Skip to content

Kronoloġija - Patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

  • 2026

    23 ta' Frar

    Council gives final greenlight to measures to make the EU’s asylum system more efficient and robust

  • 2025

    18 ta' Diċembru

    Asylum policy: Council and European Parliament agree on EU list of safe countries of origin

  • 2025

    18 ta' Diċembru

    Safe third country: Council and European Parliament agree on new EU law restricting admissibility of asylum claims

  • 2025

    8 ta' Diċembru

    Migration and asylum: Member states agree on solidarity pool

  • 2024

    14 ta' Mejju

    Il-Kunsill jadotta l-patt tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil

    Il-Kunsill adotta sensiela ta' atti leġiżlattivi biex jiġi rriformat il-qafas legali tal-UE dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil.

    Dan jistabbilixxi sett regoli li ser jgħinu:

    • fil-ġestjoni tal-wasliet b'mod ordnat
    • fil-ħolqien ta' proċeduri effiċjenti u uniformi
    • fl-iżgurar tal-kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-istati membri
  • 2024

    8 ta' Frar

    Ir-riforma tal-ażil u l-migrazzjoni: ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE japprovaw qbil mal-Parlament Ewropew

    Ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE (Coreper) approvaw il-qbil proviżorju li ntlaħaq bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew fl-20 ta' Diċembru 2023 dwar ħames liġijiet ewlenin (li jikkostitwixxu l-patt dwar l-ażil u l-migrazzjoni) li ser jirriformaw is-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE.

    Il-kumitat tar-rappreżentanti permanenti ta wkoll l-approvazzjoni tiegħu għal tliet liġijiet dwar l-ażil u l-migrazzjoni li kien intlaħaq qbil dwarhom bejn il-Kunsill u l-Parlament fl-2022. Dawn it-tliet liġijiet jinkludu:

    • reviżjoni tad-direttiva dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza
    • aġġornament tar-regolament dwar il-kwalifiki
    • regolament li jistabbilixxi qafas tal-UE għar-risistemazzjoni
  • 2023

    20 ta' Diċembru

    Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar riforma tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE

    Il-ħames liġijiet tal-UE li l-Presidenza Spanjola u l-Parlament laħqu qbil dwarhom jittrattaw l-istadji kollha tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, u jvarjaw minn:

    • kontroll ta' migranti irregolari meta jaslu fl-UE
    • teħid ta' data bijometrika
    • proċeduri biex isiru u jiġu ttrattati applikazzjonijiet għall-ażil
    • ir-regoli biex jiġi ddeterminat liema stat membru huwa responsabbli milli jittratta applikazzjoni għall-ażil
    • kooperazzjoni u solidarjetà bejn l-istati membri u kif għandhom jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kriżi, inkluż każijiet ta' strumentalizzazzjoni tal-migranti
  • 2023

    5 ta' Diċembru

    Il-presidenza Spanjola tagħti aġġornament lill-ministri permezz ta' rapport ta' progress fuq il-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

    Il-presidenza tat lill-ministri rapport ta' progress dwar il-fajls leġiżlattivi kollha tal-patt dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bħalissa huma involuti fl-hekk imsejħa negozjati tat-trilogu dwar ħames fajls leġiżlattivi. Flimkien ser jirriformaw is-sistema Ewropea komuni tal-ażil u dan ser jirriżulta f'qafas komuni tal-UE li jittratta l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni. Iż-żewġ istituzzjonijiet jixtiequ jtemmu n-negozjati u jadottaw formalment il-proposti leġiżlattivi differenti qabel tmiem dan il-perjodu leġiżlattiv.

    Il-ministri rċevew ukoll tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. Dan jikkonċerna l-politiki tal-UE biex jiġu ffaċċjati l-isfidi migratorji li l-UE tikkondividi ma' kontinenti u pajjiżi oħra. Il-Kummissjoni tat aġġornament tal-progress li nkiseb fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi sħab.

