Skeda ta' żmien – Politika agrikola komuni 2023-2027
Skeda ta' żmien dwar il-ħidma tal-Kunsill madwar il-politika agrikola komuni riformata għall-2023-2027.
-
2025
-
26 ta' Mejju Competitiveness and sustainability: key goals for future of agriculture
At the May 2025 Agriculture and Fisheries Council, ministers held a debate on the communication on a vision for agriculture and food, published by the European Commission in February 2025.
They agreed that enhancing the competitiveness and sustainability of agriculture and simplifying agricultural policies were crucial goals.
-
24 ta' Marzu Il-Kunsill jiddibatti l-futur tal-agrikoltura u l-ikel
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-viżjoni għall-agrikoltura u l-ikel, wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
B'mod ġenerali, l-istati membri laqgħu l-viżjoni tajjeb, b'mod partikolari l-enfasi fuq l-agrikoltura bħala settur strateġiku u l-importanza tal-promozzjoni tal-biedja bħala għażla ta' karriera għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Kunsill laqa' wkoll l-enfasi fuq il-kompetittività u fuq l-iżgurar ta' dħul deċenti u ġust għall-bdiewa.
-
2024
-
9 ta' Diċembru Settur tal-biedja kompetittiv tal-UE bbażat fuq politika agrikola komuni ffukata fuq il-bdiewa: il-Kunsill japprova konklużjonijiet
Il-Kunsill approva unanimament ġabra ta' konklużjonijiet dwar politika agrikola komuni (PAK) ta' wara l-2027 li tkun iffukata fuq il-bdiewa. Il-politika agrikola futura tal-UE għandha tkun:
- kompetittiva
- reżistenti għall-kriżijiet
- sostenibbli
- favur il-bdiewa
- ibbażata fuq l-għarfien
-
24 ta' Ġunju Il-presidenza tadotta konklużjonijiet dwar il-futur tal-agrikoltura fl-UE
Il-presidenza Belġjana tal-Kunsill approvat sett ta' konklużjonijiet tal-presidenza li jistabbilixxu viżjoni għall-futur tal-agrikoltura fl-UE matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Ġunju 2024.
Il-konklużjonijiet tal-presidenza jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tas-settur tal-biedja fir-rigward tal-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u l-awtonomija strateġika u jirrikonoxxu d-diversi sfidi li qed jiffaċċa, inkluż it-tibdil fil-klima, it-tensjonijiet ġeopolitiċi, il-profittabbiltà u l-piż amministrattiv.
-
13 ta' Mejju Il-Kunsill jagħti l-approvazzjoni finali għal rieżami mmirat tal-politika agrikola komuni
Il-Kunsill adotta formalment rieżami mmirat ta' ċerti atti bażiċi tal-politika agrikola komuni (PAK).
Ir-rieżami jindirizza ċerti elementi tar-regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u r-regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (ir-"regolament orizzontali").
Ir-regoli aġġornati jwasslu għal simplifikazzjoni, inaqqsu l-piż amministrattiv, u jipprovdu flessibbiltà akbar għall-konformità ma' ċerti kundizzjonalitajiet ambjentali, filwaqt li jiżguraw qafas prevedibbli għall-bdiewa.
-
26 ta' Marzu Appoġġ għall-bdiewa: Il-Kunsill japprova rieżami speċifiku tal-politika agrikola komuni
Fis-26 ta' Marzu 2024, ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE fil-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura approvaw rieżami speċifiku ta' ċerti atti bażiċi tal-politika agrikola komuni (PAK) proposta mill-Kummissjoni Ewropea bħala tweġiba għat-tħassib espress mill-bdiewa.
Dan ir-rieżami indirizza kwistjonijiet li nqalgħu, pereżempju, bl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u kellu l-għan li jwassal għal simplifikazzjoni, inaqqas il-piż amministrattiv, u jipprovdi flessibbiltà akbar għall-konformità ma' ċerti kundizzjonalitajiet ambjentali.
