-biċċa l-kbira mill-estensjonijiet tal-iskadenzi jikkonċernaw pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju li diġà għamlu progress sinifikanti fit-twettiq tal-impenji tagħhom.

Sittax-il ġurisdizzjoni (Antigua u Barbuda, l-Armenja, il-Bahamas, Barbados, il-Belize, il-Bermuda, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, Cabo Verde, il-Gżejjer Cook, Curaçao, il-Gżejjer Marshall, il-Montenegro, Nauru, Niue, Saint Kitts u Nevis, il-Vjetnam) irnexxielhom jimplimentaw ir-riformi kollha meħtieġa biex jikkonformaw mal-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tal-UE qabel l-iskadenza miftiehma u għalhekk tneħħew mill-Anness II.

L-UE tippromwovi governanza tajba fil-qasam tat-taxxa madwar id-dinja.

Semestru Ewropew

Il-Kunsill adotta t-testi li ġejjin relatati mal-proċess ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tas-Semestru Ewropew 2020:

Ir-rakkomandazzjoni ser tkun adottata formalment mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu.

Is-Semestru Ewropew 2020 ser jintemm f'Lulju bl-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

Analiżi tal-governanza ekonomika

Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika tal-UE, ippubblikata fil-5 ta' Frar.

Ir-rieżami jivvaluta kemm kien effettiv il-qafas ta' sorveljanza ekonomika biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

  • li jiġu żgurati finanzi sostenibbli tal-gvern u tkabbir ekonomiku, kif ukoll jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi;
  • il-faċilitazzjoni ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi; u
  • il-promozzjoni tal-konverġenza fil-prestazzjoni ekonomika tal-istati membri

Il-pedamenti tal-arranġament attwali huma l-leġislazzjonijiet six-pack u two-pack li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet esposti mill-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji. Il-kuntest ekonomiku evolva materjalment minn mindu ġew stabbiliti r-regoli fl-2011 u fl-2013 rispettivament.

L-ekonomija Ewropea esperjenzat seba' snin ta’ tkabbir konsekuttiv. Bħalissa ebda stat membru mhu soġġett għall-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-hekk imsejħa "proċedura ta' defiċit eċċessiv", meta mqabbla mal-24 stat membru fl-2011.

Baġit tal-UE

Il-Kunsill adotta linji gwida għall-baġit tal-UE għall-2021.

Il-Kunsill iqis li l-baġit li jmiss għandu jiżgura bbaġitjar prudenti u jħalli marġnijiet suffiċjenti taħt il-limiti massimi sabiex jiġu indirizzati ċirkostanzi mhux previsti. Fl-istess ħin għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-programmi u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jikkontribwixxu l-aktar lejn il-kisba tal-politiki tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-baġit għandu jippermetti li l-impenji li diġà saru taħt il-QFP attwali jitħallsu fi żmien debitu, sabiex tiġi evitata kwalunkwe pretensjoni mhux imħallsa.

Il-ministri rrakkomandaw ukoll li l-Parlament Ewropew jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2018.

Riformi tal-VAT

Il-Kunsill adotta żewġ riformi tar-regoli eżistenti dwar il-VAT.

L-ewwel riforma tikkonċerna l-identifikazzjoni ta' frodi fiskali fi transazzjonijiet transfruntieri ta' kummerċ elettroniku. Ir-regoli l-ġodda ser jippermettu lill-istati membri jiġbru, b'mod armonizzat, ir-rekords li l-fornituri ta' servizzi ta' pagament, bħall-banek, jagħmlu disponibbli b'mod elettroniku. Barra minn hekk, ser tiġi stabbilita sistema elettronika ċentrali ġdida għall-ħżin tal-informazzjoni dwar il-ħlas u għall-ipproċessar ulterjuri ta' din l-informazzjoni minn uffiċjali nazzjonali kontra l-frodi.

It-tieni riforma tikkonċerna r-regoli tal-VAT applikabbli għal negozji żgħar. Ir-regoli l-ġodda ser inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' konformità għall-impriżi ż-żgħar u jgħinu biex jinħoloq ambjent fiskali li ser jgħin lill-SMEs jikbru u jwettqu kummerċ transfruntier.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025