  • 2023

    4 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jaqbel dwar mandat għal liġi tal-UE li tittratta sitwazzjonijiet ta' kriżi

    Ir-rappreżentanti tal-istati membri tal-UE laħqu qbil dwar il-komponent finali ta' politika Ewropea komuni dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

    L-istati membri ssiġillaw il-mandat għal negozjati tagħhom fir-rigward ta' regolament dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi, inkluż l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Din il-pożizzjoni ser tifforma l-bażi tan-negozjati bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

  • 2023

    8 ta' Ġunju

    il-Kunsill jilħaq qbil dwar liġijiet ewlenin b'rabta mal-ażil u l-migrazzjoni

    Il-Kunsill laħaq qbil dwar żewġ regolamenti ewlenin dwar l-ażil u l-migrazzjoni:

    Regolament dwar il-proċeduri tal-ażil

    Ir-regolament dwar il-proċeduri tal-ażil (APR) jistabbilixxi proċedura komuni fl-UE kollha li l-istati membri jeħtieġ li jsegwu meta jkun hemm nies li jfittxu protezzjoni internazzjonali.

    Regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni

    Ladarba jintlaħaq qbil dwaru, ir-regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni (AMMR) għandu jissostitwixxi r-regolament ta' Dublin attwali. Ir-regolament ta' Dublin jistabbilixxi regoli li jiddeterminaw liema stat membru huwa responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni għall-ażil. L-AMMR ser jissimplifika dawn ir-regoli u jqassar il-limiti ta' żmien.

    Biex tiġi bbilanċjata s-sistema attwali fejn ftit stati membri huma responsabbli għall-maġġoranza l-kbira tal-applikazzjonijiet għall-ażil, qed jiġi propost mekkaniżmu ġdid ta' solidarjetà li jkun sempliċi, prevedibbli u li jista' jitħaddem. Ir-regoli l-ġodda jgħaqqdu flimkien is-solidarjetà obbligatorja mal-flessibbiltà għall-istati membri fir-rigward tal-għażla tal-kontributi individwali.

  • 2022

    22 ta' Ġunju

    il-Kunsill japprova mandati ta' negozjar dwar ir-regolament Eurodac u r-regolament dwar l-iskrinjar

    Il-Kunsill approva mandati ta' negozjar dwar żewġ atti leġiżlattivi dwar l-ażil u l-migrazzjoni, abbażi tal-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil:

    • ir-regolament Eurodac, maħsub biex jgħin lill-istati membri jimmonitorjaw aħjar il-progress tal-applikanti għall-ażil u tal-persuni f'sitwazzjoni irregolari fl-UE
    • ir-regolament dwar l-iskrinjar, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri esterni

    Barra minn hekk, 21 stat membru jew stat assoċjat kkonfermaw l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni dwar is-solidarjetà, li tipprevedi mekkaniżmu volontarju ta' kontribuzzjonijiet ta' solidarjetà, fil-forma ta' rilokazzjonijiet jew tipi oħra ta' kontribuzzjonijiet, partikolarment dawk finanzjarji

  • 2022

    19 ta' Jannar

    L-aġenzija l-ġdida tal-UE għall-ażil tibda l-ħidma tagħha

    Mid-19 ta’ Jannar 2022, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) ser tissostitwixxi l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).

    L-aġenzija l-ġdida hija responsabbli mit-titjib tal-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, billi tagħti assistenza operazzjonali u teknika msaħħa lill-istati membri u billi ġġib aktar konsistenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

  • 2021

    9 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jadotta regolament dwar l-aġenzija tal-UE għall-ażil

    Il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi l-aġenzija tal-UE għall-ażil. Dan ir-regolament għandu l-għan li jtejjeb l-applikazzjoni tal-politika dwar l-ażil fl-UE, billi jittrasforma l-uffiċċju Ewropew ta' appoġġ fil-qasam tal-ażil (EASO) attwali f'aġenzija vera u proprja.

    Din l-aġenzija ser tkun responsabbli mit-titjib tal-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, billi

    • tagħti assistenza operazzjonali u teknika mtejba lill-istati membri
    • tikkontribwixxi għal aktar konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali
  • 2021

    29 ta' Ġunju

    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil: intlaħaq ftehim proviżorju

    Il-presidenza tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar regolament dwar l-aġenzija tal-UE għall-ażil.

