Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 8 u 9 ta' Diċembru 2022

Ġustizzja (il-Ġimgħa 9 ta' Diċembru)

Il-ġlieda kontra l-impunità fl-Ukrajna

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-impunità fir-rigward ta' delitti mwettqa b'rabta mal-gwerra ta' aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna.

Pavel Blažek, Ministru għall-Ġustizzja taċ-Ċekja
Disa' xhur wara l-bidu tal-gwerra, ir-Russja qed tkompli bl-attakki orribbli u indiskriminati tagħha kontra ċ-ċittadini Ukreni u l-infrastruttura ċivili. Kuljum isiru skoperti ġodda ta' delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna. L-UE tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha u ser tkompli tappoġġa lill-awtoritajiet Ukreni u lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex jiżguraw li dawk responsabbli għal dawn id-delitti jwieġbu quddiem il-ġustizzja.
Pavel Blažek, Ministru għall-Ġustizzja taċ-Ċekja
Pavel Blažek, Ministru għall-Ġustizzja taċ-Ċekja

Il-konklużjonijiet jappellaw lill-istati membri u lill-korpi rilevanti tal-UE biex ikomplu jappoġġaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI). Jitolbu wkoll lill-istati membri biex jadottaw miżuri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-definizzjoni tar-reati kriminali internazzjonali l-aktar serji u modi ta' imputabilità u biex jippermettu l-eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni universali jew forom oħra ta' ġuriżdizzjoni domestika għal dawn id-delitti. L-istati membri għandhom isaħħu wkoll l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tar-reati kriminali internazzjonali l-aktar serji fi proċedimenti kriminali.

Irkupru u konfiska tal-assi

Il-ministri ddiskutew l-abbozz ta' direttiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Huma ffukaw b'mod partikolari fuq id-drittijiet proċedurali ta' persuni mhux suspettati. Ikkunsidraw jekk id-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv kif inklużi fil-proposta jipprovdux biżżejjed protezzjoni lill-persuni kollha affettwati mill-miżuri. Huma vvalutaw ukoll jekk jestendux id-dritt tad-difiża għal persuni li mhumiex dawk li qed jiġu akkużati bir-reat kriminali iżda li huma affettwati mill-miżuri.

Il-ministri esprimew appoġġ ġenerali għall-għoti ta' protezzjoni proċedurali lill-persuni kollha affettwati mill-miżuri, inkluż persuni mhux akkużati jew suspettati b'delitt, tal-inqas sa fejn previst fil-proposta. Abbażi tad-diskussjoni, issa ser tkompli l-ħidma fil-livell tekniku.

Kriminalità ambjentali

Il-Kunsill qabel dwar il-mandat tiegħu għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar id-direttiva dwar il-kriminalità ambjentali. Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali ambjentali. Hija tiddefinixxi l-kriminalità ambjentali b'mod aktar preċiż u żżid tipi ġodda ta' reati kriminali ambjentali. Tarmonizza wkoll il-livell tal-pieni għall-persuni fiżiċi u għall-ewwel darba għall-persuni ġuridiċi wkoll.

Diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

Illum il-Kunsill adotta l-mandat tiegħu għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament propost dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja u d-direttiva proposta li takkumpanjah. Dawn il-proposti ser itejbu l-effettività u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji u jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja.

Kawżi legali strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP)

Il-ministri ddiskutew għall-ewwel darba l-abbozz ta' direttiva kontra kawżi legali strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (direttiva kontra s-SLAPP). Huma ffukaw b'mod partikolari fuq il-ħtieġa għal salvagwardji adegwati kontra l-abbuż ta' proċedimenti ċivili filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm id-dritt għal aċċess effettiv għall-ġustizzja.

Din il-proposta għandha l-għan li tipproteġi lill-ġurnalisti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn litigazzjoni abbużiva mmirata biex dawn jissikktu. L-istati membri appoġġaw b'mod ġenerali l-għan tad-direttiva li tipproteġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Huma indikaw ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-salvagwardji proċedurali previsti fil-proposta ma jiġux abbużati u li l-aċċess tar-rikorrent għall-ġustizzja, li huwa wkoll dritt fundamentali, xorta ser jibqa' garantit. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mmirati bir-reqqa u f'konformità mad-dritt għal proċess ġust.

Il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu. Huma qiesu kif jistgħu jiġu massimizzati l-isforzi għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fil-livelli kollha u fis-soċjetà kollha, kif jiġu ssimplifikati b'mod effettiv id-diskussjonijiet, liema strumenti huma l-aktar fundamentali għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu online, x'qed jagħmlu l-istati membri biex itejbu r-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta' inċidenti antisemitiċi u x'azzjonijiet qed jittieħdu biex jiġu żgurati u allokati riżorsi finanzjarji adegwati fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

Drittijiet fundamentali

Il-ministri ddiskutew l-adeżjoni tal-UE għall-konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-elementi pendenti finali ta' dawn in-negozjati. In-negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa ssoktaw formalment mill-ġdid f'Ġunju 2020 u minn dak iż-żmien 'l hawn sar progress tajjeb ħafna, bi ftehimiet proviżorji milħuqa dwar għadd ta' elementi ewlenin.

