"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Trasport bit-triq

Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tagħmel it-trasport bit-triq aktar kompetittiv, aktar ekoloġiku u aktar sikur.

Trasport bit-triq sostenibbli u interkonness

It-trasport bit-triq jaqdi rwol vitali fiċ-ċaqliq tan-nies u tal-merkanzija madwar l-Ewropa, iżda jikkontribwixxi wkoll b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Il-karozzi waħedhom jammontaw għal 12% tal-emissjonijiet kollha tad-diossidu tal-karbonju (CO₂) tal-UE.

L-UE ħadet diversi inizjattivi biex it-trasport isir aktar ekoloġiku. L-għan huwa li jinstab bilanċ bejn l-aċċessibbiltà u r-responsabbiltà ambjentali.

Karozzi u vannijiet: standards tal-emissjonijiet tas-CO₂

F'Marzu 2023, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tas-CO₂ minn karozzi u vannijiet ġodda, filwaqt li rreveda r-regolament tal-UE tal-2019.

Ir-regoli riveduti jistabbilixxu miri għat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet. Bejn l-2030 u l-2034, l-emissjonijiet ser ikollhom jitnaqqsu b'55% għall-karozzi ġodda u b'50% għall-vannijiet ġodda meta mqabbla mal-miri tal-2021.

Mill-2035, il-karozzi u l-vannijiet ġodda kollha ser ikollhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero.

F'Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex jiġu riveduti l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO₂ għall-karozzi u l-vannijiet. L-għan tal-proposta huwa li jkun hemm approċċ aktar flessibbli u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija filwaqt li tinżamm il-mixja lejn in-newtralità klimatika. L-istati membri bħalissa qed jeżaminaw il-proposta.

Trakkijiet u karozzi tal-linja: standards tal-emissjonijiet tas-CO₂

F'Mejju 2024, il-Kunsill adotta regoli ġodda biex isaħħaħ l-istandards tal-emissjonijiet għall-vetturi heavy-duty. Ir-regolament jaġġorna r-regoli tal-2019 biex jgħin lill-UE tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ir-regolament għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO₂ fis-settur tat-trasport bit-triq f'konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE billi jgħolli l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 (-45%) u jintroduċi miri ġodda għall-2035 (-65%) u għall-2040 (-90%).

Ir-regoli jespandu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament preċedenti sabiex kważi l-vetturi heavy-duty ġodda kollha b'emissjonijiet iċċertifikati tas-CO₂ – inkluż trakkijiet iżgħar, karozzi tal-linja urbani, kowċis u trejlers – jiġu soġġetti għal miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet.

Skont ir-regoli l-ġodda, sal-2035 il-karozzi tal-linja urbani l-ġodda kollha ser ikollhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero. Il-karozzi tal-linja u l-kowċis għal distanzi twal ser jibqgħu soġġetti għall-miri ġenerali.

F'Marzu 2026 il-Kunsill adotta formalment emenda mmirata għar-regolament dwar l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO₂ għall-vetturi heavy-duty. Ir-regoli l-ġodda jintroduċu flessibbiltà temporanja għall-manifatturi biex jikkonformaw mal-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO₂ għall-2030. L-emenda ma tibdilx is-sustanza tal-miri ta' tnaqqis fit-tul.

Euro 7

Minbarra li stabbiliet standards tal-emissjonijiet għall-vetturi, l-UE adottat ukoll regoli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa tal-arja oħra mit-trasport bit-triq.

Ir-regolament Euro 7 jistabbilixxi regoli għall-emissjonijiet li jissupplimentaw il-limiti tas-CO₂ imsemmijin hawn fuq, u jkopru wkoll elementi oħra li jniġġsu. Dawn jinkludu t-tniġġis mill-brix tat-tajers, mill-brejkijiet u mill-batteriji.

Ir-regoli jkopru karozzi, vannijiet u vetturi heavy-duty f'att legali wieħed.

Il-Kunsill adotta r-regolament il-ġdid f'April 2024.

Pedaġġ tat-toroq

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija heavy-duty għall-użu ta' ċerti infrastrutturi tat-toroq fl-istati membri.

F'Novembru 2021, il-Kunsill ta l-approvazzjoni tiegħu għal reviżjoni ta' dawn ir-regoli, li kollettivament jissejħu d-direttiva Eurovignette. Il-liġi riveduta għandha l-għan li tiffavorixxi trasport aktar ekoloġiku u aktar effiċjenti, u tinkludi skema ġdida biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' CO₂ sabiex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-settur f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi.

Id-direttiva daħlet fis-seħħ f'Marzu 2022.