    Ir-regolament propost għandu l-għan li jtejjeb l-applikazzjoni tal-politika dwar l-ażil fl-UE, billi jittrasforma l-uffiċċju Ewropew ta' appoġġ fil-qasam tal-ażil (EASO) attwali f'aġenzija vera u proprja. Din l-aġenzija ser tkun responsabbli mit-titjib tal-funzjonament tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, billi:

    • tagħti assistenza operazzjonali u teknika mtejba lill-istati membri
    • tikkontribwixxi għal aktar konverġenza fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali
  • 2020

    14 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jiddiskuti l-patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil

    Fit-23 ta' Settembru 2020 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil u ħames proposti leġiżlattivi ġodda biex jiġu rriformati r-regoli tal-UE dwar l-ażil.

    Il-ministri tal-UE ddiskutew l-elementi ewlenin tal-patt, inkluż id-dimensjoni esterna, il-fażi proposta ta' qabel id-dħul, il-mekkaniżmu ta' solidarjetà, il-migrazzjoni interna u l-ġestjoni tal-ażil, diversi mezzi biex jittejjeb ir-ritorn, ir-rwol tal-aġenziji, il-perkorsi legali għad-dħul fl-Ewropa u l-integrazzjoni.

  • 2019

    4 ta' Diċembru

    Il-Kunsill jiddiskuti l-futur tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

    Il-ministri għall-intern tal-UE ddiskutew il-futur tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil, abbażi ta' rapport imħejji mill-Presidenza Finlandiża. Matul id-dibattitu, il-ministri laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil. Huma kkonfermaw il-ħtieġa għal approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, b'approċċ ta' gvern sħiħ kif ukoll approċċ tar-rotta sħiħ.

  • 2019

    8 ta' Ottubru

    Il-Kunsill jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni

    Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni. Huma rieżaminaw is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fl-UE fir-rotot kollha, b'fokus partikolari fuq iż-żieda fil-wasliet fil-Lvant tal-Mediterran. Huma qiesu wkoll id-dikjarazzjoni reċenti bejn Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Malta dwar arranġamenti temporanji għall-iżbark.

  • 2017

    29 ta' Novembru

    Kundizzjonijiet ta' akkoljenza għal persuni li jfittxu asil: Il-Kunsill lest biex jibda n-negozjati

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar mandat għal negozjati dwar abbozz ta' regoli għall-kwalifikazzjoni tal-applikanti għall-asil u kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien għall-persuni li jfittxu asil madwar l-UE. Il-presidenza issa ser tibda n-negozjati mal-Parlament Ewropew.

  • 2017

    15 ta' Novembru

    Qafas ta' risistemazzjoni tal-UE: Il-Kunsill ser jibda n-negozjati

    L-ambaxxaturi għall-UE qablu dwar mandat għal negozjati dwar regolament li jistabbilixxi qafas ta' risistemazzjoni tal-UE għall-ammissjoni ta' persuni li jfittxu asil.

    L-abbozz ta' regolament jipprova:

    • jipprevedi mogħdijiet legali u sikuri lejn l-UE
    • jipprovdi regoli komuni għar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja
    • jgħin biex tittaffa l-pressjoni f'pajjiżi li mhumiex fl-UE fejn ġew spostati numru kbir ta' persuni li jfittxu asil
  • 2017

    29 ta' Ġunju

    L-Aġenzija tal-UE għall-Asil: il-presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew jilħqu qbil politiku

    Il-presidenza Maltija u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku ġenerali ad referendum dwar kull wieħed mit-tnax-il kapitolu tar-regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil.

    Il-qbil huwa soġġett għall-approvazzjoni mill-Coreper fil-futur qarib wara li ssir aktar ħidma fuq il-premessi. Barra minn hekk, il-qbil jeskludi ċerti partijiet tat-test li huma relatati ma' proposti leġislattivi oħra fil-pakkett dwar ir-reviżjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) li għadhom ma ġewx iffinalizzati.

  • 2016

    13 ta' Lulju

    Proposti tal-Kummissjoni Ewropea - sistema Ewropea komuni tal-asil

    Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat it-tieni sensiela ta' proposti biex tirriforma s-sistema Ewropea komuni tal-asil u proposta biex jinħoloq qafas komuni tal-UE għar-risistemazzjoni.

  • 2016

    4 ta' Mejju

    Proposti tal-Kummissjoni Ewropea - sistema Ewropea komuni tal-asil

    Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat serje ta' proposti biex tirriforma s-sistema Ewropea komuni tal-asil.

    Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tagħti rakkomandazzjoni għat-tkomplija tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Frar 2026