Skip to content

Il-politika dwar it-trasport ferrovjarju

L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw network ferrovjarju konness aħjar, sikur u sostenibbli.

L-UE għandha wieħed mill-aktar networks ferrovjarji densi fid-dinja, madankollu s-sistemi ferrovjarji nazzjonali madwar l-UE jvarjaw.

Il-proċess għat-titjib tal-kompatibbiltà tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali tal-istati membri tal-UE beda fis-snin disgħin, bl-għan aħħari li jiġi żviluppat network ferrovjarju effiċjenti u kompetittiv għall-UE kollha – iż-żona ferrovjarja unika Ewropea.

Il-politika ferrovjarja hija parti mill-politika dwar it-trasport tal-UE li għandha l-għan li tikseb mobbiltà konnessa, sostenibbli, inklużiva, sikura u sigura madwar l-UE.

Xi ċifri dwar it-trasport ferrovjarju fl-UE

5.1% tal-mobbiltà tal-passiġġieri fl-UE hija pprovduta mill-ferroviji (2020, Kummissjoni Ewropea)

0.4% biss tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport fl-UE jirriżultaw mit-trasport ferrovjarju, u għalhekk dan huwa mezz tat-trasport ekoloġiku

1.9% biss tal-konsum tal-enerġija mit-trasport tal-UE jista' jiġi attribwit għat-trasport ferrovjarju

Il-politika ferrovjarja spjegata

L-espansjoni u l-armonizzazzjoni tas-settur ferrovjarju tal-UE ffaċċaw għadd ta' sfidi tul is-snin li naqqsu r-ritmu tal-proċess tal-integrazzjoni tal-UE fis-settur. Dan huwa minħabba:

  • frammentazzjoni tradizzjonali tal-ferroviji Ewropej minħabba sistemi nazzjonali awtonomi kumplessi
  • effiċjenza, flessibbiltà u affidabbiltà baxxi tas-servizz, b'mod partikolari għall-merkanzija

Dawn l-isfidi pprevenew aktar tkabbir tas-sehem tas-settur ferrovjarju fix-xenarju tal-mobbiltà tal-Ewropa, minkejja d-domanda mill-konsumaturi u l-potenzjal tat-trasport ferrovjarju li joffri soluzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima.

Biex tissaħħaħ il-politika ferrovjarja tal-UE, f'dawn l-aħħar snin l-UE adottat erba' pakketti ferrovjarji li għandhom l-għan li:

  • jiftħu s-suq ferrovjarju għall-kompetizzjoni
  • jsaħħu l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali
  • jiddefinixxu qafas għal żona ferrovjarja unika Ewropea

L-erba' pakketti leġiżlattivi ġew adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew bejn l-2001 u l-2016. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet komuni dwar:

  • il-liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju
  • il-liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji u ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji
  • rekwiżiti tas-sikurezza
  • il-ħolqien ta' aġenzija Ewropea għall-ferroviji u korpi regolatorji ferrovjarji f'kull stat membru
  • drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji

Ir-raba' u l-aħħar pakkett ferrovjarju, li jinkludi sitt atti leġiżlattivi u li jiffoka fuq l-elementi finali tal-ftuħ tas-suq ferrovjarju u ż-żieda tal-kompetittività tiegħu, daħal fis-seħħ fl-2021.

Żona ferrovjarja unika Ewropea

Iż-żona ferrovjarja unika Ewropea hija sistema mifruxa mal-UE kollha ta' networks ferrovjarji li tippermetti l-espansjoni tas-settur ferrovjarju abbażi tal-kompetizzjoni, l-armonizzazzjoni teknika u l-iżvilupp konġunt ta' konnessjonijiet transfruntiera, billi:

  • tiftaħ u tirristruttura s-suq ferrovjarju
  • iżżid il-kompetittività u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji ferrovjarji
  • tiżviluppa l-infrastruttura biex tiżgura l-interoperabbiltà
  • ittejjeb l-effiċjenza fl-użu u s-sikurezza tal-infrastruttura
  • tiżgura prezzijiet ġusti għall-konsumaturi

Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

Fil-kuntest usa' tal-politika tat-trasport tal-UE, inkluż it-trasport ferrovjarju, in-Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandu l-għan li joħloq network ta' disa' kurituri ewlenin li jgħaqqdu l-linji ferrovjarji mat-toroq, mal-passaġġi fuq l-ilma interni, mar-rotot marittimi, mal-portijiet u mal-ajruporti madwar l-UE. L-għanijiet huma li:

  • jiġu konnessi l-pajjiżi tal-UE biex jiġi ffaċilitat it-trasport transfruntier tal-persuni u tal-provvisti
  • tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali
  • tiġi żgurata l-interkonnettività bejn il-modi tat-trasport
  • tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn trasport sostenibbli

Bħalissa qed issir reviżjoni tar-regoli tat-TEN-T. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-regolament TEN-T rivedut f'Diċembru 2023.

Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Istrateġija tagħha għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti f'Diċembru 2020. L-istrateġija tiddeskrivi l-għanijiet tal-UE għas-settur tat-trasport għad-deċennji li ġejjin: li tistabbilixxi mobbiltà ekoloġika, intelliġenti u reżiljenti. Għas-settur ferrovjarju, l-istrateġija tappella għall-irdoppjar tal-ferroviji b'veloċità għolja sal-2030 fl-UE.

F'Ġunju 2021, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar dan is-suġġett. Il-Kunsill laqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni u ssottoskriva għall-viżjoni ambizzjuża tagħha għas-settur tat-trasport u l-kontribut tagħha għas-sostenibbiltà matul is-snin u d-deċennji li ġejjin.

F'Ġunju 2021, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar il-ferroviji. Il-ministri tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar it-trasport ferrovjarju kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija fl-UE. Huma tennew ukoll l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ferroviji fid-dawl ta' kriżi u li jitkompla l-investiment fl-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali u konnettività aħjar.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Il-politika ferrovjarja tal-UE hija appoġġata minn għadd ta' programmi ta' finanzjament, inkluż il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li tiffinanzja proġetti ta' investiment strateġiċi fl-oqsma tat-trasport, dak diġitali u tal-enerġija.

Ir-regolament japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021. Is-settur tat-trasport ser jirċievi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament (madwar €25 biljun minn €33 biljun), li minnhom l-akbar sehem ser ikun iddedikat għall-ferroviji.

Sena Ewropea tal-Ferroviji

L-2021 intgħażlet mill-UE bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji – inizjattiva għall-promozzjoni tat-trasport ferrovjarju bħala soluzzjoni sostenibbli, innovattiva u sikura għall-mobbiltà fl-Ewropa.

Fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji, il-presidenza Portugiża tal-Kunsill u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill organizzaw konferenza online dwar it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

F'Lulju 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposta dwar miżuri ġodda għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni aħjar tat-traffiku ferrovjarju Ewropew. Il-proposta qed tiġi diskussa bħalissa fil-Kunsill.