Trasport bl-ajru
L-UE qed taħdem biex toħloq settur tat-trasport bl-ajru sikur, sostenibbli u kompetittiv.
Trasport bl-ajru aktar sostenibbli u interkonness
L-avjazzjoni hija responsabbli għal madwar 14% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport fl-UE. Sabiex jitnaqqas dak is-sehem, l-UE qed tintroduċi diversi inizjattivi, li jiffukaw b'mod speċjali fuq fjuwils aktar ekoloġiċi u organizzazzjoni aktar innovattiva tal-ispazju tal-ajru.
ReFuelEU Aviation: fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli
Il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (bijofjuwils, fjuwils sintetiċi u fjuwils tal-karbonju riċiklat) huma fost l-għodod ewlenin fuq terminu qasir u medju biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, dan il-potenzjal fil-biċċa l-kbira mhuwiex sfruttat peress li l-iżvilupp ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli qed jiġi mxekkel minn livell baxx ta' provvista u prezzijiet ferm ogħla minn dawk tal-fjuwils fossili. B'riżultat ta' dan, dawn il-fjuwils jirrappreżentaw biss 0.05% tal-konsum totali tal-fjuwil fis-settur tal-avjazzjoni.
Ir-regolament ReFuelEU aviation fi ħdan il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" għandu l-għan li jnaqqas l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni u jgħin lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha permezz ta' użu akbar ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi għal settur tat-trasport bl-ajru sostenibbli. Skont ir-regoli l-ġodda, il-fornituri tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru ser ikollhom iżidu s-sehem tal-fjuwils sostenibbli fl-ajruporti kollha tal-UE sa 70% sal-2050.
Lesti għall-mira ta' 55%: żieda fl-użu ta' fjuwils aktar ekoloġiċi fis-settur marittimu u fis-settur tal-avjazzjoni (Infografika)
Wara l-ftehim proviżorju milħuq mal-Parlament Ewropew dwar il-proposta f'April 2023, il-Kunsill adotta r-regolament f'Ottubru 2023.
Sostenibbiltà tal-avjazzjoni internazzjonali
Il-pajjiżi kollha tal-UE huma membri tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Flimkien mal-membri l-oħra, huma qed jaħdmu biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-avjazzjoni.
Bil-ħsieb li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali fuq il-klima u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli tal-avjazzjoni internazzjonali, l-ICAO qed taħdem fuq għadd ta' miżuri li jinkludu:
- titjib fit-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru
- titjib operazzjonali
- fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli
- CORSIA (skema ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali)
F'Ġunju 2020, l-UE kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha fil-CORSIA mill-bidu tal-fażi volontarja fl-1 ta' Jannar 2021. Barra minn hekk, il-Kunsill adotta deċiżjoni f'Diċembru 2022 biex l-istati membri jkunu jistgħu jikkonformaw ma' xi wħud mill-obbligi tagħhom ta' CORSIA.
Fl-2023, l-UE adottat ir-reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), li kienet tikkonċerna wkoll l-avjazzjoni. Ir-reviżjoni hija parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%". L-għan huwa li jiżdied il-kontribut tas-settur għall-politika tal-UE dwar il-klima u li tiġi implimentata CORSIA fl-UE.
- Il-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti ta' kumpens għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni (CORSIA) (stqarrija għall-istampa, 19 ta' Diċembru 2022)
- "Lesti għall-mira ta' 55%": Il-Kunsill jadotta atti ewlenin ta' leġiżlazzjoni li jilħqu l-miri klimatiċi għall-2030 (stqarrija għall-istampa, 25 ta' April 2023)
- Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili - ICAO
Ajru Uniku Ewropew
L-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' regoli u objettivi komuni għall-ġestjoni komuni tal-ispazju tal-ajru Ewropew taħt l-Ajru Uniku Ewropew. Il-ġestjoni effiċjenti tat-traffiku tal-ajru għandha tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur, kif ukoll biex jiġu żgurati biżżejjed kapaċità u titjib fil-kosteffiċjenza.
Il-Kummissjoni ressqet proposta emendata biex tbiddel ir-regolament eżistenti fit-22 ta' Settembru 2020. F'Ġunju tal-2021, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali rigward ir-riforma tal-Ajru Uniku Ewropew.
F'Marzu 2024, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar ir-riforma, u warajh iż-żewġ istituzzjonijiet adottaw il-ftehim. L-att finali ġie ffirmat fit-23 ta' Ottubru 2024 u ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-11 ta' Novembru 2024.
Drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru
Ir-regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u dwar ir-responsabbiltà tal-linji tal-ajru diġà jipproteġu l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru fl-UE, jekk ma jitħallewx jitilgħu jew it-titjira tagħhom tittardja jew tiġi kkanċellata. Huma jindikaw ukoll id-drittijiet li l-passiġġieri tal-ajru għandhom f'każ ta' inċidenti jew jekk il-bagalji tagħhom jintilfu, jinqerdu jew issirilhom ħsara.
Madankollu, minħabba nuqqas ta' ċarezza dwar ċerti prinċipji li huma msemmija fit-test, fl-2013 tressaq aġġornament tal-proposti.
Wara negozjati twal mal-Parlament Ewropew, f’Lulju 2026 il-Kunsill adotta regoli aġġornati. Il-qafas il-ġdid ser isaħħaħ u jiċċara d-drittijiet tal-passiġġieri.
Ir-regoli aġġornati jinkludu:
- gwida aktar ċara dwar kif jintalab kumpens f'każijiet ta' kanċellazzjoni u dewmien
- assistenza addizzjonali matul l-interruzzjonijiet
- drittijiet ġodda rigward "no shows" u bagalji tal-kabina, u għal persuni bi bżonnijiet speċifiċi
- drittijiet imsaħħa għall-passiġġieri li jingħataw rotta alternattiva
Sikurezza tal-avjazzjoni
Is-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni hija mibnija fuq regoli komuni tas-sikurezza li japplikaw fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dawn ir-regoli huma ssorveljati mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-UE (EASA), u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni. Dawn ikopru oqsma ewlenin bħas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru, it-taħriġ tal-bdoti, l-ajruporti, l-operazzjonijiet tat-titjir, u s-servizzi tat-traffiku tal-ajru.
Il-linji tal-ajru kollha li joperaw fl-Unjoni Ewropea jridu jikkonformaw ma' dawn ir-regoli tas-sikurezza. Dawk li ma jikkonformawx jiġu pprojbiti u mqiegħda fuq il-lista tal-UE tas-sikurezza tal-ajru – li tiġi aġġornata regolarment u tgħin fil-protezzjoni tal-passiġġieri billi tinfurmahom dwar il-linji tal-ajru li jistgħu ma jkunux sikuri.
Aktar informazzjoni dwar mezzi oħra ta' trasport
Aqra dwar il-politiki tal-UE dwar it-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-baħar.
Kontenut relatat
Trasport konness aħjar
Trasport aktar ekoloġiku
Trasport aktar sikur
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Lulju 2026