"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Riċerka u spazju), 29 ta' Novembru 2024

Riżultati ewlenin

Riċerka

It-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u li tingħeleb il-frammentazzjoni tagħha

Il-ministri responsabbli għar-riċerka bdew il-parti tar-Riċerka tal-Kunsill COMPET billi approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE, it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u li tingħeleb il-frammentazzjoni tagħha.

Il-ministri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jsaħħu l-kompetittività, il-prosperità u n-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 permezz ta' politiki mtejba ta' riċerka u innovazzjoni (R&I). Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa li titrawwem l-eċċellenza xjentifika, l-innovazzjoni fixkiela, u li jiġu indirizzati sfidi bħat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u s-sigurtà ekonomika. Il-konklużjonijiet jappellaw biex jitnaqqas id-distakk bejn l-istati membri u jiżdiedu l-investimenti fir-R&I biex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PDG sal-2030 u tiġi promossa kollaborazzjoni nazzjonali u tal-UE. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza tal-għarfien, it-talent, u t-tfassil ta' politika mnebbaħ mill-evidenza fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-pożizzjoni globali tal-UE. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) ser tkun vitali għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tal-ekosistema tar-R&I u għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fost l-istati membri. It-test jappoġġa governanza aħjar taż-ŻER f'oqsma bħax-xjenza miftuħa, l-ekosistemi tal-innovazzjoni, u l-infrastrutturi ta' riċerka, filwaqt li jippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tat-talent u l-mobbiltà tar-riċerkaturi. Fl-aħħar nett, iħeġġeġ il-ħolqien ta' ambjent favur l-investituri għan-negozji ġodda, li jinċentiva l-investimenti privati u finanzjament flessibbli għat-tkabbir teknoloġiku tal-Ewropa.

L-isfruttar tal-potenzjal tal-bijoekonomija tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant

Il-ministri approvaw ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar inizjattiva potenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni mal-Ewropa kollha dwar l-avvanz tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, is-sigurtà tas-sistemi tal-ikel u l-implimentazzjoni tal-bijoekonomija, filwaqt li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw il-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa bħala essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-2030 u l-2050 u biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa permezz ta' bijoekonomija ċirkolari. It-test jappella għal aktar kollaborazzjoni tranżnazzjonali, b'mod partikolari mal-pajjiżi ġirien (il-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi kandidati), biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-ġestjoni tar-riżorsi u s-sigurtà tal-ikel, u jirrikonoxxi l-ħidma tal-BIOEAST, inizjattiva li tgħaqqad lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant biex titrawwem il-bijoekonomija ċirkolari, għar-rwol tagħha fil-koordinazzjoni tar-riċerka rilevanti. Fl-aħħar nett, il-konklużjonijiet jistiednu lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' inizjattiva potenzjali ġdida tar-R&I fil-qasam tal-bijoekonomija.

Materjali avvanzati

Il-ministri approvaw ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar materjali avvanzati.

Il-Kunsill jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-domanda dejjem tikber għal materjali avvanzati fl-Ewropa u jappella għal riċerka u innovazzjoni (R&I) aċċellerati biex tkompli tiġi żviluppata l-ekosistema tal-materjali avvanzati. Dawn il-materjali għandhom ikunu sikuri, sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi biex jappoġġaw lill-Patt Ekoloġiku u l-ekonomija ċirkolari. Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati membri jtejbu s-sigurtà tar-riċerka, jidentifikaw objettivi komuni u jaġġornaw l-oqsma prijoritarji tar-R&I, kif meħtieġ. Iqis is-suġġeriment li tinħoloq infrastruttura diġitali għall-materjali avvanzati, li tibni fuq infrastrutturi eżistenti bħall-EuroHPC u l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni tevita piż amministrattiv għall-istati membri meta tistabbilixxi Kunsill tat-Teknoloġija għall-Materjali Avvanzati. Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat, bl-użu ta' inizjattivi bħas-sħubija "Materjali Innovattivi għall-UE" jew Proġetti ta' Interess Ewropew Komuni biex jiġi attirat finanzjament privat. Il-Kunsill jappella wkoll għal sinerġiji aktar b'saħħithom bejn il-fondi tal-UE, għal appoġġ għall-innovaturi u l-SMEs, u għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, filwaqt li jinnota t-tnedija ta' "Akkademja ta' Materjali Avvanzati." Fl-aħħar nett, jenfasizza l-implikazzjonijiet etiċi u dawk għas-soċjetà tal-materjali avvanzati, inkluż l-impatt tagħhom fuq is-saħħa u l-ambjent.