-
21 ta' Marzu Il-mexxejja tal-UE jappellaw għat-tkomplija tal-ħidma biex jiġu appoġġati l-bdiewa
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2024, il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jmexxu 'l quddiem il-ħidma biex jindirizzaw it-tħassib imqajjem mill-bdiewa dwar:
- il-miżuri u s-soluzzjonijiet innovattivi kollha possibbli, inkluż dawk biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-bdiewa
- it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel
- it-tnaqqis tal-pressjoni finanzjarja tal-bdiewa
- l-iżgurar ta' introjtu ġust għall-bdiewa u kompetizzjoni ġusta u bbażata fuq ir-regoli
- l-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati mal-miżuri kummerċjali awtonomi għall-Ukrajna b'mod ġust u bilanċjat
-
26 ta' Frar Il-ministri japprovaw miżuri fuq terminu qasir biex iwieġbu għat-tħassib tal-bdiewa
Fl-isfond tal-protesti tal-bdiewa, il-ministri tal-UE kkonfermaw ir-rieda politika tagħhom li jirrispondu b'mod effettiv għat-tħassib tal-bdiewa. Bħala l-ewwel pass, huma qablu dwar prijoritajiet għal sett ta' miżuri konkreti fuq terminu qasir u offrew gwida politika għal approċċ strutturali fit-terminu medju u fit-tul.
L-azzjonijiet fuq terminu qasir proposti mill-Kummissjoni u approvati mill-Kunsill iffukaw fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-burokrazija kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.
-
2023
-
11 ta' Diċembru Sena wara: il-ministri evalwaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Hekk kif qed joqrob tmiem l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida, il-ministri evalwaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Diċembru.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-pjanijiet u ddiskutew l-isfidi rigward l-implimentazzjoni tagħhom. B'mod partikolari, huma saħqu fuq il-ħtieġa għal stabbiltà u prevedibbiltà għall-bdiewa, filwaqt li ssottolinjaw l-importanza tas-simplifikazzjoni u tal-iffaċilitar tal-proċess biex isiru emendi għall-pjanijiet strateġiċi.
-
25 ta' April Il-Kunsill Agrikoltura jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet, ibbażat fuq informazzjoni mill-Kummissjoni, dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi tal-istati membri skont il-Politika Agrikola Komuni għall-2023-2027.
Id-diskussjoni ffukat fuq it-tagħlimiet meħuda mill-introduzzjoni tal-pjanijiet strateġiċi fl-istati membri, u x'għandu jsir biex tkompli tiġi ffaċilitata u mtejba l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi fuq perjodu qasir u fit-tul. Il-ministri enfasizzaw għadd ta' elementi, inkluż il-ħtieġa għal komunikazzjoni ċara mal-bdiewa dwar ir-regoli aġġornati u approċċ flessibbli għal kwalunkwe emenda għall-pjanijiet.
-
1 ta' Jannar Il-PAK il-ġdida tapplika mill-1 ta' Jannar 2023
Il-PAK riformata għall-perjodu 2023-2027 saret kompletament operattiva fl-1 ta' Jannar 2023. Dan seta' jseħħ wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet strateġiċi ppreżentati mill-pajjiżi tal-UE.
Il-PAK il-ġdida għandha l-għan li:
- tipprovdi appoġġ aktar immirat lill-azjendi agrikoli iżgħar
- issaħħaħ il-kontribut tal-agrikoltura għall-miri ambjentali u tal-klima tal-UE
- tippermetti flessibbiltà akbar għall-istati membri biex jadattaw il-miżuri għall-kondizzjonijiet lokali
Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)
-
2022
-
11 u 12 ta' Diċembru Il-ministri tal-UE jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd ta' Diċembru 2022, il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-pjanijiet strateġiċi inklużi fil-politika agrikola komuni (PAK), partikolarment fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-isfidi li dan qed joħloq għas-settur tal-biedja.
Il-ministri ddikjaraw li huma lesti li la jasal Jannar jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali, fejn l-ewwel sena x'aktarx tkun partikolarment iebsa, speċjalment biex jinħolqu s-sistemi ta' kontroll u tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa.