F'Ġunju 2026, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar emendi mmirati għad-direttiva dwar il-Eurovignette. Dawn ifittxu li jipprovdu aktar ċarezza dwar kif għandhom jiġu applikati r-regoli tat-tariffi bbażati fuq is-CO₂, b'mod partikolari fid-dawl tal-istandards il-ġodda tal-emissjonijiet tas-CO₂ għall-vetturi heavy-duty, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2026.

Il-bidliet għandhom l-għan li jappoġġaw tranżizzjoni bla xkiel lejn sistema ta' pedaġġ stradali li tirrifletti aħjar l-emissjonijiet tal-vetturi, filwaqt li jiżguraw applikazzjoni aktar armonizzata tar-regoli fl-istati membri kollha.

Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

Ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR) għandu l-għan li jiżgura l-installazzjoni madwar l-UE ta' infrastruttura pubblikament aċċessibbli tal-iċċarġjar elettriku u ta' riforniment tal-fjuwils alternattivi fis-setturi tat-trasport bit-triq, l-avjazzjoni u t-trasport fuq l-ilma.

Ir-regoli jistabbilixxu miri għall-varar tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar u tar-riforniment. Dan jinkludi l-iżgurar li jkun hemm stazzjonijiet tal-iċċarġjar mill-inqas kull 60 kilometru fit-toroq ewlenin. Il-Kunsill adotta r-regolament f'Lulju 2023.

L-infografika tippreżenta data u ċifri dwar ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li ser jiżgura biżżejjed stazzjonijiet tar-riforniment u tal-irriċarġjar tal-fjuwils alternattivi madwar l-UE sal-2030.

Lesti għall-mira ta' 55%: lejn trasport aktar sostenibbli (Infografika)

Riċiklaġġ tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw

F'Ġunju 2026, il-Kunsill adotta formalment ir-regolament dwar ir-rekwiżiti taċ-ċirkolarità għad-disinn tal-vetturi u dwar il-ġestjoni ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw. Ir-regolament il-ġdid jintroduċi rekwiżiti taċ-ċirkolarità tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vetturi, mid-disinn u l-produzzjoni sa xi jsir minnhom meta ma jibqgħux jintużaw.

Il-produtturi ser ikunu responsabbli finanzjarjament u organizzazzjonalment għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-vetturi tagħhom, inkluż fil-mument meta jsiru skart.

Ir-regolament jipprojbixxi wkoll l-esportazzjoni ta' vetturi użati li ma għadhomx tajbin għat-triq, filwaqt li jiżgura li l-UE tissodisfa l-impenji tagħha li żżomm materjali ta' valur fit-territorju tagħha u li ma tikkontribwix għat-tniġġis f'pajjiżi terzi.

Emenda tad-direttiva dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet

F'Diċembru 2025, il-Kunsill adotta pożizzjoni li temenda d-direttiva li tistabbilixxi d-dimensjonijiet u l-piżijiet massimi awtorizzati għal ċerti vetturi tat-triq. Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli għall-piż u d-dimensjonijiet massimi permissibbli tal-vetturi użati fit-trasport bit-triq fl-UE.

L-emenda għandha l-għan li timmodernizza r-regoli attwali, filwaqt li tirrifletti l-avvanzi teknoloġiċi, inkluż l-użu ta' vetturi b'emissjonijiet żero aktar nodfa. Tinkludi inċentivi biex is-settur tat-trasport bit-triq jinvesti f'teknoloġiji b'emissjonijiet żero, b'mod partikolari li jippermettu tpaċija għall-piż miżjud minħabba dawn it-teknoloġiji.

Sikurezza fit-toroq

Minkejja l-progress sinifikanti f'dawn l-aħħar deċennji, aktar minn 20 000 persuna għadhom jitilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE kull sena. L-UE għandha l-għan li tnaqqas l-imwiet u l-korrimenti serji b'50% sal-2030 u li telimina l-imwiet u l-korrimenti serji kollha fit-toroq sal-2050.

Wieħed mill-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan huwa l-pakkett dwar is-sikurezza fit-toroq, propost mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2023. Dan jikkonsisti f'reviżjonijiet ta' tliet proposti leġiżlattivi:

  • id-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan
  • id-direttiva dwar l-effett fl-Unjoni kollha ta' skwalifiki mis-sewqan
  • id-direttiva dwar l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

Direttiva riveduta dwar il-liċenzji tas-sewqan għal sewwieqa mħejjija u vvalutati aħjar

F'Marzu 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar l-aġġornament tad-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan. L-għan huwa li tissaħħaħ is-sikurezza fit-toroq billi jiġi żgurat li s-sewwieqa jitħejjew u jiġu vvalutati aħjar.

