It-trasparenza fil-pagi fl-UE
L-UE trid issaħħaħ il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' regoli ġodda tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi.
Kif jistgħu jkunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini r-regoli tal-UE dwar it-trasparenza fil-pagi?
Fl-24 ta' April 2023, il-Kunsill adotta regoli ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi.
Din id-direttiva tal-UE għandha l-għan li tiġġieled id-diskriminazzjoni fil-pagi u tgħin tnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE.
Skont ir-regoli l-ġodda, il-kumpaniji tal-UE ser ikunu meħtieġa jaqsmu informazzjoni dwar il-pagi u jieħdu azzjoni jekk id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tagħhom taqbeż il-5%.
Id-direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar kumpens għall-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi u dwar penali, li jinkludu multi, għal impjegaturi li jiksru r-regoli.
Ir-regoli l-ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi għandhom jgħinu biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-pagi fuq il-post tax-xogħol u jikkontribwixxu biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri.
It-trasparenza fil-pagi tista' ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiema biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta' sett ta' miżuri vinkolanti.
In-nuqqas ta' trasparenza fil-pagi ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin biex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, li għadha madwar 11%. Dan ifisser li bħala medja n-nisa jaqilgħu fis-siegħa 11% inqas mill-irġiel, għall-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur (data tal-Eurostat mill-2023).
Id-differenza fil-pagi tħalli impatt fit-tul fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nisa, fuq ir-riskju li jkunu esposti għall-faqar u fuq id-differenza persistenti bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, li hija madwar 25% fl-UE, (data tal-Eurostat mill-2024).
Id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE: fatti u ċifri
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha jagħmluha saħansitra aktar urġenti li tiġi indirizzata din il-kwistjoni: il-pandemija kompliet tenfasizza l-isfidi li ilhom jeżistu relatati mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hekk kif in-nisa ħadu sehem akbar mir-responsabbiltajiet tal-kura matul dan il-perjodu.
Kif inhu maħsub li r-regoli l-ġodda tal-UE ser iżidu t-trasparenza u l-infurzar fil-pagi?
Aċċess għal informazzjoni
Ir-regoli l-ġodda ser jagħmluha obbligatorja għall-impjegaturi li jinfurmaw lil dawk li qed ifittxu impjieg dwar is-salarju inizjali jew il-firxa tal-paga tal-pożizzjonijiet reklamati, kemm fl-avviż ta' pożizzjoni vakanti inkella qabel ma ssir l-intervista.
Apparti minn hekk, l-impjegaturi mhux ser jitħallew jistaqsu lill-kandidati dwar il-pagi preċedenti tagħhom.
Ladarba jkunu fir-rwol, il-ħaddiema ser ikunu intitolati li jistaqsu lill-impjegaturi tagħhom għal informazzjoni dwar:
- il-livelli tal-paga medja, imqassma skont is-sess, għall-kategoriji ta' impjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol ta' valur ugwali
- il-kriterji użati biex jiġu ddeterminati l-pagi u l-progress fil-karriera, li jridu jkunu oġġettivi u newtrali għall-ġeneru
Obbligu ta' rapportar
Il-kumpaniji b'aktar minn 250 impjegat ser ikunu meħtieġa jirrapportaw kull sena dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-organizzazzjoni tagħhom lill-awtorità nazzjonali rilevanti.
Għal organizzazzjonijiet iżgħar, l-obbligu ta' rappurtar ser iseħħ kull tliet snin. L-organizzazzjonijiet b'inqas minn 100 impjegat mhu ser ikollhom l-ebda obbligu ta' rappurtar.
Jekk ir-rapport jiżvela differenza fil-pagi ta' aktar minn 5% li ma tistax tiġi ġġustifikata permezz ta' kriterji oġġettivi u newtrali għall-ġeneru, il-kumpaniji ser ikunu meħtieġa jieħdu azzjoni fil-forma ta' valutazzjoni konġunta tal-pagi mwettqa f'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Aċċess għall-ġustizzja
Skont id-direttiva l-ġdida, il-ħaddiema li sofrew diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri jistgħu jirċievu kumpens, li jinkludi l-irkupru sħiħ tal-paga b'lura u bonusijiet jew pagamenti in natura relatati.