-
18 ta' Lulju Il-ministri jiddiskutu l-approvazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Il-ministri ser jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) il-ġdida u l-approvazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi.
Huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-proċess ta' tħejjija fil-livell nazzjonali u enfasizzaw il-ħtieġa li l-pjanijiet strateġiċi jiġu approvati malajr kemm jista' jkun.
-
21 ta' Marzu Il-Kunsill jiskambja fehmiet dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Matul il-laqgħa tal-Kunsill ta' Marzu 2022, il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-evalwazzjoni tagħha tal-pjanijiet strateġiċi taħt il-PAK futura. Segwa skambju ta' fehmiet, li ffoka b'mod partikolari fuq:
- il-ħtieġa li l-pjanijiet jiġu approvati malajr sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu konxji tar-regoli l-ġodda
- Il-ħtieġa għal flessibbiltà biex il-pjanijiet jiġu adattati bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà alimentari wara l-gwerra fl-Ukrajna
- il-kriterji użati mill-Kummissjoni biex tapprova l-pjanijiet
- it-trasparenza tal-proċess
-
2021
-
2 ta' Diċembru Il-Kunsill jadotta formalment il-PAK riformata għall-2023-2027
It-tliet regolamenti li jiffurmaw il-pakkett ta' riforma tal-PAK ġew adottati formalment bħala punt mhux għad-diskussjoni mill-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija fit-2 ta' Diċembru 2021. Aktar tard dakinhar, il-presidenza Slovena, irrappreżentata mill-Ministru għall-Infrastruttura Jernej Vrtovec, iffirmat it-tliet regolamenti adottati f'isem il-Kunsill, u b'hekk adottat formalment il-PAK il-ġdida.
Wara aktar minn tliet snin ta' xogħol iebes fl-aħħar irnexxielna nilħqu dan l-għan. Il-PAK il-ġdida li ġiet adottata llum timmarka pass importanti fil-politika tal-biedja tal-UE, li twitti t-triq għal futur aktar ġust u aktar sostenibbli għall-bdiewa Ewropej. Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-SlovenjaIl-politika l-ġdida ser tapplika mill-2023.
-
12 ta' Ottubru Il-ministri jiddiskutu l-progress fuq il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
Il-ministri tal-UE għall-agrikoltura u s-sajd iddiskutew is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija tal-pjanijiet strateġiċi, li huma element ġdid tal-politika agrikola komuni riformata għall-perjodu 2023-2027. Huma identifikaw l-isfidi li kienu qed jiffaċċaw u rriflettew dwar il-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika mwettqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ trasparenti għall-evalwazzjoni tal-pjanijiet, pereżempju billi tipprovdi kriterji ta' valutazzjoni ċari u tiżgura li kemm jista' jkun dokumenti ta' gwida jsiru disponibbli għall-pubbliku.
-
28 ta' Ġunju Il-Kunsill jikkonferma ftehim proviżorju dwar ir-riforma tal-PAK
Matul il-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd f'Ġunju 2021, il-ministri għall-agrikoltura tal-UE kkonfermaw il-ftehim proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tal-politika agrikola komuni. Il-politika l-ġdida ser:
- timpenja l-istati membri għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema agrikoli
- tħeġġeġ lill-bdiewa biex jużaw prattiki ta' biedja aktar ekoloġiċi
- tappoġġa lill-azjendi agrikoli iżgħar u lill-bdiewa żgħażagħ
- toħloq rabta aħjar bejn l-appoġġ u r-riżultati u l-prestazzjoni tal-azjendi agrikoli
Il-pass li jmiss ser ikun li jintlaħaq qbil fil-livell interistituzzjonali dwar id-dettalji tekniċi li fadal tar-riforma proposta, u wara dan ser tiġi approvata formalment kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill.
Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)Politika agrikola aktar ġusta, aktar ekoloġika u bbażata aktar fuq ir-rendiment (Infografika)
-
25 ta' Ġunju Il-Kunsill u l-PE jilħqu ftehim proviżorju dwar il-futur tal-PAK
Il-presidenza Portugiża tal-Kunsill laħqet ftehim proviżorju mal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) għall-2023-2027.
Il-patt iwitti t-triq għal PAK aktar sempliċi, aktar ġusta u aktar ekoloġika li ser tipprovdi futur sostenibbli għall-bdiewa Ewropej. Il-PAK ġdida ssaħħaħ il-miżuri ambjentali u tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jiżguraw appoġġ akbar għal azjendi agrikoli iżgħar u jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ jidħlu fil-professjoni.
Il-ftehim huwa proviżorju sakemm jiġi approvat mill-ministri tal-UE għall-agrikoltura fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, li ser issir fit-28 u d-29 ta' Ġunju.
-
26 u 27 ta' Mejju Il-ministri jiddiskutu l-futur tal-agrikoltura tal-UE
Il-ministri ddiskutew il-futur tal-Politika Agrikola Komuni matul il-laqgħa li saret fi Brussell. L-għan ġenerali kien li jintlaħaq qbil dwar it-tliet regolamenti li jiffurmaw il-pakkett ta' riforma tal-PAK. Il-laqgħa saret b'mod parallel man-negozjati interistituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Parlament. Il-punti ewlenin ta' diskussjoni inkludew:
- il-kundizzjonijiet soċjali
- ll-immirar tal-pagamenti
- l-arkitettura ekoloġika
Għalkemm sar progress f'diversi oqsma, għadd ta' kwistjonijiet ewlenin għadhom pendenti. Għalhekk ġie deċiż li t-taħditiet jiġu posposti għal-laqgħa li jmiss tal-ministri għall-agrikoltura u s-sajd f'Ġunju.
-
26 ta' April Riforma tal-PAK: il-ministri jipprovdu gwida biex jimxu 'l quddiem in-negozjati
Matul il-vidjokonferenza informali tas-26 ta' April 2021, il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar il-progress fin-negozjati interistituzzjonali (trilogu) dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK u talbet il-gwida tagħhom dwar proposta ta' kompromess dwar l-arkitettura ekoloġika. Element ċentrali tal-proposta ta' kompromess tal-presidenza kienet iż-żieda tal-ammonti delimitati għall-ekoskemi, imqabbla mal-approċċ ġenerali tal-Kunsill (żieda progressiva, li tibda bi 22% fl-2023 u tilħaq 25% fl-2025) u l-preservazzjoni tal-flessibbiltajiet finanzjarji (eż. perjodu inizjali ta' tagħlim għall-istati membri).
Il-maġġoranza l-kbira tal-ministri esprimew l-appoġġ qawwi tagħhom għall-pjan tal-presidenza biex in-negozjati jiġu konklużi matul il-presidenza Portugiża; diversi ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal ftehim li jinkludi t-tliet regolamenti kollha li jagħmlu parti mill-pakkett ta' riforma tal-PAK.
Ilħaqna perspettiva kondiviża dwar l-arkitettura ekoloġika, indikatur eċċellenti tal-impenn tal-Kunsill biex titlesta din ir-riforma, kompromess li għamilna mal-bdiewa u ċ-ċittadini Ewropej. Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall -
22 u 23 ta' Marzu Kunsill Agrikoltura: aġġornament u skambju ta' fehmiet dwar ir-riforma tal-PAK
Matul il-Kunsill Agrikoltura u Sajd, il-presidenza Portugiża pprovdiet lill-ministri b'aġġornament dwar in-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin rigward it-tliet regolamenti li jikkostitwixxu l-pakkett ta' riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) (għall-perijodu 2023-2027). Il-presidenza ħadet nota tal-fehmiet differenti espressi mill-ministri dwar diversi aspetti tal-pakkett ta' riforma, b'mod partikolari:
- pjanijiet strateġiċi
- mudell ta' implimentazzjoni ġdid
- immirar tal-pagamenti
- ġestjoni tas-suq u miżuri eċċezzjonali
-
25 ta' Jannar Il-presidenza taġġorna lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tar-riforma tal-PAK
Fil-vidjokonferenza informali tal-ministri għall-agrikoltura u s-sajd, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar il-pakkett ta’ riforma tal-PAK ta’ wara l-2020, u spjegat li ġew ippjanati diversi laqgħat politiċi u tekniċi bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fir-rebbiegħa. Il-punti fokali kienu l-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid, l-arkitettura ekoloġika u l-istandards ambjentali, il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, miżuri eċċezzjonali tas-suq u aktar.
