Trasport ferrovjarju
L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw network ferrovjarju konness aħjar, sikur u sostenibbli.
Interkonnettività ferrovjarja u s-sostenibbiltà
L-UE għandha wieħed mill-aktar networks ferrovjarji densi fid-dinja, madankollu s-sistemi ferrovjarji nazzjonali madwar l-UE jvarjaw.
Il-proċess għat-titjib tal-kompatibbiltà tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali tal-istati membri tal-UE beda fis-snin disgħin, bl-għan aħħari li jiġi żviluppat network ferrovjarju effiċjenti u kompetittiv għall-UE kollha – iż-żona ferrovjarja unika Ewropea.
Trasport ferrovjarju fl-UE f'ċifri
5.1% tal-mobbiltà tal-passiġġieri fl-UE hija pprovduta mill-ferroviji.
0.4% biss tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport fl-UE jirriżultaw mit-trasport ferrovjarju, u għalhekk dan huwa mezz tat-trasport ekoloġiku.
1.9% biss tal-konsum tal-enerġija mit-trasport tal-UE jista' jiġi attribwit għat-trasport ferrovjarju.
Biex tissaħħaħ il-politika ferrovjarja tal-UE, l-UE adottat erba' pakketti ferrovjarji li għandhom l-għan li:
- jiftħu s-suq ferrovjarju għall-kompetizzjoni
- jsaħħu l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali
- jiddefinixxu qafas għal żona ferrovjarja unika Ewropea
L-erba' pakketti leġiżlattivi jinkludu dispożizzjonijiet komuni dwar:
- il-liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju
- il-liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji u ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji
- rekwiżiti tas-sikurezza
- il-ħolqien ta' aġenzija Ewropea għall-ferroviji u korpi regolatorji ferrovjarji f'kull stat membru
- drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji
F'Novembru 2025, il-Kunsill laħaq ukoll ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew biex jarmonizzaw, jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw il-ġestjoni tal-kapaċità disponibbli għall-ferroviji fuq in-network ferrovjarju tal-UE, kemm fl-istati membri kif ukoll bejniethom.
- Servizzi ferrovjarji aħjar: il-Kunsill jadotta l-pilastru tas-suq tar-raba' pakkett ferrovjarju (stqarrija għall-istampa, 17 ta' Ottubru 2016)
- Titjib fid-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji adottati mill-Kunsill (stqarrija għall-istampa, 25 ta' Jannar 2021)
- Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar regoli għal ġestjoni aħjar u użu akbar tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Ewropa (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Novembru 2025)
Żona ferrovjarja unika Ewropea
Iż-żona ferrovjarja unika Ewropea hija sistema mifruxa mal-UE kollha ta' networks ferrovjarji li tippermetti l-espansjoni tas-settur ferrovjarju abbażi tal-kompetizzjoni, l-armonizzazzjoni teknika u l-iżvilupp konġunt ta' konnessjonijiet transfruntieri, billi:
- tiftaħ u tirristruttura s-suq ferrovjarju
- iżżid il-kompetittività u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji ferrovjarji
- tiżviluppa l-infrastruttura biex tiżgura l-interoperabbiltà
- ittejjeb l-effiċjenza fl-użu u s-sikurezza tal-infrastruttura
- tiżgura prezzijiet ġusti għall-konsumaturi
Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Istrateġija tagħha għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti f'Diċembru 2020. L-istrateġija tiddeskrivi l-għanijiet tal-UE għas-settur tat-trasport għad-deċennji li ġejjin: li tistabbilixxi mobbiltà ekoloġika, intelliġenti u reżiljenti. Għas-settur ferrovjarju, l-istrateġija tappella għall-irdoppjar tal-ferroviji b'veloċità għolja sal-2030 fl-UE.
F'Ġunju 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar dan is-suġġett. Il-Kunsill laqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni u ssottoskriva għall-viżjoni ambizzjuża tagħha għas-settur tat-trasport u l-kontribut tagħha għas-sostenibbiltà matul is-snin u d-deċennji li ġejjin.
F'Ġunju 2021, il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar il-ferroviji. Il-ministri tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar it-trasport ferrovjarju kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija fl-UE. Huma tennew ukoll l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ferroviji fid-dawl ta' kriżi u li jitkompla l-investiment fl-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali u konnettività aħjar.
Bħala parti mill-pakkett dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja fil-11 ta' Lulju 2023. Din l-inizjattiva tinkludi miżuri mmirati lejn ġestjoni u koordinazzjoni aħjar tal-kapaċità ferrovjarja, u b'hekk lejn żieda fl-istess kapaċità. Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu dwar il-proposta f'Ġunju 2024 u bħalissa qed jinnegozja l-forma finali tal-proposta mal-Parlament.
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
Il-politika ferrovjarja tal-UE hija appoġġata minn għadd ta' programmi ta' finanzjament, inkluż il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li tiffinanzja proġetti ta' investiment strateġiċi fil-qasam tat-trasport, dak diġitali u tal-enerġija.
Ir-regolament japplika b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2021. Is-settur tat-trasport ser jirċievi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament (madwar €25 biljun minn €33 biljun), li minnhom l-akbar sehem ser ikun iddedikat għall-ferroviji.
Sikurezza u drittijiet tal-passiġġieri
Il-ferroviji tal-Ewropa huma fost l-aktar sikuri fid-dinja. Biex tħaddem ferroviji fin-network Ewropew, kull kumpanija ferrovjarja trid tissodisfa l-istandards armonizzati tas-sikurezza stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Ir-rwol tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea
L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) tiżviluppa approċċi komuni għas-sikurezza, filwaqt li taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati mis-settur ferrovjarju kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet interessati oħra. B'unità tas-sikurezza ddedikata, l-ERA timmonitorja u tirrapporta wkoll dwar is-sikurezza ferrovjarja fl-UE.
Drittijiet tal-passiġġieri
Fl-2021, l-UE rrevediet ir-regoli tagħha dwar il-passiġġieri tal-ferroviji biex tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari dawk b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa. Id-dispożizzjonijiet jappoġġaw ukoll il-mobbiltà nadifa billi jagħmluha aktar faċli li l-vjaġġaturi jtellgħu r-roti tagħhom fuq il-ferroviji.
Ir-regoli riveduti jobbligaw lill-impriżi ferrovjarji jinstallaw spazji għar-roti u jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-kapaċità disponibbli għar-roti. Bħala regola ġenerali, jeħtieġ li jkun hemm mill-inqas erba' postijiet għar-roti fuq kull ferrovija Ewropea.
Ir-regoli ġodda daħlu fis-seħħ f'Ġunju 2021.
Aktar informazzjoni dwar mezzi oħra ta' trasport
Aqra dwar il-politiki tal-UE dwar it-trasport bl-ajru, bit-triq u bil-baħar.
Kontenut relatat
Trasport konness aħjar
Trasport aktar ekoloġiku
Trasport aktar sikur
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' April 2026