Skip to content

Trasport marittimu

Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tagħmel it-trasport marittimu aktar kompetittiv, aktar ekoloġiku u aktar sikur.

Trasport marittimu aktar sostenibbli

It-trasport marittimu huwa responsabbli għal madwar 13% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport. L-Unjoni Ewropea adottat għadd ta' inizjattivi biex tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport marittimu Ewropew filwaqt li żżommu kompetittiv.

FuelEU Maritime: fjuwils dekarbonizzati

L-inizjattiva FuelEU maritime, parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", ser tavvanza l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu.

L-għan huwa li titnaqqas l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord il-bastimenti sa 80% sal-2050, billi jiġi promoss l-użu ta' fjuwils aktar sostenibbli mill-bastimenti li jużaw il-portijiet tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat il-fluss bla xkiel tat-traffiku marittimu u jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern.

Ir-regoli l-ġodda ġew adottati mill-Kunsill f'Lulju 2023.

L-infografika tippreżenta l-għanijiet u l-benefiċċji tar-regolamenti proposti ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime li għandhom l-għan li jżidu l-użu ta' fjuwils aktar sostenibbli fiż-żewġ setturi tat-trasport.
Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)

Approċċ globali għall-emissjonijiet marittimi

L-UE taħdem ukoll fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-bastimenti. F'Lulju 2023 ġiet adottata strateġija riveduta tal-IMO għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, bl-ambizzjoni li jintlaħqu emissjonijiet żero netti sa madwar l-2050. Qed jiġu diskussi miżuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġija riveduta tal-IMO.

Il-presidenza tal-Kunsill u stati membri tal-UE jattendu l-laqgħat tal-IMO u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-iżvilupp ta' miżuri ambjentali u oħrajn. L-istati membri kollha tal-UE huma membri tal-organizzazzjoni.

Sikurezza tat-trasport marittimu

Biex tappoġġa tbaħħir nadif, aktar sikur u modern fl-UE, l-UE pproponiet sett ta' ħames atti leġiżlattivi, magħrufa kollettivament bħala l-pakkett dwar is-sikurezza marittima. Il-pakkett jinkludi miżuri dwar:

  • kontroll mill-istat tal-port
  • tniġġis minn bastimenti
  • konformità mar-rekwiżiti marbuta mal-istat tal-bandiera
  • investigazzjonijiet tal-aċċidenti
  • reviżjoni tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

L-għan huwa li jiġu mmodernizzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza marittima u li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma mill-bastimenti filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tas-settur tat-tbaħħir Ewropew.

F'Novembru 2024, il-Kunsill adotta erba' partijiet tal-pakkett.

F'Mejju 2025, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-ħames att leġiżlattiv, b'enfasi fuq l-EMSA.

Aktar informazzjoni dwar mezzi oħra ta' trasport

Sir af aktar dwar x'tagħmel l-UE dwar it-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bit-triq.

Diversi pinnijiet tal-pożizzjoni mqiegħda f'mappa tal-Ewropa, b'rotot iserrpu bejn il-pinnijiet u ajruplan, ferrovija u lanċa tal-passiġġieri sovrapposti fit-truf.
Trasport konness aħjar

Trasport konness aħjar

An electric car plugged into a charging point in front of a large tank of hydrogen, wind turbines and stylised leaves.
Trasport aktar ekoloġiku

Trasport aktar ekoloġiku

A large ship, a train and a lorry below the figures of two workers in high-visibility safety gear consulting a clipboard.
Trasport aktar sikur

Trasport aktar sikur

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' April 2026