Il-ministri ġeneralment ħeġġew lill-presidenza biex iżżomm mal-approċċ ġenerali tal-Kunsill (kif maqbul f’Ottubru 2020) matul in-negozjati interistituzzjonali, ukoll fil-kuntest tal-arkitettura ekoloġika tar-riforma diskussa ħafna, għalkemm xi wħud esprimew appoġġ għal ċerti emendi tal-Parlament Ewropew. Il-ministri tennew il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli, jiġu bbilanċjati l-effetti ambjentali u soċjoekonomiċi, u jintlaħaq ftehim malajr kemm jista’ jkun abbażi ta’ sistema orjentata lejn il-prestazzjoni.
-
2020
-
27 ta' Novembru Regolament tranżizzjonali tal-PAK: ftehim informali dwar kif għandhom jiġu ffinanzjati l-bdiewa
Il-Kunsill ikkonkluda ftehim informali mal-Parlament Ewropew dwar kif għandhom jiġu estiżi r-regoli attwali tal-PAK sa tmiem l-2022 u jitqassmu t-€8.07 biljun addizzjonali tal-istrument Ewropew għall-irkupru lill-bdiewa Ewropej. Dan il-ftehim informali jsegwi ftehim inizjali f'Ġunju.
Il-ftehim informali jiddeskrivi l-qsim tal-flus għall-irkupru fis-sentejn li ġejjin: 30% ta' €8.07 biljun ser ikunu disponibbli fl-2021 u 70% fl-2022. Jinkariga wkoll lill-istati membri biex jiżguraw madwar terz tal-baġit totali (37%) għal miżuri favur l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali u aktar minn nofs il-baġit totali (55%) għal miżuri ta' trasformazzjoni soċjali u diġitali. In-negozjaturi jistennew li dawn il-miżuri jgħinu biex iħaffu t-tranżizzjoni lejn prattiki bħall-biedja ta' preċiżjoni u intelliġenti, itejbu l-aċċess għal ICT ta' kwalità għolja fiż-żoni rurali u jsaħħu s-swieq lokali.
-
20 ta' Ottubru Il-ministri tal-UE jilħqu qbil dwar ir-riforma tal-PAK ta' wara l-2020
Wara sessjoni ta' negozjati ta' jumejn, il-ministri qablu dwar approċċ ġenerali dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK ta' wara l-2020. Il-qbil jenfasizza impenji qawwija mill-istati membri għal ambizzjoni ambjentali ogħla bl-introduzzjoni ta' strumenti bħall-ekoskemi obbligatorji (novità meta mqabbla mal-politika attwali) u kondizzjonalità msaħħa. Il-pożizzjoni maqbula tippermetti wkoll li l-istati membri jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa dwar kif jilħqu l-għanijiet ambjentali.
Il-Kunsill għandu l-mandat politiku li jibda negozjati mal-Parlament Ewropew, (ladarba l-koleġislatur jaqbel ukoll dwar il-pożizzjoni interna tiegħu) bil-ħsieb li jintlaħaq qbil ġenerali dwar ir-riforma.