Filwaqt li tradizzjonalment l-oneru tal-provi f'każijiet ta' diskriminazzjoni fil-pagi waqa' fuq l-impjegat, issa ser ikun f'idejn l-impjegatur li jagħti prova li ma kisirx ir-regoli tal-UE dwar il-paga ugwali u t-trasparenza fil-pagi. Il-penali għall-ksur iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u ser jinkludu multi.
Kamp ta' applikazzjoni usa'
Għall-ewwel darba, id-diskriminazzjoni intersezzjonali (il-kombinazzjoni ta' diversi forom ta' inugwaljanza jew żvantaġġ, bħall-ġeneru u l-etniċità jew is-sesswalità) ġiet inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Id-direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-ħaddiema b'diżabbiltà jiġu kkunsidrati.
Ir-regoli l-ġodda kif jindirizzaw il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni?
It-trasparenza fil-pagi għandha tippermetti lill-ħaddiema jindunaw b'diskriminazzjoni possibbli bejn in-nisa u l-irġiel u jikkontestawha.
Il-preġudizzju bejn il-ġeneri fis-sistemi tal-pagi u l-klassifikazzjoni tal-impjiegi li ma tistmax ix-xogħol tan-nisa daqs tal-irġiel u b'mod newtrali għall-ġeneru huma komuni ħafna.
Peress li dan il-preġudizzju spiss isir inkonxjament, it-trasparenza fil-pagi tista' tgħin biex tissensibilizza lill-impjegaturi għall-kwistjoni u tgħinhom jidentifikaw differenzi diskriminatorji fil-pagi bbażati fuq il-ġeneru li ma jistgħux jiġu spjegati minn fatturi diskrezzjonali validi u li spiss ma jkunux intenzjonati.
Informazzjoni ġenerali u kronoloġija
Id-dritt għal paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali huwa minqux fl-Artikolu 157 TFUE u fid-direttiva 2006/54/KE dwar paga ugwali.
Madankollu, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan il-prinċipju ilhom ta' sfida għal żmien twil. Parti mir-raġuni hi li d-diskriminazzjoni fil-pagi spiss ma tinqabadx minħabba nuqqas ta' trasparenza fil-pagi, li jfisser li l-vittmi ma jitħallewx jieħdu azzjoni.
It-trasparenza fil-pagi bejn il-ġeneri ġiet inkluża bħala prijorità ewlenija fl-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025. Fl-4 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi.
L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma li:
- tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiema biex jinfurzaw id-dritt tagħhom għal paga ugwali permezz ta' sett ta' miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi (qabel u wara l-impjieg)
- tissaħħaħ it-trasparenza tas-sistemi tal-pagi
- jitjieb l-għarfien tal-pubbliku dwar il-kunċetti legali rilevanti
- jiżdied l-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa
l-proposta kienet it-tweġiba għall-appell tal-Kunsill ta' Ġunju 2019 biex jiġu żviluppati miżuri konkreti biex tiżdied it-trasparenza fil-pagi, u segwiet appelli ripetuti għal aktar azzjoni f'dan il-qasam.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-Kunsill adotta pożizzjoni (approċċ ġenerali) dwar id-direttiva f'Diċembru 2021.
Matul id-diskussjonijiet fil-Kunsill tqajmu għadd ta' kwistjonijiet:
- il-proporzjonalità u l-interferenza fis-sistemi nazzjonali
- iż-żieda fil-piżijiet finanzjarji u amministrattivi għall-impjegaturi (speċjalment l-impjegaturi mikro u żgħar)
- il-kandidati għall-impjieg
- ir-rimedji u l-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-prinċipju tal-paga ugwali
Il-proporzjonalità u l-interferenza fis-sistemi nazzjonali
Matul id-diskussjonijiet fil-Kunsill, kien hemm sforz qawwi biex jiġi indirizzat it-tħassib relatat mal-proporzjonalità tas-soluzzjonijiet proposti. Ġew emendati diversi dispożizzjonijiet sabiex jiġi ċċarat li l-proposta ma għandhiex tinterferixxi fil-mudelli nazzjonali tas-suq tax-xogħol.