Il-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-kompetittività tal-UE

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-kompetittività tal-UE. Id-dibattitu kien iggwidat minn nota mħejjija mill-presidenza Ungeriża.

In-nota tfakkar li r-rapport ta' Mario Draghi "The future of European competitiveness" jissottolinja r-rwol kritiku tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġi mmotivata l-produttività u l-kompetittività tal-Ewropa, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eliminat id-distakk fl-innovazzjoni ma' ekonomiji globali oħra. Ir-rapport ta' Draghi jipproponi diversi miżuri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-innovazzjoni Ewropea u biex l-ekosistema tibda timxi 'l quddiem.

Dawn jinkludu:

  • it-titjib tal-finanzjament tal-innovazzjoni, tan-negozji ġodda u tan-negozji li qed jespandu
  • it-tħejjija tal-10 programm qafas għar-R&I li għandu jkun aktar sempliċi u aktar effettiv
  • il-promozzjoni tal-eċċellenza akkademika l-investiment f'infrastruttura tar-riċerka minn ta' quddiem nett fix-xena globali
  • koordinazzjoni aħjar tal-politiki biex tintlaħaq il-mira li 3 % tal-PDG jiġi ddedikat għar-R&D is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju

Il-ministri esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar tliet kwistjonijiet:

  • il-punti ewlenin tar-rapport ta' Draghi, u kif għandhom jiġu implimentati
  • il-promozzjoni tal-eċċellenza filwaqt li jiġu ppreservati l-inklużività, l-aċċessibbiltà u l-qsim tal-benefiċċji u l-prosperità tar-R&I
  • modi kif jista' jiġi ingranat il-kapital privat tar-R&I

Il-ministri kollha laqgħu l-analiżi tar-rapport ta' Draghi u qablu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali biex tittejjeb il-kompetittività tal-UE u jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni mal-atturi ekonomiċi globali ewlenin. Ħafna ministri spjegaw il-miżuri li ttieħdu biex tintlaħaq il-mira li 3 % tal-PDG jiġi ddedikat għar-riċerka. Madankollu, skont ħafna delegazzjonijiet, l-investiment privat ser ikun essenzjali biex tintlaħaq din il-mira. Il-ministri appellaw għal qafas aħjar biex jiġi attirat l-investiment privat b'inqas piż amministrattiv, aktar inċentivi u unjoni tas-swieq kapitali reali. Il-presidenza appellat biex jinstab kompromess bejn l-eċċellenza u l-inklużività fil-politika tar-riċerka. Fl-aħħar nett, ħafna delegazzjonijiet qablu li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni.

Affarijiet oħra

L-indipendenza tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)

Id-delegazzjoni Daniża, bl-appoġġ ta' 22 delegazzjoni oħra, tat informazzjoni dwar "It-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)".

Programm tal-presidenza li jmiss

Il-Kunsill ġie infurmat mid-delegazzjoni Pollakka dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Spazju

It-tisħiħ tal-kompetenzi Ewropej fis-settur spazjali

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "it-tisħiħ tal-kompetenzi Ewropej fis-settur spazjali".

Taħt il-presidenza tal-ministru tal-Istat Richárd Szabados, il-ministri għall-formazzjoni spazjali qablu li s-settur spazjali għandu rwol kruċjali fl-appoġġ tal-għanijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali, teknoloġiċi u ta' sigurtà tal-UE. Madankollu, hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Ewropa f'dan il-qasam biex jinżammu l-kompetittività, it-tmexxija u l-indipendenza tagħha.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza ta' approċċ komprensiv li jinkludi:

  • l-iżvilupp tal-ħiliet,
  • oqfsa regolatorji,
  • kollaborazzjoni internazzjonali biex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tat-teknoloġija tal-ispazju.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw il-ħtieġa ta' passi proattivi, bħall-investiment fl-edukazzjoni STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u l-ħolqien ta' sinerġiji bejn in-negozji, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Dawn l-azzjonijiet mistennija jrawmu l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza fis-settur spazjali tal-Ewropa. Il-konklużjonijiet jappellaw ukoll għal inqas dipendenza fuq teknoloġiji mhux Ewropej biex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni u biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod indipendenti fix-xena globali u trawwem kultura ta' titjib u eċċellenza kontinwi fis-settur spazjali.

Valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm Spazjali

Il-ministri approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "l-evalwazzjoni interim tal-programm spazjali tal-Unjoni Ewropea".

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill "L-evalwazzjoni interim tal-programm spazjali tal-Unjoni Ewropea" janalizzaw is-sejbiet ta' rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Spazjali tal-UE u dwar il-prestazzjoni tal-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA), li l-Kummissjoni ppubblikat f'Lulju 2024. Il-Programm Spazjali ġie stabbilit għall-perjodu 2021–2027 biex jimplimenta attivitajiet fl-ispazju fl-oqsma tal-osservazzjoni tad-dinja, in-navigazzjoni bis-satellita, l-Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju (SSA), il-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM), il-konnettività, ir-riċerka u l-innovazzjoni spazjali, u biex jappoġġa kapaċità awtonoma, sigura u kosteffiċjenti ta' aċċess għall-ispazju, filwaqt li jitqiesu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni; kif ukoll biex irawwem l-iżvilupp ta' ekonomija spazjali tal-Unjoni b'saħħitha, inkluż billi jappoġġa l-ekosistema spazjali u billi jsaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, il-ħiliet u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-istati membri u r-reġjuni kollha tal-Unjoni, u jistabbilixxi l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA). Il-konklużjonijiet tal-Kunsill iqisu l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm Spazjali tal-UE, janalizzaw il-ħidma tal-EUSPA u jidentifikaw il-prijoritajiet għall-ħidma fil-futur. Il-konklużjonijiet iħeġġu azzjoni kontra t-theddid dejjem jikber għas-sikurezza u r-reżiljenza tal-programm u jappellaw għal inqas dipendenza u awtonomija msaħħa.

Il-futur tal-politika spazjali tal-UE

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar "il-futur tal-politika spazjali tal-UE – Sinerġiji tad-difiża ma' Programm Spazjali ċivili".

Id-dibattitu ta' orjentazzjoni ffoka fuq l-aspetti strateġiċi u ta' sigurtà tal-politika spazjali, wara l-adozzjoni tal-istrateġija spazjali tal-UE għas-sigurtà u d-difiża (EUSSSD) f'Marzu 2023. Id-diskussjoni kienet iggwidata minn dokument imħejji mill-presidenza Ungeriża li identifika lill-ispazju bħala qasam strateġiku u kkontestat.

Il-ministri qasmu l-opinjonijiet tagħhom dwar tliet suġġetti:

  • l-evoluzzjonijiet possibbli tal-Programm Spazjali biex jiġu indirizzati l-isfidi dejjem jikbru għas-sigurtà fl-Ewropa
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sigurtà tal-infrastrutturi spazjali tal-UE fil-kuntest tal-oqfsa attwali ta' sorveljanza ċivili
  • kunsiderazzjonijiet dwar liema teknoloġiji b'użu doppju għandhom jingħataw prijorità u l-passi biex jiġi żgurat allinjament mal-għanijiet ta' sostenibbiltà

Ħafna delegazzjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi aġġornata l-perċezzjoni tal-politika Ewropea rigward l-ispazju biex jinżamm il-pass max-xenarju ġeopolitiku internazzjonali li qed jinbidel malajr. Diversi delegazzjonijiet indikaw li l-kunsiderazzjonijiet ta' użu doppju — l-użu ta' assi spazjali kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari jew ta' sigurtà — ser isiru dejjem aktar importanti fil-politika spazjali futura. Madankollu, f'konformità mal-Istrateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża, il-biċċa l-kbira tal-ministri qablu li l-programm spazjali tal-UE għandu jipprovdi aktar servizzi lill-utenti tad-difiża, filwaqt li jibqa' jinżamm il-kontroll ċivili. F'dan il-kuntest, il-Liġi Spazjali tal-UE li ġejja, il-Programm Spazjali li jmiss, u l-inizjattivi spazjali emblematiċi tal-UE għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta' użu doppju biex jiżguraw ir-reżiljenza u s-sigurtà tas-sistemi spazjali tal-UE, jippreservaw is-sovranità teknoloġika fl-ispazju, u jsaħħu l-awtonomija strateġika ġenerali.

Affarijiet oħra

Programm tal-presidenza li jmiss

Il-Kunsill ġie infurmat mid-delegazzjoni Pollakka dwar il-programm ta' ħidma tal-presidenza li jmiss fil-qasam tal-ispazju.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025