Il-qbil tal-lum huwa pass importanti għall-politika agrikola tal-Ewropa. L-istati membri wrew l-ambizzjoni tagħhom għal standards ambjentali ogħla fil-biedja u fl-istess ħin appoġġaw il-flessibbiltà meħtieġa fl-iżgurar tal-kompetittività tal-bdiewa. Dan il-qbil jissodisfa l-aspirazzjoni ta' PAK aktar ekoloġika, aktar ġusta u aktar sempliċi. Julia Klöckner, Ministru Federali għall-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġermanja -
21 ta' Settembru Il-ministri tal-UE għamlu progress fid-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK ta' wara l-2020
Il-ministri għamlu progress fid-diskussjonijiet dwar il-pakkett ta' riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) ta' wara l-2020 bil-ħsieb li l-approċċ ġenerali tal-Kunsill jiġi adottat f'Ottubru 2020.
Huma kellhom skambju ta' fehmiet dwar tliet elementi tar-riforma tal-PAK:
- l-arkitettura ekoloġika
- l-inkorporazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP fis-sistema futura tal-pagamenti diretti
- mudell ta' implimentazzjoni ġdid
Fost il-kwistjonijiet diskussi kien hemm l-introduzzjoni ta' sehem minimu uniformi fl-UE kollha ta' żoni mhux produttivi, approċċ aktar flessibbli u volontarju dwar il-limiti massimi tal-pagamenti diretti, u ekoskemi obbligatorji b'fażi pilota ta' sentejn.
-
20 ta' Lulju Il-ministri tal-UE jiddiskutu l-arkitettura ekoloġika l-ġdida tal-PAK
Fl-ewwel laqgħa fiżika tagħhom mill-bidu tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-ministri tal-agrikoltura tal-UE mxew 'il quddiem fin-negozjati dwar ir-riforma tal-PAK wara l-2020. Huma ddiskutew l-arkitettura ekoloġika prevista fil-pakkett ta' riforma u b'mod partikolari l-possibbiltà li jkun hemm baġit minimu għall-ekoskemi. L-ekoskemi, element ġdid tar-riforma tal-PAK, għandhom l-għan li joffru aktar inċentivi lill-bdiewa biex jadottaw prattiki li jħarsu l-klima u l-ambjent, anke permezz ta' pagamenti diretti.
-
29 ta' Ġunju Il-PAK ta' wara l-2020: Rapport ta' progress tal-presidenza Kroata
Il-presidenza Kroata infurmat lill-ministri dwar il-progress miksub fl-atti leġislattivi relatati mar-riforma tal-PAK. Il-ħidma fuq dawn il-fajls ġiet imqassra f'rapport ta' progress, li fih il-presidenza tidentifika wkoll oqsma fejn tqis li hija meħtieġa aktar ħidma.
Il-progress miksub fir-riforma tal-PAK huwa konsiderevoli. Dan huwa aktar minnu minħabba ċ-ċirkostanzi estremament diffiċli li fihom il-presidenza Kroata u l-istati membri kellhom jaħdmu biex jiżguraw li ma jinħela l-ebda ħin prezzjuż. Barra minn hekk, stajna nirreaġixxu malajr għall-isfidi relatati mal-COVID-19 u biex nadottaw miżuri li jiżguraw id-disponibbiltà tal-ikel fl-UE kollha u li nipprovdu appoġġ lill-bdiewa, lis-sajjieda u lill-produtturi tal-akkwakultura l-agħar milquta mill-kriżi. Marija Vučković, Ministru għall-Agrikoltura tal-Kroazja -
2019
-
16 u 17 ta' Diċembru Il-PAK wara l-2020: rapport ta' progress tal-presidenza
F'sessjoni pubblika, il-ministri ddiskutew ir-rapport ta' progress tal-presidenza dwar il-ħidma li saret fil-Kunsill fuq il-proposti kollha tal-Kummissjoni tal-pakkett ta' riforma tal-PAK, li jinkludi regolamenti dwar pjanijiet strateġiċi tal-PAK, il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK, u l-organizzazzjoni komuni ta' prodotti agrikoli.
Din il-laqgħa kienet l-aħħar waħda ppreseduta mill-presidenza Finlandiża.