Ir-reviżjoni tinkludi:

  • liċenzja tas-sewqan uniformi disponibbli fuq il-mobile sa tmiem l-2030
  • perjodu ta' prova armonizzat għal sewwieqa ġodda fl-istati membri kollha
  • skema ta' sewqan akkumpanjat għal sewwieqa żgħażagħ b'liċenzja (C)
  • pass lejn l-armonizzazzjoni tal-iskrinjar mediku meta jinħarġu l-liċenzji tas-sewqan

Id-direttiva issa ser tiġi vverifikata għal kwistjonijiet legali u lingwistiċi, u wara dan tiġi adottata formalment mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Ladarba tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-istati membri ser ikollhom 30 xahar biex jinkorporaw ir-regoli l-ġodda fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Direttiva dwar l-iskwalifiki mis-sewqan biex jiġi żgurat li t-trasgressuri serji tat-traffiku jiffaċċjaw konsegwenzi

Fil-25 ta' Marzu 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju dwar l-infurzar aħjar tal-iskwalifiki tas-sewqan (projbizzjonijiet jew sospensjonijiet mis-sewqan) madwar l-Unjoni.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li t-trasgressuri serji tat-traffiku jinżammu responsabbli fl-UE kollha, irrispettivament minn fejn ikun twettaq reat. Bħalissa, jekk sewwieq iwettaq ksur serju tat-traffiku fi stat membru li ma jkunx dak li jkun ħareġ il-liċenzja tiegħu, l-iskwalifika tiegħu spiss tapplika biss fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat.

Elementi ewlenin tal-inizjattiva:

  • l-istati membri jridu jinfurzaw l-iskwalifiki mis-sewqan għal reati serji (bħas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew li jikkawża mewt jew korriment serju) mogħtija fi stati membri oħra
  • skwalifiki ta' aktar minn tliet xhur iridu jiġu rrapportati bejn l-istati membri bl-użu ta' formola standardizzata
  • fil-każ ta' skwalifika fi stat membru li ma jkunx dak li jkun ħareġ il-liċenzja, il-pajjiż li joħroġ il-liċenzja jrid japplika l-istess skwalifika (bi ftit eċċezzjonijiet)
  • id-data kollha ser tiġi kondiviża permezz tas-sistema sigura RESPER (in-network tal-UE li jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan)

Kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku li jaffettwaw is-sikurezza fit-toroq

Fis-16 ta' Diċembru 2024, wara qbil politiku proviżorju mal-Parlament Ewropew f'Marzu 2024, il-Kunsill tal-UE adotta r-reviżjoni tad-direttiva tal-2015 dwar l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq. L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq billi tiżgura li s-sewwieqa mhux residenti jinżammu responsabbli għal ksur tat-traffiku mwettaq fl-istati membri tal-UE. Il-proposta:

  • tespandi l-lista ta' reati koperti mid-direttiva, biex tinkludi qbiż perikoluż, sewqan f'direzzjoni ħażina u inċidenti ta' hit-and-run
  • ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali
  • tipproteġi aħjar id-drittijiet tas-sewwieqa (eż. permezz ta' salvagwardji għall-prevenzjoni tal-użu ħażin tad-data personali)
  • ittejjeb il-mekkaniżmi ta' notifika u ta' pagament (tiżgura li t-trasgressuri jirċievu notifiki bil-lingwa tagħhom stess u jkunu jistgħu jħallsu l-multi b'mod aktar faċli)

L-istati membri huma meħtieġa jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-direttiva riveduta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fi żmien 30 xahar mid-dħul fis-seħħ tagħha.

Pakkett tal-affidabbiltà stradali

F'Diċembru 2025, il-Kunsill adotta pożizzjoni dwar il-pakkett dwar l-affidabbiltà stradali. Il-pakkett jippreżenta aġġornament komprensiv tal-istandards tal-UE fir-rigward tal-ispezzjonijiet tal-vetturi b'rabta mas-sikurezza fit-toroq u r-regoli fir-rigward tar-reġistrazzjoni tagħhom. Għandu l-għan li jkompli jtejjeb is-sikurezza fit-toroq fl-UE billi pereżempju:

  • jiżgura l-konsistenza, l-oġġettività u l-kwalità tal-ittestjar tal-affidabilità stradali
  • inaqqas tat-tbagħbis u jtejjeb id-detezzjoni ta' vetturi difettużi, kif ukoll ta' odometri mbagħbsa

Aktar informazzjoni dwar mezzi oħra ta' trasport

Aqra dwar il-politiki tal-UE dwar it-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bil-baħar.

An electric car plugged into a charging point in front of a large tank of hydrogen, wind turbines and stylised leaves.

Trasport aktar ekoloġiku

Diversi pinnijiet tal-pożizzjoni mqiegħda f'mappa tal-Ewropa, b'rotot iserrpu bejn il-pinnijiet u ajruplan, ferrovija u lanċa tal-passiġġieri sovrapposti fit-truf.

Trasport konness aħjar

A large ship, a train and a lorry below the figures of two workers in high-visibility safety gear consulting a clipboard.

Trasport aktar sikur

L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Ġunju 2026