Il-pożizzjoni finali tal-Kunsill tqis ir-rwol tas-sħab soċjali u l-awtonomija tad-djalogu soċjali. Barra minn hekk, diversi kunċetti ewlenin fil-proposta ġew definiti mill-ġdid jew iċċarati aktar sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe dubju fit-tifsira tat-terminoloġija u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva.
Iż-żieda fil-piżijiet finanzjarji u amministrattivi għall-impjegaturi (speċjalment l-impjegaturi mikro u żgħar)
Issemma tħassib dwar il-piż amministrattiv u finanzjarju previst għall-impjegaturi fl-implimentazzjoni tal-obbligi tat-trasparenza fil-pagi.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-possibbiltà li intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju jkunu eżentati minn xi wħud mill-obbligi, fost tħassib dwar obbligi eċċessivi ta' rappurtar ta' data. Il-presidenza żammet il-livell limitu ta' 250 ħaddiem fil-proposta ta' kompromess tagħha kif ukoll l-element tar-rappurtar tad-data. Madankollu, introduċiet diversi eżenzjonijiet għal impjegaturi mikro u żgħar u ċċarat il-kriterji li għandhom jintużaw meta jiġi applikat il-kunċett ta' xogħol ta' valur ugwali.
Il-kandidati għall-impjieg
Ma kienx ċar jekk il-proposta tkoprix l-applikanti għall-impjieg (għall-kuntrarju ta' persuni li għandhom impjieg). It-test ta' kompromess finali jiċċara li għall-fini ta' trasparenza fil-pagi qabel l-impjieg id-direttiva tapplika wkoll għall-applikanti għal impjieg.
Rimedji u infurzar ta' drittijiet u obbligi marbuta mal-prinċipju ta' paga ugwali
L-istati membri esprimew tħassib dwar jekk id-dispożizzjonijiet kinux dettaljati żżejjed u jekk kinux ser joħolqu interferenza fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Il-pożizzjoni finali tal-Kunsill tippermetti aktar flessibbiltà lill-istati membri filwaqt li żżomm l-elementi ewlenin meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' paga ugwali.
Tqis ukoll il-mudelli differenti tas-suq tax-xogħol kif ukoll ir-rwol tas-sħab soċjali. Tinkludi eżenzjonijiet u derogi għall-impjegaturi mikro u żgħar biex jiġi minimizzat l-impatt finanzjarju u amministrattiv ta' dispożizzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, toffri aktar flessibbiltà lill-istati membri għall-infurzar tal-proposta.
Negozjati mal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, immexxi mill-presidenza Ċeka, laħqu qbil politiku fil-15 ta' Diċembru 2022. Il-Parlament Ewropew adotta d-direttiva fil-plenarja tiegħu tat-30 ta' Marzu 2023.
Adozzjoni fil-Kunsill
Id-direttiva l-ġdida dwar it-trasparenza fil-pagi ġiet adottata mill-Kunsill fl-24 ta' April 2023.
Dħul fis-seħħ
Id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi ser tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Imbagħad, il-pajjiżi tal-UE jkollhom sa tliet snin biex ''jittrasponu'' d-direttiva billi jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex tqis ir-regoli l-ġodda.
L-impenn tal-UE għal kwistjonijiet soċjali
Il-politiki dwar l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE. Dan ifisser li l-gvernijiet nazzjonali jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bħar-regolamentazzjoni tal-pagi, is-sistemi tal-pensjonijiet u l-età tal-irtirar, u l-benefiċċji tal-qgħad.
Id-direttiva dwar it-trasparenza fil-pagi hija parti mill-ħidma tal-UE biex tappoġġa lill-istati membri b'liġijiet, fondi u għodod biex jikkoordinaw aħjar il-politiki nazzjonali, jippromwovu l-impjieg, itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, jipprovdu protezzjoni soċjali xierqa u jiġġieldu l-esklużjoni soċjali.
Immexxu 'l quddiem Ewropa Soċjali aktar b'saħħitha (Infografika)
Ara wkoll
Ugwaljanza bejn il-ġeneri
Nondiskriminazzjoni
Drittijiet tax-xogħol
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' April 2026