-
14 u 15 ta' Ottubru Il-PAK wara l-2020: rapport ta' progress
Il-Kunsill iddiskuta rapport ta' progress dwar il-ħidma mwettqa fil-korpi preparatorji tal-Kunsill dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta' wara l-2020.
Il-ministri ffukaw b'mod partikolari fuq dawk l-elementi li qiesu bħala kruċjali fil-pakkett ta' riforma, prinċipalment:
- mudell ta’ implimentazzjoni ġdid
- "arkitettura ekoloġika"
-
15 ta' Lulju Il-PAK wara l-2020: skambju ta' fehmiet
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aspetti ambjentali u dawk relatati mal-klima tal-pakkett ta' riforma tal-PAK ta' wara l-2020, li ffoka b'mod partikolari fuq:
- l-elementi essenzjali biex jintlaħaq livell ogħla ta' ambizzjoni ambjentali u klimatika
- kif jistgħu jittejbu, fil-prattika, ir-regoli proposti sabiex jintlaħaq dan l-għan
Matul l-iskambju ta' fehmiet, diversi ministri saħqu dwar l-importanza li tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà biex jiġu adattati aħjar ir-rekwiżiti għal ambizzjoni ambjentali u klimatika akbar għall-ħtiġijiet tal-istati membri, u biex jiġu ssimplifikati r-regoli għall-benefiċċju kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali.
-
18 ta' Ġunju Il-PAK wara l-2020: rapport ta' progress tal-presidenza
Il-Kunsill iddiskuta rapport ta' progress tal-presidenza dwar il-ħidma mwettqa fil-Kunsill fuq il-proposti kollha tal-Kummissjoni dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK, li jinkludi:
- regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
- regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) unika
- regolament orizzontali dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK
-
14 ta' Mejju Il-PAK wara l-2020: skambju ta' fehmiet
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet f'sessjoni pubblika dwar il-mudell ta' implimentazzjoni ġdid tal-pakkett ta' riforma tal-PAK għal wara l-2020 fuq il-bażi ta' dokument tal-presidenza.
Il-ministri ffukaw l-interventi tagħhom fuq:
- ir-rappurtar ta' objettivi intermedji u analiżi tal-prestazzjoni,
- il-possibbiltà li jiġu stabbiliti ammonti unitarji għal interventi mhux ibbażati fuq is-superfiċje/l-annimali
-
15 ta' April PAK ta' wara l-2020: rapport tal-presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-arkitettura ekoloġika l-ġdida tal-pakkett ta' riforma tal-PAK għal wara l-2020 abbażi ta' dokument tal-Presidenza.
Il-ministri ffokaw l-interventi tagħhom fuq:
- kundizzjonalità msaħħa u standards relatati
- l-ekoskemi u ż-żieda fl-ambizzjoni ambjentalital-PAK
-
18 ta' Marzu PAK ta' wara l-2020: rapport tal-presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali
Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet pubbliku dwar il-pakkett kollu ta' riforma tal-PAK abbażi ta' rapport tal-presidenza dwar is-sitwazzjoni attwali, u ssuġġerixxa bidliet għat-testi kollha tat-tliet regolamenti:
- regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
- regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) unika
- regolament orizzontali dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK
-
28 ta' Jannar Il-PAK wara l-2020: pjanijiet strateġiċi u l-organizzazzjoni komuni tas-swieq
Il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar il-mudell ta' implimentazzjoni ġdid, b'attenzjoni partikolari għal elementi bħal:
- data ta' skadenza annwali
- approċċ progressiv għall-miri u devjazzjonijiet possibbli
Dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, il-Kunsill iddiskuta d-dispożizzjonijiet marbutin mal-inbid u partikolarment il-ftuħ possibbli tas-suq għal varjetajiet ġodda ta' għeneb tal-inbid.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għarrfet lill-ministri dwar l-arkitettura ekoloġika.