Taħt punti oħra l-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE. L-enfasi tar-rapport ta' din is-sena hija fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet u tal-prattikanti tal-ġustizzja bħala atturi ewlenin fid-demokraziji tagħna.

Evidenza elettronika

Il-Presidenza rrapportat dwar il-progress li sar fil-proposti dwar l-evidenza elettronika. Hija informat lill-ministri dwar il-ftehim politiku proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fid-29 ta' Novembru. Bħalissa għaddejja ħidma teknika biex jiġu finalizzati t-testi legali sabiex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati lill-istati membri għall-approvazzjoni.

Il-proposti leġiżlattivi dwar l-evidenza elettronika għandhom l-għan li jħaffu l-aċċess għall-evidenza elettronika billi joħolqu qafas legali għal ordnijiet ġudizzjarji indirizzati direttament lil fornitur ta' servizz jew lir-rappreżentant legali tiegħu fi stat membru ieħor.

Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tan-network ġudizzjarju Ewropew
kontra ċ-ċiberkriminalità (EJCN) biex b'hekk jiġi appoġġat l-istabbiliment tas-Segretarjat formali tal-EJCN li għandu jiffunzjona bħala struttura ta' appoġġ meħtieġa għall-EJCN biex dan ikun jista' jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-prattikanti involuti fil-qasam taċ-ċiberkriminalità.

Affarijiet oħra

Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi attwali.

Il-Presidenza rrapportat ukoll dwar it-tħejjijiet u l-aġenda għal-laqgħa ministerjali li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, kif ukoll dwar l-eżitu tal-forum ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar il-konferenza dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li saret fi Praga fis-26 u s-27 ta' Ottubru. Din il-laqgħa tat ħarsa lejn l-iżviluppi fit-traspożizzjoni tad-direttiva dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u dwar il-protezzjoni tal-informaturi b'mod aktar ġenerali.

Il-Presidenza ppreżentat ukoll ir-riżultati tal-workshop dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja li sar fl-24 ta' Ottubru fi Brussell.

Il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati u imputati soġġetti għal arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża u dwar il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni.

Il-Presidenza Żvediża li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Affarijiet Interni (il-Ħamis 8 ta' Diċembru)

Żona Schengen

Illum il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja.

Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja
Ninsab kuntent ħafna li matul il-Presidenza Ċeka, il-Kroazja rnexxielha tieħu żewġ passi importanti fl-integrazzjoni Ewropea tagħha billi ssieħbet kemm maż-żona tal-euro kif ukoll maż-żona ta' Schengen. Ninsab fiduċjuż li dawn is-suċċessi ser iwittu t-triq għal stati membri oħra li jissodisfaw il-kondizzjonijiet biex jieħdu l-pass li jmiss fil-vjaġġi Ewropej tagħhom, u jien u l-kollegi tiegħi ser inkomplu naħdmu qatigħ biex niżguraw li nkunu nistgħu nilqgħu lill-Bulgarija u lir-Rumanija fil-familja ta' Schengen fil-futur qarib.
Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja
Vít Rakušan, Ministru għall-Intern taċ-Ċekja

Il-ministri taw ħarsa wkoll lejn l-istat ġenerali taż-żona Schengen, b'enfasi fuq il-miżuri ta' sigurtà interna inkluż l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti. Huma approvaw sensiela ta' azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, li jkopru tliet oqsma: iż-żamma ta' għarfien robust tas-sitwazzjoni, l-appoġġ għal azzjoni operazzjonali transfruntiera aktar b'saħħitha kontra networks kriminali u r-rwol tal-aġenziji tal-ĠAI u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Il-ministri approvaw ukoll il-kalendarju rivedut għad-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen aġġornata, li issa mistenni li jsir sas-7 ta' Marzu 2023.

Ażil u migrazzjoni

Il-Presidenza pprovdiet aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-fajls li jikkonċernaw l-ażil u l-migrazzjoni. Matul dawn l-aħħar xhur, il-ħidma intensiva ffukat prinċipalment fuq it-tfittxija ta' triq 'il quddiem fuq is-solidarjetà, ir-responsabbiltà u r-rispons għall-kriżijiet tal-migrazzjoni fl-UE. Il-ħidma biex dawn il-prinċipji jiġu integrati fit-testi leġiżlattivi ser tkompli taħt il-Presidenza Żvediża li jmiss. Il-Presidenza tat informazzjoni wkoll dwar l-iżviluppi pożittivi reċenti relatati mal-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li ppermettew li terġa' tinbeda l-ħidma fuq 5 proposti leġiżlattiva taħt il-Patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Il-ministri vvalutaw il-progress fil-ħidma li għaddejja fuq regolament biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Dan ir-regolament jippermetti lill-istati membri li jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' strumentalizzazzjoni li jidderogaw b'mod eċċezzjonali minn xi wħud mir-regoli komuni Ewropej dwar l-ażil, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat. Jipprevedi wkoll regoli speċifiċi dwar il-miżuri ta' appoġġ u solidarjetà li jistgħu jittieħdu f'sitwazzjoni bħal din.

Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom ukoll dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni tul ir-rotot migratorji ewlenin. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi indirizzata b'mod komprensiv id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, b'kont meħud tar-rotot kollha u li jsiru sforzi konġunti jew komplementari fejn ikun possibbli. Taħt dan il-punt, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan ta' azzjoni reċenti tagħha dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, li jsegwi l-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-Mediterran Ċentrali, maħruġ fil-21 ta' Novembru. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tipproponi pjanijiet ta' azzjoni dwar ir-rotot li fadal.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew kif tista' tittejjeb l-effettività tal-politika tal-UE dwar ir-ritorn. Huma ssottolinjaw l-importanza tal-viża bħala mezz ta' influwenza u approvaw skeda ta' żmien proposta mill-Presidenza filwaqt li ssottolinjaw il-ħtieġa li din l-influwenza tintuża f'oqsma differenti biex tittejjeb il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni.

Il-Kunsill adotta wkoll, bħala punti mingħajr diskussjoni, deċiżjoni ta' implimentazzjoni li żżid it-tariffa tal-viża applikata għaċ-ċittadini tal-Gambja għal €120, bil-ħsieb li ttejjeb il-kooperazzjoni tal-Gambja dwar ir-ritorn u r-riammissjoni taċ-ċittadini tagħha stess.

L-aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Ukreni fl-UE, b'mod partikolari
fir-rigward tal-faċilitajiet tal-akkomodazzjoni u l-akkoljenza, u dwar l-ippjanar ta' kontinġenza matul ix-xitwa. Skont l-aħħar ċifri, l-istati membri tal-UE qed jospitaw kważi 4 miljun refuġjat Ukren u mill-inqas 700 000 tifel u tifla huma rreġistrati fis-sistemi edukattivi.

Il-ministri evalwaw ukoll id-djalogu dwar is-sigurtà interna mal-Ukrajna biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà
kondiviża li jirriżultaw mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, inkluż is-sigurtà fuq il-fruntiera u r-riskju
ta' traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u kriminalità serja oħra.

Taħt affarijiet oħra l-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar ir-rispons għall-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra fl-Ukrajna, inkluż dwar l-isfidi reċenti fil-qasam tal-enerġija, ipprovdut fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni deċiżjoni li ma jaċċettax dokumenti Russi maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia. Dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f'reġjuni okkupati mir-Russja fl-Ukrajna jew territorji separatisti fil-Georgia, jew lil persuni residenti fihom, mhux ser jiġu aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-kisba ta' viża jew għall-qsim tal-fruntieri taż-żona Schengen.

Reżiljenza tal-infrastruttura kritika

Il-Kunsill adotta direttiva u rakkomandazzjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jsaħħu r-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi. Dawn l-entitajiet jipprovdu servizzi essenzjali li huma kruċjali għaż-żamma tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, l-attivitajiet ekonomiċi, is-saħħa u s-sigurtà pubblika, u l-ambjent. Jeħtieġ li dawn ikunu kapaċi jipprevjenu u jipproteġu kontra attakki ibridi, diżastri naturali, theddid terroristiku u emerġenzi tas-saħħa pubblika, u jirrispondu għalihom, ilaħħqu magħhom u jirkupraw minnhom.

Abbuż sesswali tat-tfal

Il-ministri evalwaw il-progress li sar fir-rigward tal-abbozz ta' regolament dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online. Id-diskussjonijiet fil-Kunsill saru fil-livell tekniku, li kkonkluda l-ewwel eżami tat-test sħiħ. Wara dan, il-Presidenza ppreżentat diversi proposti biex tirrevedi t-test, li b'mod partikolari jkopru s-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni, id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi online u s-superviżjoni, l-infurzar u l-kooperazzjoni. Il-ħidma fuq ir-regolament ser tkompli matul il-Presidenza Żvediża li jmiss tal-Kunsill.

Affarijiet oħra

Il-ministri ngħataw informazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jittrattaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-preżenza tal-grupp kontra t-terroriżmu (CTG).

Il-Presidenza għarrfet lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma dwar il-proposti leġiżlattivi attwali.

Il-Presidenza rrapportat ukoll dwar it-tħejjijiet u l-aġenda għal-laqgħa ministerjali li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, kif ukoll dwar l-eżitu tal-forum ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

Il-Presidenza tat informazzjoni dwar l-eżitu tal-konferenza ministerjali tal-proċess ta' Praga, fejn ġew adottati dikjarazzjoni konġunta u pjan ta' azzjoni għall-2023-2027.

Il-Portugall ippreżenta punt dwar il-ħatra tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM).

Il-Kummissjoni ppreżentat punt dwar it-tħejjija għan-nirien fil-foresti fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, wara l-istaġun intens tan-nirien fis-sajf li għadda fl-UE.

Il-Presidenza Żvediża li jmiss tal-Kunsill ippreżentat il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet tagħha għas-sitt xhur li ġejjin.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025