-
2018
-
17 u 18 ta' Diċembru Il-PAK wara l-2020: rapport ta' progress
Il-Kunsill iddiskuta rapport ta' progress tal-presidenza dwar il-ħidma mwettqa fil-Kunsill fuq il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK, li jinkludi:
- regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK
- regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) unika
- regolament orizzontali dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK
-
19 ta' Novembru Il-PAK wara l-2020: rapport ta' progress
Il-Kunsill iddiskuta żewġ rapporti ta' progress dwar il-ħidma mwettqa fil-korpi preparatorji tal-Kunsill dwar il-proposti għal:
- regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) unika
- regolament orizzontali dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK
Il-ministri ffukaw l-interventi tagħhom fuq aktar responsabbiltajiet tal-korpi nazzjonali fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-PAK u tennew il-ħtieġa għal PAK sempliċi u effettiva mingħajr piżijiet amministrattivi eċċessivi.
Huma ddikjaraw b'mod ġenerali li l-istrumenti eżistenti ta' appoġġ għas-suq wrew li huma effettivi kontra d-disturbi fis-suq.
-
15 ta' Ottubru Il-PAK wara l-2020: pjanijiet strateġiċi
Il-ministri ddiskutew l-aħħar rapport ta' progress tal-presidenza dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK wara l-2020. Il-ministri kellhom ukoll skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet bħal:
- is-simplifikazzjoni u l-flessibbiltà għall-istati membri
- l-arkitettura ta' ekoloġizzazzjoni l-ġdida
-
16 ta' Lulju Il-PAK wara l-2020: simplifikazzjoni u sussidjarjetà
Il-ministri ddiskutew il-pakkett ta' riforma tal-PAK ta' wara l-2020, b'attenzjoni partikolari fuq is-simplifikazzjoni u s-sussidjarjetà. Matul id-dibattitu l-ministri qasmu ideat konkreti dwar kif jiffaċilitaw il-ħajja għall-bdiewa u l-awtoritajiet nazzjonali.
-
18 ta' Ġunju Il-PAK wara l-2020: skambju ta’ fehmiet
Il-Kunsill kellu l-opportunità tal-ewwel skambju ta' fehmiet formali dwar il-proposti tal-Kummissjoni. Il-ministri laqgħu elementi diversi tal-proposti iżda esprimew tħassib dwar it-tnaqqisfil-baġit tal-PAK inġenerali u l-iżvilupp rurali b'mod partikolari. Kienu xettiċi dwar il-kapaċità tal-PAK il-ġdida li toħloq simplifikazzjoni ġenwina għall-awtoritajiet nazzjonali u l-bdiewa.
-
19 ta' Marzu Il-futur tal-PAK
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni. Matul id-dibattitu, għadd kbir ta' stati membri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-konklużjonijiet tal-presidenza dwar il-komunikazzjoni.
-
19 ta' Frar Il-PAK wara l-2020: Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni dwar "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja", u kkonċentraw fuq:
- l-appoġġ dirett
- l-aspetti ambjentali
- l-iżvilupp rurali
-
29 ta' Jannar Il-PAK wara l-2020: Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-komunikazzjoni dwar "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja". Waqt sessjoni pubblika, il-Kunsill ikkonċentra b'mod partikolari fuq:
- il-valur miżjud tal-PAK
- l-objettivi ewlenin tal-UE li għandhom jinżammu
- il-livell adatt ta' sussidjarjetà
-
2017
-
11 u 12 ta' Diċembru Il-PAK wara l-2020: Il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja
Il-Kummissjonippreżentat lill-Kunsill il-komunikazzjoni tagħhadwar "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja", li tistabbilixxi l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020.
Il-ministri enfasizzaw dak li huma qiesu bħala l-kwistjonijietstrateġiċi għall-PAK futura. B'mod partikolari, esprimew il-fehmiet tagħhom dwar l-elementi l-ġodda deskritti:
- sussidjarjetà msaħħa
- tiġdid tar-regoli dwar l-ekoloġizzazzjoni
Ħafna ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal baġit futur adegwat biex jintlaħqu l-aspettattivi għolja li hemm għas-settur agroalimentari.
L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Mejju 2025